Il-piż tad-dejn min se jġorru?


Il-gimgha li għaddiet, x’aktarx aktar minn qatt qabel, ħarset id-dinja u b’mod partikolari dik Ewropea, kienet iffokata fuq Brussels, l-aktar nhar l-Erbgħa li għadda meta tkompla s-Summit tal-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea li nbeda l-Ħadd ta’ qabel. Il-kitba fuq il-ħajt ta’ quddiemhom kienet ċara daqs il-kristall: Kollha nafu li s-sitwazzjoni fiż-Żona Ewro kompliet sejra għall-agħar. Irridu nieħdu deċiżjonijiet b’mod urġenti jekk irridu li jkun evitat li tkun perikolata l-istabbiltà tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
Dak miftiehem nhar l-Erbgħa jista’ jinġabar f’erba’ punti. Il-faċilità għal stabbilità finanzjarja Ewropea se titkabbar għal triljun ewro mingħajr ma jitpoġġa ewro ieħor mill-pajjiżi membri taż-żona ma’ dawk l-€440 biljun f’garanzjiji li tpoggew s’issa; se jinħafer nofs id-dejn li l-Greċja għandha mal-banek; kmieni s-sena d-dieħla l-Greċja tingħata €100 biljun biex tittaffielha l-kriżi li tinsab fiha; u jkun hemm rikapitalizzazzjoni tal-banek preferibbilment mis-settur privat milli mill-Gvernijiet. Rimedji li fil-prinċipju konna ilna nissuġġerixxu fid-diskussjonijiet tagħna fil-Parlament, iżda li baqgħu miżmumin lura għax ma kinux aċċettabbli politikament mill-Ġermanja jew minn Franza sa ftit xhur ilu. Illum is-sitwazzjoni nnifisha mbuttathom li juru l-karti kollha mal-elettorat u r-rappreżentanti tagħhom fil-Parlament ta’ pajjiżhom.
Biex nifhmu aħjar x’qed jiġri wieħed ċertament irid iżomm f’moħħu li d-djun ma jisparixxux. Id-djun iridu jinġarru minn xi ħadd. Min kien gawda oriġinarjment, fil-passat, meta saru d-djun minflok inġabru t-taxxi, kien tefagħhom fuq il-ġenerazzjoni futura ta’ ‘taxpayers’. Dik il-ġenerazzjoni futura hija aħna llum. Il-Greċja sa ftit ilu kienet qiegħda tintalab iġġorr il-piż kollu waħedha. Illum kulħadd qed jammetti li l-pajjiż ma jiflaħx iżjed, mhux għax biss hemm tbatija kbira imma għax l-oġġettiv ma jistax jintlaħaq.
Il-Greċja ma tiflaħx tħallas lura d-djun li għandha għax prattikament hi falluta u hu għalhekk li l-banek se jaħfrulha nofshom. Il-persentaġġi ta’ kemm kellha tkun il-maħfra kienu jvarjaw minn 60% tad-djun Griegi mal-banek kif kien tal-fehma l-Fond Monetarju Internazzjonali u x-xewqa tal-banek irrappreżentata mill-Institute for International Finance ta’ 20%.
Il-Kunsill finalment qed jitlob 50 fil-mija. Dan ma japplikax għal self lill-Greċja li sar mill-Gvernijiet ta’ pajjiżi oħrajn inkluż Malta.
Min-naħa l-oħra l-Banek Franċiżi, Ġermaniżi, Griegi u Ċiprijotti jridu jaraw x’effett dan il-piż li se jibdew iġorru x’konsegwenzi se jkollu u kif se jirrimedjaw għalih. Biex jifilħu għal dan it-telf, il-Banek iridu jkunu b’saħħithom, jiġifieri rikapitalizzati tajjeb.
Kulħadd jaf li dan mhux il-każ. Infatti hu stmat li l-persentaġġ ta’ dan il-‘core capital’ irid jiżdied minn 6% għal 9%. Dan mistenni li jsir billi ma jitqassamx ‘dividends’, jinbiegħu ċertu assi bankarji, jingħaqdu ma’ xi bank ieħor, jew jinġabar kapital ġdid. Ir-rimedju tal-Irlanda li l-Gvernijiet stess jidħlu biex iġorru dan il-piż, ħadd ma jrid jimmaġinah li jerġa’ jsir. Però fil-ħajja qatt ma tista’ tgħid qatt.
Irridu naraw kemm din ir-rikapitalizzazzjoni hix se ssir mill-privat jew le. Żgur li fil-frattemp il-Bank Ċentrali Ewropew se jkompli jgħin billi jixtri bonds riskjużi miżmumin mill-banek u minflok jagħtihom cash. Bla dubju, il-banek issa se jkollhom bżonn iżidu l-kapital tagħhom. Iċ-ċifra li qiegħda tissemma bħala li se jkollhom bżonn, speċjalment il-banek fiż-Żona Ewro, hija ta’ madwar 100 biljun ewro, flus li jridu jsibuhom mis-swieq. U jekk mis-swieq ma jsibuhomx?
Tweġiba għal din il-mistoqsija hija li l-banek jisilfu flus mill-EFSF, faċilità li issa se titwessa għal triljun ewro. Dan għadu mhux qed jissemma għax fuq hekk kienet il-kontroversja riċenti bejn il-Ġermanja u Franza. Mhix tissemma wkoll għax il-banek qegħdin ikunu mbuttati biex isibu soluzzjoni mis-swieq privati.
Minn dak kollu li għaddejjin minnu bħala Żona Ewro li joħroġ żgur hu li l-istruttura tagħha trid tinbidel. Trid tinbidel għax issa jidher ċar li mhix adekwata għal xokkijiet ta’ kriżijiet bħal dawn. Tibdil li jrid isir. Tibdil tat-Trattat. Madankollu l-bdil tat-Trattat, għalkemm issemma ħafna fil-komunikat li nħareġ wara l-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa, mhux qed jissemma bħala parti mis-soluzzjoni immedjata.
Tibdil fit-Trattat ma jsirx mil-lum għal għada. Jieħu s-snin. Kull pajjiż għandu l-problemi tiegħu. Għandek pajjiżi fejn biex isir tibdil fit-Trattat ikun meħtieġ referendum. Tkun qed tiftaħ dik li l-Ingliżi jgħidulha Pandora’s Box, tiftaħ kaxxa u ma tafx x’jista’ joħroġ minnha. Għalhekk tibdil bħal dan jiehu s-snin biex isir. Xorta jrid isir imma li mhux taghti l-impressjoni li llum is-soluzzjoni tiddependi minn dan il-bdil.
Il-ftehim milħuq, anke jekk id-dettalji dwar kif se jkun implimentat għadhom mhux daqstant ċari, ikkalma s-swieq, li jafu li għal-lum għandna soluzzjoni, iżda għal quddiem iridu jsiru t-tibdiliet neċessarji fl-istruttura taż-Żona Ewro biex iġġib stabbilità.
Stabbilità li ma tinteressax biss liż-Żona Ewro jew lill-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Tinteressa lil pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, tinteressa liċ-Ċina, lill-Istati Uniti, lill-Awstralja, li kollha jixtiequ li l-Unjoni Ewropea tirnexxi. Li l-ewro tirnexxi, għax din hija stabbilià li tkattar ix-xogħol. Nistennew u nittamaw f’dan kollu.

l-orizzont – It-Tnejn, 31 ta’ Ottubru, 2011


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *