Il-voodoo f’Togo u Benin


IL-Ġimgha l-oħra Benin, pajjiż Afrikan, li jinsab fil-Punent ta’ dak il-kontinent, kienet fl-aħbarijiet minħabba ż-żjara tal-Papa Bendittu XVI. L-għan taż-żjara tal-Papa kienet biex jiċċelebra l-150 sena mill-evanġelizzazzjoni tal-pajjiż u li ffirma ftehim li jinkludi rakkomandazzjonijiet magħmulin mill-mexxejja tal-Knisja Kattolika Afrikana rigward l-isfidi li għandu fosthom il-kunflitti mdemmijin, il-faqar u l-korruzjoni.

Fl-istess ħin madwar 80 mil biss mill-belt ta’ Coto­nou f’Benin, f’belt kapitali oħra mal-istess kosta dik ta’ Lome f’Togo, kienet qiegħda titlaqqa’ t-22 Sessjoni tal-Assemblea Parlamentari Kon­ġunta li tlaqqa’ flimkien Membri Parlamentari Ew­ro­pej u Membri Parlamentari minn pajjiżi fl-Afrika, mill-Karibew u mill-Paċifiku (ACP). Jien attendejt bħala membru f’din id-delegazzjoni.

L-Assemblea Konġunta til­taqa’ darbtejn fis-sena, darba fl-Ewropa u darb’oħra f’wie­ħed mill-pajjiżi tal-ACP skont kif stabbilit f’dak li huwa magħruf bħala l-Ftehim Cotonou li kien ġie ffirmat fis-sena 2000 bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-ACP appuntu f’Cotonou li jgħodd għall-20 sena u ssos­titwixxa Konvenzjoni ta’ Lome li saret fl-1973 bejn l-istess partijiet. Dan il-ftehim hu estensiv u jkopri dmiri­jiet u obbligi bejn l-UE u l-pajjiżi inqas żviluppati. Jagħti għajnuniet kbar iżda jitlob obbligi speċjalment fejn jidħlu d-drittijiet umani u strateġiji ta’ żvilupp eko­no­miku, politku u socjali. Jipparteċipaw f’dan il-prog­ramm mhemmx biss il-gverninijiet tal-pajjiżi mem­-b­ri, iżda s-soċjetà ċivili, is-settur privat u l-amminis­­- trazzjoni lokali.

Kemm il-laqgħa tal-Assemblea Parlamentari Kon­ġunta f’Togo u ż-żjara tal-Papa f’Benin kellhom objettiv komuni: li tagħmel kuraġġ lin-nies tal-pajjiż biex ma jaqtgħux qalbhom. Li turihom li l-mexxejja reliġjużi u politiċi rispettivament fin-naħa ta’ fuq huma qrib tagħhom, li qegħdin tagħtu każ dak li għaddejja minnu l-Afrika u li lesti li jgħinuhom fl-isforzi li qegħdin jagħmlu biex joħorġu mill-problemi politiċi u eko­nomiċi li qegħdin jiffaċċjaw.

Naturalment il-laqgħa tagħ­­na setgħet saret fi Brussels u kienu jiġu ffrankati l-ispejjeż ta’ ġarr tal-apparat kollu inklużi l-kompjuters, ‘microphones’, dokumenti u saħansitra l-bnadar biex tint­­rama s-sala tal-konferenza u jien u sħabi konna wkoll niff­rankaw vjaġġ twil ta’ madwar 24 siegħa biex naslu Togo. Iżda huwa importanti li l-membri tal-Unjoni Ewropea jmorru f’dawn il-pajjiżi fqar, sew għalihom innifishom u sew għall-pajjiż li jkun qed jilqa’ f’pajjiżu dan l-avveniment.

Fi tlett ijiem tifhem dak li ma tkunx fhimt f’sena sħiħa, anke jekk minn jaf kemm tkun qrajt rapporti fuq il-problemi u sfidi tal-pajjiż. Tirrealizza li wara kollox dawn in-nies għandhom l-istess preokkupazzjonijiet u aspirazzjonijiet bħalna; li jkollhom servizzi tas-saħħa biex jikkumbattu l-mard fil-familji tagħhom, iridu li jkollhom aċċess għall-ilma tax-xorb nadif, li jkollhom saqaf fuq rashom, li jkollom skejjel fejn jedukaw lill-uliedhom. Dawn huma ħtiġijiet bażiċi li kull bniedem jixtieqhom u għandu jkollu.

Naturalment minħabba l-faqar f’dawn il-pajjiżi, huwa diffiċli li dawn l-għanijiet jin­tlaħqu b’mod sodisfaċenti. Togo, pereżempju, għandu popolazzjoni ta’ madwar seba’ miljun persuna. Tliet kwarti tan-nies jaħdmu fil-biedja li tikkontribwixxi 45% tal-Prodott Gross Domestiku tal-paj-­ jiż. Togo huwa fost il-pajjiżi l-aktar fqar fid-dinja, is-seba’ mill-aħħar f’lista ta’ 227 paj­jiż. Skont l-istatistika uffiċjali, il-produzzjoni tal-pajjiż ras għal ras hi ta’ inqas minn $3 kuljum, jiġifieri mad-$900 fis-sena. Żgur li b’dan id-dħul baxx mhux possibbli li dawn in-nies jilħqu dawk l-għanijiet li semmejt aktar qabel. Dan barra problemi akbar u aktar komplessi bħalma huma l-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ ġustizzja.

Ironikament anke l-Unjoni Ewropea toħloq problemi għal dawn il-pajjiżi meta timponi ostakoli fil-forma ta’ tariffi jew kwoti fuq il-prodotti tal-biedja u minerali li jiġi minn dawn il-pajjiżi.

Dawn il-pajjiżi jinsistu mal-Ewropa biex tneħħi dawn l-ostakoli biex ikunu jistgħu jesportaw il-prodotti tagħ­hom lejn il-pajjiżi Ewropej. Dawn il-prodotti agrikoli li jsibu reżistenza mill-Ewropej jinkludi l-banana, tabakk u prodotti simili li jikbru fi kwantitajiet żgħar f’xi postijiet fl-Ewropa.

Is-sajjieda qalulna wkoll li vapuri kbar tas-sajd miċ-Ċina u pajjiżi Ewropej qegħdin ibaħħru qrib il-kosta tagħhom u jeħdulhom xogħolhom. Min­barra hekk qed ifeġġ il-piraterija tal-baħar li aħna konna naħsbu li tinsab biss lil hinn mis-Somalja li hi fuq in-naħa tal-Lvant tal-kontinent. Dan ifisser li nies fqar minn pajjiż l-aktar fqir fid-dinja ma jitħallewx isibu x’jieklu għax xi pajjiż ġgant jaħtaf jew aħjar jisirqilhom l-ikel minn ħalq­hom.

Dawn ir-realtajiet ma jit­wemmnux jekk ma tarahomx u tmisshom b’idejk.

Interessanti tisma’ minn għandhom u minn uffiċjali ta’ pajjiżi oħrajn fl-Afrika dwar il-mod kif iħarsu lejn l-Ewropa llum. Illum il-ġurnata, l-Unjoni Ewropea spiċċala l-monopolju kollu li kellha u li wirtet minn żminijiet kolonjali. Illum qed ikollha tikkompeti għal dawn is-swieq ma’ pajjiżi oħrajn fosthom iċ-Ċina, l-In­-d­ja u l-Brażil li qegħdin jgħinu lil dawn il-pajjiżi sotto-żvi­luppati.
Jekk l-Unjoni Ewropea trid li żżomm l-influwenza li kell­ha ma’ dawn il-pajjiżi trid tibda timxi magħhom b’mod differenti minn kif għamlet sal-lum.

Interessanti hu li sew Togo u Benin huma l-benniena tal-voodoo. Il-voodoo huwa speċi ta’ maġija li titlob l-għajnuna ta’ spirti twajbin tal-antenati tagħhom biex tgħin li min għandu xi bżonn partikolari bħalma hu l-mard.

Dawn r-ritwali sagri jsibu l-oriġini tagħhom xi 7,000 sena ilu u allura sew qabel ma feġġew ir-reliġjonijiet kif na­fuhom illum. Il-Papa, fi kliemu wera tolleranza kbira għal dawn il-prattiċi li huma integ­rati fis-soċjetajiet ta’ dawn in-naħat. Bħalu, l-Ewropa trid titgħallem li biex jasal il-messaġġ trid tkun diplomatika aktar minn qabel.

Waħda mit-temi tad-diskussjoni, u li fiha ħadt sehem u anke ressaqt emenda, ittrattat dwar ir-Rebbiegħa Għarbija li kkawżat taqlib kbir fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, fosthom it-Tu­neżija, l-Eġittu u l-Libja li qed iħalli impatt anke fuq il-pajjiżi Afrikani. U dan ma jistax jonqos għax għall-pajjiżi Afrikani, dak li ġara fil-pajjiżi Għarab mhu xejn għajr rivoluzzjoni kbira, xejn inqas mill-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin. Kien hemm pajjiżi fl-Afrika tas-sub Sahara, jiġifieri mhux Għarab, li ħarġu jipprotestaw u jipp­rovaw jikkopjaw dak li ġara fil-pajjiżi Għarab.

Il-pajjiżi Afrikani ġirien tal-Libja ġew affettwati negattivament mir-rivoluzzjoni li seħħet, sew minħabba n-numru kbir ta’ refuġjati li ħarbu ’l isfel, kif ukoll il-mod li l-Kunsill Tranżitorju u l-ġellieda rivoluzzjonarji ttrattaw lil persuni innoċenti suwed għax dawn ħasbuhom li huma merċenarji.

Fuq il-każ tat-tifel ta’ Gaddafi ħadd ma jrid li jgħaddi ġuri f’pajjiżu għax iħossu li ma jkunx smieħ serju. Jixtiequ li jitressaq quddiem qrati internazzjonali li ġew imwaqqfin apposta kif sar ma’ kriminali internazzjonali oħrajn.

Min-naħa tal-Parlament Ewropew, din il-proposta jaqbel magħha perfettament għax jixtieq li dan il-Qorti Internazzjonali jieħu fama u jibgħat messaġġ lil kull mexxej li jimxi b’mod kriminali fil-konfront tan-nies ta’ pajjiżu li jekk mhux illum, għada jew pitgħada l-id tal-ġustizzja tilħaq lilhom ukoll.

Aħna nittamaw li fil-pajjiżi Afrikani l-oħrajn isiru r-riformi demokratiċi meħ­tieġa biex ma jgħaddux mill-istess esperjenzi li għaddew minnhom il-paj­jiżi Għarab u li ħallew ħerba kbira warajhom.

l-orizzont, It-Tnejn, 28 ta’ Novembru, 2011

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *