Il-Kummissjoni mitluba twieġeb


Il-Kummissjoni mitluba twieġeb

Fil-bidu ta’ Settembru li għadda l-Kummissjoni Ewropea wieġbet Mistoq­sija Parlamentari li kont għa­milt f’Lulju ta’ qabel dwar il-fondi tal-politika ta’ koeż­joni għal Malta mill-Unjoni Ewropea. Fl-istess jiem għa­milt Mistoqsija Parlamentari oħra, fir-rigward tad-deċiż­joni li tinqata’ l-provvista tad-dawl u l-ilma lil min ma jħallasx il-kontijiet dovuti u riċentement dwar l-aħbar li kupuni mogħtijin lil familji vulnerabbli ma kinux qegħdin jiġu onorati jekk ma jit­ħallasx il-kont sħiħ f’daqqa.
Huwa aktar minn ovvju li l-aktar milqutin minn deċiż­joni bħal din huma l-familji l-aktar vulnerabbli, li aktar ma jkunu ’l isfel aktar isibu min ikompli jgħoddoshom. Għadu m’għaddiex żmien biżżejjed biex ikolli tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari.
Imma sadanittant, lokalment, l-awtoritajiet kienu pronti joħorġu tweġiba kif ukoll interpretazzjoni ta’ xi trid tgħid il-Kummissjoni. Interpretazzjonijiet maħsu­bin biex jiżvijjaw l-attenzjoni mill-punt ewlieni.

Il-fondi tal-UE
Nitratta ż-żewġ mistoqsijiet b’mod separat. Nibda mill-Mistoqsija Parlamentari dwar il-fondi allokati lil Malta mill-Unjoni Ewropea skont il-qafas finanzjarju attwali għas-snin 2007/2013. Dawn il-fondi jammontaw għal €855 miljun, medja ta’ €122.1 miljun kull sena. Skont ir-Rapport Finanzjarju tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-baġit tas-sena 2009 ippubblikat f’Settembru tas-sena l-oħra, Malta s’issa rċe­viet konċessjonijiet għas-snin 2007/2009 li bħala med­ja huma madwar nofs tal-allokazzjonijiet annwali. Staqsejt x’wassal għal dan u staqsejt ukoll x’jiġri minn fondi allokati jekk dawn ma jilħqux jintefqu, jekk jintilfux jew jiżdiedux mal-ammont li Malta tiġi allokata fiċ-ċiklu finanzjarju li jmiss.
Meta għamilt din il-mistoq­sija l-Gvern akkużani li għa­milt dikjarazzjonijiet żbaljati. Bħal donnu m’għandix dritt u mhux dover tiegħi li insegwi dak li jkun għaddej dwar pajjiżna fir-rigward ta’ allokazzjonijiet finanzjarji mill-Unjoni Ewropea, aktar u aktar meta tqis li Malta qiegħda tikkontribwixxi mhux inqas minn €50 miljun fis-sena bħala sehma.
Iktar sinifikanti hu l-fatt li filwaqt li pajjiżi oħrajn li jibbenfikaw minn dawn il-fondi jagħtu rendikont dettaljat fuq is-sit tal-Internet tagħhom, dan s’issa ma jsirx fuq is-sit imtella’ apposta mill-Uffiċju tal-Prim Ministru ta’ pajjiżna. Lanqas il-ħafna telefonati mill-uffiċċju tiegħi ma wasslu mkien.
Fit-tweġiba tagħha l-Kummissjoni tatni l-verżjoni li taha l-Gvern fit-tweġiba tiegħu għal stqarrija tiegħi għall-Istampa. Din qalet li fl-opinjoni tagħha, meqjusa r-rata ta’ impenn ta’ fondi fi proġetti u skemi huwa mistenni li n-nefqa se tiżdied fix-xhur u s-snin li ġejjin, b’Malta tilħaq il-miri tan-nefqa miftehma. Però qalet ukoll li sal-lum għadha ma saret l-ebda verifika dwar kemm in-nefqa hix sodisfaċenti jew le. Dan l-istudju ta’ verifika se jsir għall-ewwel darba fl-aħħar ta’ din is-sena.
Il-Kummissjoni għamlitha ċara li m’hemmx trasferimenti ta’ fondi bejn il-perjodi ta’ programmar u għalhekk kwa­lunkwe fondi tal-perjodu 2007-13 li ma jintużawx qabel l-aħ­ħar tas-sena 2015 ma jistgħux jiġu ttrasferiti għall-perjodu ta’ programmar li jmiss. F’kelma waħda: jintilfu.
Irrid nagħmilha ċara li jien qatt ma ddubitajt l-ammonti kommessi biex jintefqu fi pro­ġetti. Madankollu kien hemm każi fejn smajna bi proġetti li ma tlestewx fil-ħin. Fejn jidħlu fondi mill-Unjoni Ewropea dak li ma jintużax jintilef.
Li għandna fil-konkret s’issa huwa li Malta użat nofs mill-ammont allokat. Dan fl-opinjoni tiegħi huwa ammont baxx. Nistennew ir-rapport tal-Kummissjoni biex iserr­ħilna rasna li l-biża’ li għandi li fl-aħħar sentejn inkunu rridu nonfqu dak li ma ntefaqx f’se­ba’ snin hu bla bażi. Nistennew u naraw.

Faqar tal-enerġija
L-aħħar Mistoqsija Parlamen­tari tiegħi kienet tirrigwarda sew d-deċiżjoni li tinqata’ l-provvista tad-dawl u l-ilma lil min ma jħallasx il-kontijiet dovuti, kif ukoll ir-rapporti li l-kupuni mogħtijin lil familji fil-bżonn ma kinux qegħdin jiġu onorati jekk il-familja ma tħallasx il-kont kollu f’daqqa. Din l-aħbar ma ġietx kontestata. Fil-maġġor parti ta’ dawk milqutin minn deċiżjoni ħarxa bħal din hemm il-familji vulnerabbli. Familji bi dħul baxx li jistgħu jkunu jinkludu tfal żgħar, trabi, kif ukoll anzjani u morda.
Madankollu malli tħabbar li għamilt Mistoqsija Parlamentari li fiha tlabt li jkun investigat jekk aġir xejn ċivili bħal dan imurx kontra d-Direttiva dwar l-Enerġija li titlob li l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jassiguraw li jkunu mħarsin l-familji vulnerabbli, ARMS Ltd kienet pronta ħarġet stqarrija. Fiha kkontestat l-ammonti ta’ djar li nqatgħalhom is-servizz tad-dawl u l-ilma kif ukoll l-użu tal-kupun ta’ għajnuna finanzjarja.
Bħal donnu ċ-ċaqliq ta’ ċifri fl-istatistika ta’ kemm kienu dawk li nqatgħalhom is-servizz tad-dawl u li wara xi żmien reġa’ ingħatalhom se jbiddel il-fatt li twettaq aġir xejn ċivili bħal dak. L-istatistika uffiċjali li pprovat twaqqa’ dik li ħriġt jien fuq medda ta’ ħa­mes snin, dawritha għal sena u għaddet numru ta’ drabi ta’ qtugħ ta’ familja waħ­da bħala każ wieħed.
Qtugħ tal-provvista tad-dawl għal ftit sigħat huwa trawma għal kull familja, aħseb u ara qtugħ għal min jaf kemm żmien  għal familji vulnerabbli. Huwa ferm validu li tistma kemm hu n-numru ta’ drabi ta’ dan l-aġir tal-mistħija bħal dak li qiegħda tirrikorri għalih korporazzjoni tal-Istat minn meta t-tariffi tad-dawl u l-ilma għolew b’mod astronomiku u li rrendew foqra fl-enerġija lil ħafna familji.
Kull meta jitqajjem dan il-każ fil-Parlament Nazzjonali l-Gvern dejjem isemmi s-solljev li jista’ jsir ftehim bejn il-konsumatur u ARMS Ltd biex il-kontijiet jitħallsu f’forma ta’ pagamenti.
Veru li b’hekk dak li jkun jingħata ftit nifs, imma li donnu qegħdin ninsew huwa li l-kontijiet qegħdin jintbagħtu kull xahrejn u allura l-maġġoranza ta’ dawk li qegħdin iħallsu “bin-nifs” qegħdin jispiċċaw b’kont jil­ħaq lill-ieħor bl-arretrati jkomplu jakkumulaw.
Fir-risposta tal-ewwel mistoqsija tiegħi l-Kummissjoni kienet wegħditni li se tagħmel investigazzjoni. Jien din id-darba għidtilha li għadni nis­tenna dan ir-rapport.
Sadanittant ARMS Ltd għan­dha tkun taf li l-qtugħ tal-provvista tal-elettriku lil familja vul­nerabbli WAĦDA BISS, hu­wa wkoll diġà aktar minn biżżejjed.

l-orizzont – It-Tnejn, 03 ta’ Ottubru, 2011


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *