Is-suwed tal-Afrika


L-ewwel darba li smajt bihom kien fi tfuliti mingħand ommi, li kienet taqra l-pubbli­kazzjoni Malta Missjunarja kull nhar ta’ Ħadd meta kienet tpoġġi fuq siġġu quddiem l-antiporta tad-dar tagħna u tqatta’ l-unika siegħa mistrieħ, jew ftit aktar, li kien ikollha tul ġimgħa sħiħa ta’ xogħol fid-dar. Tfal b’żaqqhom kbira li kellhom bżonn l-ikel, skejjel biex jitgħallmu fihom, u patrijiet u sorijiet missjunarji biex jgħallmuhom, jikkonvertu­hom u jgħamduhom. Kont nagħti bil-qalb fil-klassi meta l-għalliema kienet tiġbor għall-Missjoni u jagħtuna santa b’rikonoxximent.

It-tieni darba kien f’Ox­ford, fil-Kulleġġ ta’ Plater li kellu numru ġmielu ta’ studenti minn ħafna pajjiżi Afrikani li riedu jikkwalifikaw mill-aqwa università fl-Ingilterra biex jerġgħu lura f’pajjiżhom u jsiru ministri jew kapijiet tal-Gvern. Kie­­nu studenti intelliġenti u ambizzjużi. Uħud minnhom kienu ġejjin minn familji tal-elitè Afrikan, oħrajn mit-trejdunjins jew mill-qasam tal-ġurnaliżmu.

Qabel tlaqt minn Malta lejn l-Ingilterra kienu beżż­għu­ni li diffiċli torqod fl-is-tess kamra magħhom. Li l-ġilda tagħhom tinten. Li jieklu b’idejhom u mhux bis-sikkina u l-furketta. Il-Malti ta’ qabli ġie lura wara jumejn għax ma setax jidra jgħix magħhom. Tlajt jien floku. Billi jien qatt ma kont imfissed, drajt mill-ewwel u bqajt hemm.
Kelli ħafna ħbieb suwed. Filfatt, fost l-aħjar ħbieb li kelli kienu Steve, mir-Rhodesia, dik li llum hija Zimbabwe. Kien miżżewweġ b’għaxart itfal li l-mara u hu ħallew warajhom biex jikk­walifika u minn ġurnalist isir uffiċjal għoli mal-Gvern. Kien hemm Kojo, mill-Ghana, tifel ferrieħi ta’ Ministru, bravu u jipprometti. Kien hemm oħrajn mill-Kenja. Kie­­nu jitkellmu fuq suġġett wieħed: kif se jeħilsu mill-is­kjavitù tal-bojod u jirbħu l-indipendenza vera.

Imma llum, 40 sena wara, fejn tinsab l-Afrika, kontinent enormi ta’ madwar 49 pajjiż li l-parti ta’ fuq tiegħu hija biss mitejn mil bogħod minn pajjiżna?

Sfortunatament l-istampa mhix sabiħa. Għal ħafna snin l-Afrika baqgħet kontinent minsi. Il-kumplikazzjonijiet li għandu biex jara żvilupp li kontinenti oħrajn irnexxielhom jiksbu, naffru ħafna investiment li mar band’oħra. Il-kolonjaliżmu qisu ħalla mudell li l-Afrikani ma jis­tgħux jeħilsu minnu.

Sitwazzjoni fejn jew int minn ta’ fuq u tistagħna fil-poter u fil-ġid, jew m’inti xejn u tgħix fl-ikbar faqar li tista’ timmaġina. Kollox bil-kbir u bl-ikbar esaġerazzjoni. Ħafna mill-presidenti Afrikani u l-familji u ħbieb tagħhom mhux biss iridu jsiru sinjuri imma miljunarji mill-kbar.

Il-faqar, il-ġuħ u kull xorta ta’ mard li r-riżultati tiegħu huma l-uġigħ u l-imwiet, insibuhom bl-abbundanza. Nagħti eżempju. Il-Malawi hemm miljun tifel u tifla bla ġenituri minħabba l-HIV. Jiġifieri hemm eluf ta’ famlji mmexxijin minn kap ta’ familja li huwa tifel jew tifla, l-ikbar fl-età f’dik il-familja, jew min-nanna, għax il-ġenituri huma mejtin. Mhux ta’ b’xejn li fil-Kongo, fejn hemm sitwazzjoni agħar, l-edukazzjoni medja f’ħajjithom hija ta’ erba’ xhur biss.

In-nuqqas ta’ edukazzjoni u l-faqar iġibu l-mard u l-mard iġib il-faqar. Gvernijiet korrotti huma sew riżultat, kif ukoll ir-raġuni ta’ dan il-faqar u nuqqas ta’ żvilupp.

Kwazi taqta’ qalbek

Però meta titkellem magħ­hom issib li huma bħalna. Tad-demm u l-laħam. Daqsna jridu li jkollhom gvernijiet demokratiċi, indaf u li jirris­pettaw il-libertajiet tal-espressjoni. Bħalna jridu x-xogħol biex imantnu lill-familja. Lesti li jaħdmu. Iridu li t-tfal tagħhom jitgħallmu. Għandhom it-tama!

Mhux kull uffiċjal tal-Gvern huwa korrott. Meta niltaqa’ ma’ membri ta’ gvernijiet Afrikani fil-laqgħat li jkollna fi ħdan id-delegazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u dak Afrikan, Karibew u tal-Paċifiku, insib uffiċjali li għandhom tama kbira li bi ftit sforz ieħor jistgħu jaslu. Bħalma waslu paj­jiżi oħrajn li kienu fqar daqshom, bħaċ-Ċina u l-In­dja.

U l-bqija tad-dinja? Iva, hemm min jemmen fihom. Hemm min jaf li jekk jgħinhom il-ħolma tagħhom xi darba ssir realtà. Rajniha fl-Afrika t’Isfel waqt il-Logħob tat-Tazza tad-Dinja fis-sajf li għadda. Qegħdin narawha fil-kliem tad-deheb ta’ Nelson Mandela. F’nies sinjuri u benefatturi bħal Bill Gates tal-Microsoft u l-kantanta Madonna, li skoprew l-Afrika u jemmnu fiha. Narawha fil-ħafna żgħażagħ qalbiena Maltin li waqt il-vaganzi tagħhom imorru l-Kenja u l-Etjopja u pajjiżi oħrajn biex jgħinu. Fil-missjunarji konvenzjonali Mal­­tin u Għawdxin li qatt ma jitolbu li jkunu fl-aħbarijiet lokali għalkemm tul kull ġurnata tagħhom jagħmlu għemejjel ta’ kuraġġ u ħila li jisbqu bil-kbir lil uħud li jidhru fuq il-midja lokali.

Taħt il-ġilda sewda hemm ruħ bħalma hemm taħt il-ġilda bajda. Hemm moħħ. Hemm rieda. Hemm il-ħila. Ir-rieda li tasal, xi ħaġa li l-Maltin kellhom ħafna minn­ha, l-aktar fis-snin ta’ wara l-gwerra.

Tul dawn il-jiem ta’ festi ta’ min jirrifletti fuq l-episodju fejn bħala Maltin ħadna xokk kbir meta sibna s-suwed tal-Afrika wara biebna.

Ix-xokk u l-biża’ jġagħlu lill-bniedem instintivament joħroġ difrejh biex jiddefendi ruħu. Pajjiżna ma kienx ipp­reparat la biex jilqagħhom u iżjed u iżjed biex jintegrahom. L-Unjoni Ewropea ħallietna negħrqu fil-problema. Ħallietna waħedna. Il-mexxejja governattivi u ekkleżjastiċi għall-ewwel ukoll beżgħu jitkellmu. Il-poplu tħalla jfendi għal rasu.

Il-problema, għalkemm naq­set, għadha hemm. Għad baqgħalna ħafna x’nik­­­kumbattu u nipperswa­du ma’ pajjiżi oħrajn tal-UE biex jaqsmu magħna l-piż li jġib miegħu dan l-influss.

Min-naħa l-oħra l-biċċa l-kbira tal-Maltin bdew jifh­mu aktar lil dawn l-isfortuna­ti. Is-suġġett dwar is-suwed tal-Afrika m’għa­dux daqs­- hekk taboo. Il-pre­ġudizzju kon­trihom ittaffa xi ftit. Hemm min sabhom bieżla, les­ti li jaħdmu ħafna u jipp­re­tendu inqas. Oħrajn daħ­ħ­luhom f’djarhom u jgħin­u­hom mill-aħjar li jistgħu.

Irrid f’dan l-istadju insellem minn hawnhekk lil Patri Dijonisju Mintoff, lill-General Workers’ Union (GWU) u organizzazzjoni­jiet oħrajn li qegħdin jgħinu bil-fatti f’dan is-settur diffiċli. Ftit nisimgħu dwar dan. Hu l-waqt li nirrikonox­xuhom u nirringrazz­jaw­hom.

Bl-isbaħ xewqat

Nieħu din l-opportunità biex fl-aħħar kontribuzzjoni tiegħi f’dan il-ġurnal għas-sena 2010 nawgura l-isbaħ xewqat li s-sena 2011 tkun waħda ferm aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi kollu, għal pajjiżna.

Sadattant ħajr lill-Editur u l-istaff tal-ġurnal l-orizzont, ħaddiema tal-Union Print, u lilkom il-qarrejja li ta’ kull ġim­għa jogħġobkom issegwuni f’kitbieti.

www.orrizont.com – 27 ta’ Dicembru, 2010

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *