Il-kriżi tad-djun fiż-żona Ewro quddiem il-PE


Il-kriżi tad-djun fiż-Żona Ewro llum tkun dibattuta fil-Parlament Ewropew (PE). Il-PE se jkun indirizzat mill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) Jean Claude Trichet. Is-sitwazzjoni li tinsab fiha bħalissa l-Irlanda kompliet ħolqot diffikultajiet u tħassib mhux biss dwar il-futur taż-Żona Ewro imma wkoll tal-Unjoni Ewropea (UE) innifisha.

Nhar it-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra Herman Van Rompuy, President tal-Kunsill Ewropew, wissa li l-UE se tkun qiegħda tiffaċċja “kriżi ta’ salvazzjoni” jekk ma tipproteġix l-istabilità taż-Żona Ewro. Van Rompuy kien irrapportat li qal li “jekk ma nsalvawx iż-Żona Ewro ma nsalvawx l-UE”.

Sadanittant fl-istess ġurnata l-Ministri tal-Finanzi taż-Żona Ewro ddeċidew li rappreżentanzi għoljin tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) imorru Dublin biex jeżaminaw is-sitwazzjoni ekonomika u l-istat li jinsab fih is-settur bankarju Irlandiż. It-taħditiet mal-Gvern Irlandiż bdew nhar il-Ġimgħa li għaddiet.

Il-Bank Ċentrali Ewropew qed jappella lill-Irlanda biex titlob l-għajnuna ħalli l-banek Irlandiżi ma jkunux jiddependu ħafna fuq il-likwidità pprovduta minnu.

Sadanittant hemm pajjiżi membri tal-UE, fuq quddiem nett Franza u l-Ġermanja, li qegħdin jagħmlu pressjoni fuq l-Irlanda biex tgħolli r-rata ta’ dik li tissejjaħ Corporate Tax, li b’rata ta’ 12.5% hija waħda mill-aktar baxxi fiż-Żona Ewro. Iż-żewġ pajjiżi qegħdin jinsistu li din għandha tkun waħda mill-kundizzjonijiet li taħthom l-Irlanda tingħata l-għajnuna.

Il-Ministri tal-Finanzi Irlandiż, Brian Lenihan, iddikjara li l-Irlanda mhix lesta ċċaqlaq ir-rata ta’ din it-taxxa. Min-naħa tiegħu, Patrick Honohan, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Irlandiż, qal li d-diskussjonijiet jistgħu jwasslu biex l-Irlanda tingħata self ta’ biljuni kbar ta’ ewro.

Sadattant din il-ġimgħa l-Gvern Irlandiz se jħabbar pjan ta’ erba’ snin maħsub biex tul dan il-perjodu jkunu ffrankati €15-il biljun.

Intergroup 174

Is-sena l-oħra madwar xahrejn wara l-ftuħ tal-Parlament Ewropew għam ilt Mistoqsija Parlamentari lill-Kummissjoni Ewropea li kienet tittratta lil Għawdex. Fiha tlabt jiċċarawli eżatt kif l-Unjoni Ewropea tħares lejn id-Dikjarazzjoni 36 li twaħħlet mat-Trattat ta’ Sħubija ta’ Malta fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dikjarazzjoni li tittratta lil Għawdex speċfikament u li biha l-Għawdxin ġew mogħtija l-idea li gżirithom ġiet rikonoxxuta bħala gżira reġjun u allura intitolati għall-għajnuna sew finanzjarja u sew ta’ natura oħra. Issemma għall-ewwel iċ-ċiklu finanzjarju 2007-2013, u meta l-flus tqassmu u Għawdex ma ħa xejn direttament mill-UE, beda jissemma ċ-ċiklu li jmiss jiġifieri dak 2014-2020.

It-tweġiba mill-Kumissjoni kienet ċara u bla tlaliq. Dik id-dikjarazzjoni solenni kienet biss dikjarazzjoni unilaterali. Dikjarazzjoni tal-Gvern Malti waħdu.

Dan ifisser li jekk Għawdex jixtieq li jiġi rikonnoxxut bħal tant gżejjer oħra Ewropej li jirċievu għajnuna diretta biex tpatti għall-iżvantaġġi naturali u permanenti, irid jibda mill-bidu nett u jaħdem bis-sħiħ biex jingħata dan l-istatus ġustifikat. Dan minnu nnifsu instigani biex naħdem fuqha. La jien u lanqas Għawdex m’għandna noqogħdu b’moħħna mistrieħ li abbażi ta’ dik id-Dikjarazzjoni meta tieqaf l-għajnuna mill-UE lil Malta tali għajnuna se tingħata awtomatikament lil Għawdex.

Jekk fiċ-ċiklu li jmiss Malta tkun tilfet l-istatus tagħha bħala Objective One għax il-Prodott Gross Domestiku (PGD) ikun qabeż il-75 fil-mija tal-medja tal-membri stati tal-UE, Malta ma jkollhiex xi tqassam lil Għawdex kif fil-fatt qiegħda tagħmel illum billi l-Gvern Malti kien kkommetta għaxra fil-mija tal-għajnuna li jirċievi bħal fondi strutturali bħalma huma l-ERDF u Cohesion Funds fuq l-iżvilupp f’Għawdex.

Fiċ-ċiklu finanzjarju li jmiss Għawdex x’se jieħu? Jekk bħala Għawdex tali miri stabbiliti mill-UE ma jkunx laħaqhom, se jibbenefika? Din hija mistoqsija kontroversjali għax jiddependi minn kemm dan hux garantit jew le. Il-Gvern qed jittama li iva. Il-Kummissjoni qed tgħidli li m’hemm xejn garantit.

Hi x’inhi t-tweġiba, irridu naħdmu biex dan iseħħ. Irridu naħdmu mil-lum biex naraw li dak li għandu jsir fir-rigward t’Għawdex isir. Ma jistax ikun li nibqgħu bis-sitwazzjoni li rapporti dwar Għawdex ma jsirux. Fuq xiex se tibbaża l-argumenti tiegħek favur Għawdex jekk lanqas rapporti speċifiċi fuq kull qasam Għawdxi ma jsiru? Huma minn rapporti bħal dawn li jistgħu joħorġu aktar ċari d-diffikultajiet li għandu Għawdex ħalli mbagħad, fiż-żmien propizju, ikunu ppreżentati lill-UE.

Gżejjer bħal Għawdex huma reġjuni żvantaġġati. Mhumiex il-gżejjer biss f’din is-sitwazzjoni. Bħalhom hemm ir-reġjuni muntanjużi, jew reġjuni li l-popolazzjoni tagħhom hija baxxa ħafna.

Flimkien ma’ Membri Parlamentari Ewropej oħrajn, li ġejjin minn pajjiżi li għandhom reġjuni bi żvantaġġi bħal dawn, waqqafna grupp fil-Parlament Ewropew li semmejnih Intergroup 174. Intergroup għax huwa ffurmat minn Membri Parlamentari Ewropej li ġejjin minn gruppi politiċi differenti fi ħdan il-Parlament Ewropew. Intergroup 174 għax 174 huwa n-numru tal-Artiklu tat-Trattat ta’ Liżbona li jgħid ċar u tond li l-UE hija kommessa li tgħin lil dawk ir-reġjuni li għandhom żvantaġġi ġeografiċi permanenti. Irid jingħad li t-Trattat ta’ Liżbona huwa l-Kostituzzjoni tal-UE.

Żvantaġġi ġeografiċi permanenti jinkludu l-insularità doppja li għandu Għawdex. Diġà bħala gżira, Malta għandha insularità għal dak li huwa trasport lejn il-kontinent Ewropew. Għawdex għandu insularità doppja għax l-ewwel dak kollu li jrid jintbagħat barra, irid jaqsam għal Malta u mbagħad minn Malta jaqsam għal kull pajjiż ieħor.

Ahna li ffurmajna l-Intergroup 174, jien l-uniku Membru Parlamentari Ewropew Malti fih u fost żewġ membri mill-grupp tiegħi (S&D), niltaqgħu b’mod regolari kull xahar biex kull ħaġa li ssir mill-Kummissjoni Ewropea nidħlu fiha aktar mill-qrib biex naraw reġjuni żvantaġġati bħal Għawdex x’jistgħu jieħdu. Naraw x’eċċezzjonijiet jistgħu jsiru għal reġjuni bħal dawn fejn jirrigwarda, per eżempju, kompetizzjoni fis-swieq jew sussidji mill-istat.

B’sodisfazzjon ngħid li ħidmet dan l-intergrupp parlamentari diġà bdiet tħalli l-frott. Kien hemm rapport li ħareġ mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali li jittratta dwar it-territorji b’fatturi ġeografiċi speċifiċi. Ma għoġobna xejn. Kien stramb il-fatt li ma jissemmewx l-iżvantaġġi naturali u permanenti li jirreferi għalihom it-Trattat ta’ Liżbona. Il-punt ta’ tluq f’dan ir-rapport kienu l-liġijiet preżenti tal-UE u mhux x’għandu jsir mill-Kummissjoni biex jibdew jiġu diskussi kif dawk l-iżvantaġġi li jiffaċċjaw dawn ir-reġjuni jiġu indirizzatti fl-isfond ta’ qafas ġdid. Għalhekk analizzajnih, għamilna l-kritika tagħna, tajna l-opinjoni tagħna dwar kif dan jista’ jittejjeb fil-konfront ta’ dawn ir-reġjuni. Riżultat ta’ dan l-isforz u permezz tal-Kumitat magħruf bħala Regio, kumitat li jittratta l-politika għar-reġjuni, tressqet riżoluzzjoni li fil-fatt ġiet approvata mill-PE b’maġġoranza kbira.

Qegħdin naħdmu biex il-paragrafu 174 tat-Trattat ta’ Liżbona, jiġi msarraf f’politika ġdida tal-UE li tara l-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni li fiha jkun hemm qafas ġdid li jindirizza l-problemi tal-gżejjer u r-rimedji li għandhom ikollhom. Irid ikun hemm aktar flessibilità biex il-problemi ta’ kull gżira jkun indirizzati skont il-ħtieġa speċifika tagħha.

Għawdex illum mhux żvantaġġjat biss għax ma jingħatax fondi diretti mill-UE, imma wkoll għax fil-konfront tiegħu ma jistgħux isiru eċċezzjonijiet bħalma saru ma’ reġjuni oħrajn. Lanqas jekk irid il-Gvern Malti, l-UE ma tħallihx jgħin lil Għawdex, bħal ngħidu aħna l-Gżejjer Portugiżi Azores u Madeira li tbaxxitilhom ir-rata tal-VAT. Eċċezzjoni bħal din ma tistax issir m’Għawdex għax m’għandux l-istess status ta’ dawn il-gżejjer u ta’ oħrajn bħalhom.

It-trasport bil-baħar bejn Malta u Għawdex huwa l-ħolqa unika li tista’ tgħin jew toħnoq l-iżvilupp tal-gżira Għawdxija. Huwa imminenti li dan is-servizz ikun liberalizzat. Kemm hu ppreparat il-poplu u l-mexxejja tagħhom għal din l-eventwalità? Hemm ħafna x’jista’ jsir biex Għawdex ma jitlifx okkażjoni unika li l-impatt tagħha jservi għal ħafna snin. Hemm ħafna mudelli fuq xiex jista’ jimxi.

Hemm ir-regolamenti dwar dak li jissejħu Maritime Cabotage bejn it-territorju ewlieni u l-gżejjer tagħhom, regolamenti li jippermettu li l-Gvern jagħmel dak li jissejjaħ Public Service Contract, fejn jagħti sussidju biex il-kumpanija li tirbaħ il-kuntratt tkun tista’ tintrabat li tagħti servizz kif mitlub minnhom. Dan jissejjaħ Public Service Obligation. Importanti li s-servizz tat-trasport ikun wieħed tajjeb u bl-inqas spejjeż possibbli, imma mal-obbligu li jkun hemm servizz tajjeb irid ikun hemm il-kumpens.

Minn studji li għamilt jirriżulta li aktar ma jkun baxx in-nol tal-vapur, u mhux biss għal raġunijiet soċjali bħalma huwa fil-każ tal-Għawdxin, imma għal kulħadd, aktar jiżdied in-numru ta’ nies li jaqsmu. Kemm turisti kif ukoll Maltin. Dan iħalli ritorn qawwi ta’ flus fil-gżira Għawdxija u li allura jagħmel tajjeb għas-sussidju li jkun qed jagħti l-Gvern.

Mhux biżżejjed li nsejħu lil Għawdex djamant fil-Mediterran. Għawdex jistħoqqlu żvilupp. Għawdex jistħoqqlu sostenibilità. Dan jista’ jseħħ. Huwa wkoll fl-interess ta’ Malta li dan isir. Jiddependi minn kemm aħna lesti naħdmu għal dan il-għan. L-għajnuna tiegħi qed nagħtiha u lest li nkompli nagħtiha kif wegħedt qabel ma ġejt elett. Nagħtiha liġ kull min jitlobni hi x’inhi l-opinjoni politika tiegħu jew tagħha.

www.l-orizzont.com – It-Tnejn, 22 ta’ Novembru, 2010


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *