Il-pajjiżi Mediterranji u l-ewro


Fl-artiklu tiegħi tal-ġimgħa l-oħra ttrattajt is-sitwazzjoni attwali fiż-Żona Ewro mil-lenti tad-differenzi li hemm fil-mod kif ħadmu, u jaħdmu, il-pajjiżi Nordiċi, immexxijin fuq quddiem mill-Ġermanja, imma jinkludu magħha l-Awstrija, l-Olanda u l-Finlandja, kollha fiż-Żona Ew­ro. Huwa għalhekk wieħ­ed issa jrid jara l-mod kif ħadmu, u jaħdmu, il-pajjiżi Me­diterranji għal dik li hi tmexxija ekonomika u finanzjarja.

Hemm differenzi kbar fil-mudelli mħaddmin. B’dawk Nordiċi jiksbu riżultati li poġ­ġew lill-pajjiżi konċernati f’pożizzjoni soda u dawk Mediterranji li llum għandhom riżultati li poġ­ġew­hom f’baħar ta’ nkwiet, iżda li fil-passat, qabel ma daħlu fl-ewro, dejjem raw kif evitaw dawn il-kriżijiet.

Jekk wieħed iħares lejn il-pajjiżi Mediterranji fejn jid­ħlu djun u defiċits isib li tista’ tgħid kollha għandhom l-istess fiżjonomija – djun u defiċits għoljin. Im­ma min-naħa l-oħra, id-djun u d-defiċits mhumiex monopolji tal-pajjiżi Mediterranji. L-Amerika wkoll għandha d-djun u d-defi­ċits.

Huwa fatt li l-fiżjonomija ta’ wħud mill-pajjiżi Medterranji tixxiebaħ ħafna. Kienet hekk sa minn qabel dawn daħlu fl-Unjoni Ewropea u fiż-Żona Ewro.

Eżempji ta’ ċirkostanzi klas­siċi huma Spanja, il-Portugall u l-Greċja. It-tlieta li huma ħarġu prattikament minn dittatorjat iebes u aħrax.

Il-waqgħa tad-dittatorjat fissret għall-popli konċernati dak li jfisser għal għasfur li tiftaħlu l-gaġġa.

Id-demokrazija fissret aktar infiq ta’ flus, li fisser ukoll li miegħu ġab aktar żvilupp. Għaddew mill-is­tess esperjenza t-Taljani. It-Taljani għaddew minn esperjenzi ta’ taqlib kbir ta’ tmexxija politika li wasslet għal nuqqas ta’ stabbilità, b’ħafna nfieq dubjuż dwar kif intużaw u fejn marru l-flus.

Intużaw mudelli ta’ tmex­xija fejn ir-ritmu tal-infiq wassal għal djun jogħlew u defiċits dejjem jiżdiedu. Ma’ dan iridu jiżdiedu wkoll l-inflazzjoni u t-tnaqqis konsegwenzjali fil-komptittività.

Il-mudell ta’ “fejqan” adot­tat minn dawn il-pajjiżi kien wieħed komuni wkoll għalihom ilkoll – jiżvalutaw il-munita tagħhom. Kien il-mezz li bih jikkoreġu l-iżbalji li jkunu saru, għax filwaqt li l-inflazzjoni tnaq­qas il-kompetittività, bl-iżva­lutar tirbaħ lura l-kompetittività li tkun tlift u tinkiseb lura wkoll l-istabbiltà.

Dan kien il-mod li kienu jaħdmu bih, u li setgħu japp­likawh sakemm kienu waħ­edhom, b’munita tagħ­hom. Kien il-mod li bih kienu jerġ­għu jistabbilizzaw l-ekonomija.

Ladarba daħlu fiż-Żona Ewro ntrabtu b’din il-munita, li mhi ta’ ebda pajjiż partikolari, imma ta’ blokk ta’ pajjiżi, ta’ żona. Is-soluzzjon ta’ żva­lutar saret xi ħaġa tal-istorja. Ebda pajjiż membru ma jista’ jiżvaluta. Il-munita ewro hi taħt il-ħarsien tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimxi fuq il-mudell Ġermaniż. U ladarba ma baqax disponibbli l-mek­ka­niżmu tal-iżvalutar bħa­la mezz biex bih jikkorreġu, bdew­lhom il-problemi. Ma kellhomx aktar dik il-flessibili­tà ta’ qabel. Lanqas mhu faċli li jadottaw il-mudell tal-Ġer­maniżi li jrażżnu l-pagi. U għal­hekk dan tellifhom il-kompetittività.

Madankollu, sħubija fiż-Żona Ewro ġabitilhom ukoll il-vantaġġi. Bil-Ġermanja fiż-Żona Ewro, sinsla għall-munita ewro, b’forma ta’ garanzija bħal dik, b’inflazzjoni baxxa ħafna fil-Ġermanja u fil-pajjiżi Nordiċi l-oħrajn, tbaxxew sew ir-rati tal-imgħax.

Il-pajjiżi Mediterranji, in­kluż Malta, ħatfu din l-ok­każ­joni vantaġġjuża, bl-isfortuna li l-flus ma ntużawx bil-għaqal. Meta raw rati ta’ mgħax daqs­tant baxxi sar investiment kbir immens fil-proprjetà.

Rajna boom tal-proprjetà fi Spanja u fil-Portugall b’mod partikolari. Intefħet bużżieqa kbira, b’kulħadd jixtri u jispekola fil-proprjetà bla ma rrealizzaw li xi darba din il-bużżieqa kienet se tinfaqa’.

U l-bużżieqa nfaqgħet. Meta seħħ dan, il-pajjiżi spiċċaw bi djun kbar, defiċits għoljin u ekonomiji mhux kompetittivi u kellhom jaċċettaw dak li jgħidulhom is-swieq internazz­jonali, fosthom il-miżuri ta’ awsterità u s-sgrifiċċji li miżuri bħal dawn iġibu magħhom.

Bil-għan li jibdew jirbħu lura s-swieq internazzjonali, il-gvernijiet rispettivi tal-Greċ­ja, Spanja u l-Portugall qegħdin ikomplu jissikkaw bit-tama li jwaqqgħu u jnaqqsu d-djun kemm jista’ jkun.

Ma jfissirx imma li hu daqstant faċli li taqleb mentalità mil-lum għal għada.

Min-naħa l-oħra mhux sew li tagħti mediċina li ma taqbilx mal-pazjent. Trid tkun flessibbli. Trid tkun lest tasal għal xi forma ta’ kompromess.

Imma d-djun se jaqgħu? Din hi l-mistoqsija kruċjali. Jiddependi minn jekk l-ekonomiji ta’ dawn il-pajjiżi jib­qgħux għaddejjin ’il quddiem. Jekk iva, allura d-djun jaqgħu, imma jekk l-ekonomiji jib­- q­għu jmajnaw minħabba prog­rammi t’awsterità li ma jifil­ħux għalihom, il-porzjon tad-djun fuq il-ġid nazzjonali jogħla u mhux jinżel. Jekk ma tiżdiedx id-domanda għall-prodotti ta’ dawn l-ekonomiji min-naħa ta’ fuq tal-Ewropa, jekk ma tiżdiedx il-kompetittività, allura l-pajjiżi Mediterranji se jkunu qegħdin jiffaċċjaw il-problemi.

Għas-swieq finanzjarji li jridu jinvestu u jsellfu m’hemmx pajjiżi Nordiċi u Mediterranji. Li jaraw is-swieq huwa jekk intix miexi sew. Kemm int kompetittiv.

Il-mistoqsija li ssegwi dan ix-xenarju hi ovvja, huwa possibbli li l-pajjiżi Mediterranji jadottaw il-mudell tal-pajjiżi Nordiċi?

Ebda Greċja, ebda Spanja, ebda Portugall, ebda Ċipru u ebda Malta mhuma se jsiru Ġermanja. Mediterranji huma u Mediterranji jibqgħu. Li ċertament jridu jagħmlu huwa li jiddixxiplinaw ruħhom f’dawk li huma finanzi pubbliċi u kif imexxu l-ekonomiji tagħhom.

Min-naħa l-oħra, il-Ġerman­ja, soda kemm hi soda, trid trattab ftit l-għebusija ta’ ras­ha. Filfatt dan diġà bdejna narawh isir fil-laqgħat li Angela Merkel kellha ma’ Nicolas Sarkozy, ma’ David Cameron u oħrajn. Nemmen li aktar ‘il quddiem il-Ġermanja terħi ftit ieħor ukoll.

B’hekk iż-żewġ naħat iku­nu qegħdin jersqu lejn xul­xin, lejn triq ta’ kompromess, lejn soluzzjoni. Għax fl-aħħar mill-aħħar irid ikun hemm bilanċ. Ma jis­tax ikun li l-Ġermanja tibqa’ b’dik is-superjorità kollha bil-pajjiżi l-oħrajn jippro­vaw jilħquha.

Il-Ġermanja trid iżżid id-domanda biex il-pajjiżi Me­diterranji jibdew jesportaw u b’hekk nisperaw li nkunu sibna soluzzjoni biex l-ewro tkun sostenibbli u jkollha futur sabiħ quddiemha.

www.orrizont.com – 17 ta’ Jannar, 2011


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *