It-tieni ‘bail-out’ għall-Greċja


Ix-xahar li għadda, il-Parlament Malti għadda mill-istadji kollha ta’ kumitat abbozz ta’ liġi li japprova s-self li se jingħata lill-Greċja bħala sehem Malta mit-tieni bail-out taż-Żona Ewro. Diskussjoni bħal din huwa importanti li nsegwuha anke aħna l-Ewroparlamentari Maltin li qegħdin fil-Parlament Ew­ropew.
Wieħed jifhem li deċiż­jonijiet fejn jidħol self jew għoti tal-fondi tal-pajjiż lil barranin bilfors iridu jiġu ttrattati fil-Parlamenti rispettivi tal-pajjiżi membri inkluż il-Parlament Malti. B’mod ġenerali, wieħed josserva li, s’issa, għadu ma nstabx mod kif il-Parlamenti Nazzjonali u l-Parlament Ewropew jaħdmu sew flimkien. Dan minkejja li, ħafna drabi, Parlamentari Nazzjonali inkluż dawk Maltin jitilgħu fil-Parlament Ewro­pew u jieħdu sehem f’di­battiti konġunti. Matul dan l-aħħar dibattitu tqajmu diversi punti interessanti li xtaqt nelabora dwarhom.
Wieħed mill-punti li ssemmew kien kif il-Kummissjoni Ewropea ma ndunatx bl-istatistika qarrieqa li kienet qed tasal mill-Greċja. Dwar dan il-punt huwa ċar ħafna u ħareġ fil-miftuħ li kien hemm frodi. Jiġifieri r-raġuni mhux għax il-Kummissjoni ma ndunatx imma għax din qatt ma ngħatat mandat mill-Ministri tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex tiċċekkja. Irriżulta li pajjiż minnhom bħalma nafu għawweġ il-figuri bil-goff tant li ħoloq kriżi; dan il-pajjiż kien il-Greċja.
Ir-rapport dwar il-governanza tal-istatistika Ewropea li kont Rapporteur tiegħu jien, u li dwaru ktibt diġà, irid iwassal biex l-Ewrostat jagħmel il-proposti leġiżlattivi li għad iridu jgħaddu biex tissaħħaħ il-governanza tal-istatistika. Iżda, dwar l-awditjar tal-istatistika nnifisha, il-proposta diġà għaddiet u din hija li l-Ewrostat, bi dritt, issa tista’ tibgħat in-nies tagħha jiċċekkjaw il-kotba mhux biss tal-NSO, li hija l-Aġenzija tal-Istatistika Nazzjonali, imma anke tal-Gvern innifsu jiġifieri l-kontijiet tiegħu.
Fid-dibattitu fil-Parlament Malti bir-raġun kollu tqajjem il-punt dwar jekk Malta, bħala proporzjon tas-self li qed jingħata lill-Greċja, hux se tħallas iżjed milli suppost. Ir-risposta hija “La iżjed u lanqas inqas”. Il-Proporzjon huwa skont il-ġid nazzjonali li jiġi maħluq kull sena, jiġifieri l-Prodott Gross Domestiku (PGD) u mbagħad din il-formula nbidlet ħarira u ġie meqjus anki d-daqs tal-popolazzjoni.
Jiġifieri aħna, kollox ma’ kollox, nistgħu ngħidu li la qed inġorru piż iżjed u lanqas inqas mill-Ġermanja. Jiġifieri kollox qiegħed proporzjonat. Naturalment, issa li l-Greċja se tingħata dan is-self, il-Kummissjoni Ewropea hija mistennija li tieħu miżuri biex tassigura li l-Greċja żżomm mal-impenji li għandha, naturalment biex tilħaq l-għanijiet tagħha. Fil-fatt din hi l-ikbar dilemma. Aktar ma jingħata self lill-Greċja, għax dan il-pajjiż mhux qiegħed isib minn fejn jissellef, aktar qed jikber is-sogru li d-dejn jibqa’ ma jitħallasx.
Mhux faċli li tgħid x’għandu jsir, għax is-soluzzjoni hi li l-Greċja ssir aktar kompetittiva, li toħloq ix-xogħol, li tesporta eċċ. S’issa, dan ma setax isir għax il-programmi ta’ awste­rità marru għal kontra li nixtiequ li l-pajjiż jimxi. U għalhekk hemm din id-diskrepanza kbira bejn kif tara s-sitwazz­joni l-Ġermanja dwar kif għandu jkun il-programm u kif qed jaraw is-sitwazzjoni l-pajjiżi l-oħrajn. Fuq dan, il-pajjiżi taż-żona huma maqsumin.
Il-Ġermanja qed twebbes rasha u tinsisti li jkun hemm dejjem tnaqqis, tnaqqis f’kol­lox, fil-pensjonijiet, fil-pagi u fl-ispiża pubblika inġenerali. Din hija sistema biex jonqsu d-djun. Iżda qed iwassal għal tnaqqis fil-Prodott Gross Domestiku li, imbagħad, iwassal biex il-pajjiż jiġbor inqas taxxi u allura jkabbar il-problema. Jiġifieri din il-formola s’issa ma ħadmitx. Dan l-aħħar wieħed seta’ jinnota żviluppi ġodda, jiġifieri li l-Ġermanja qiegħda ċċedi. Il-Prim Minist­ru Taljan, Mario Monti, qal li hemm bżonn il-kompetitti­vità, hemm bżonn it-tkabbir ekonomiku, hemm bżonn li noħolqu x-xogħol u, bil-mod il-mod, fl-aħħar din qiegħda tissemma iktar. Fil-passat din kienet ‘taboo’. Hemm it-tama li, bi programmi serji ta’ investiment f’ċertu setturi, inkluz fil-Greċja, il-pajjiż isib l-għajnuna. S’issa, iżda, għadna mhu qegħdin naraw xejn konkret.
Il-kundizzjonijiet tas-self li aħna se nagħtu lill-Greċja issa nbidlu minn kif kienu oriġinarjament. Fil-fatt tbaxxew l-imgħaxijiet, jiġifieri aħna se jkollna ‘return’ inqas fuq dak is-self. B’imgħax għoli, l-ispiża għall-Greċja kienet se tkun tant kbira li kienet se twassal għall-falliment qabel il-waqt. Jiġifieri, meta wieħed iħares lejn l-istampa kollha, huwa ċar daqs il-kristall li dan is-self mhux investiment. Din hija responsabbiltà tagħna, bħala membri taż-Zona.
Inti qiegħed f’familja, f’dan il-każ iż-Żona Ewro, u trid issellef ħalli, jekk tkun inti fil-bżonn, isellfek ħaddieħor ukoll. Iżda żgur li mhux investiment, tieħu kemm tieħu imgħax. L-Arġentina kienet tati flus iżda meta falliet ħadd ma ħa xejn.
Aħna l-importanti mhux nieħdu ‘return’ fuq dak li nkunu qegħdin insellfu imma li naraw li l-Greċja ma tfallix u li s-soluzzjonijiet fl-aħħar jibdew jimxu ’l qud­diem biex ikun hemm tkabbir ekonomiku u jkun hemm il-ħolqien tax-xogħol. Patt Fiskali Dan l-aħħar rajna li Spanja mhux se tlaħħaq mal-miri stabbiliti u wieħed jissuspetta li l-Kummissjoni forsi qed timxi ma’ Spanja b’mod differenti milli qed timxi ma’ pajjiżi oħrajn.
Spanja huwa pajjiż kbir u għandu r-reġjuni li huma awtonomi. Issa skoprew, wara li nbidel il-Gvern u tela’ Gvern Konservattiv ta’ Rajoy, li r-Reġjuni qegħdin jgħidu li sabu djun ikbar milli kienu ddikjaraw qabel.
Ma ħloqniex il-kjass tal-Greċja però l-Gvern ġdid Spanjol qed jgħid li, l-ewwel nett, sab djun ikbar milli kien qed jistenna u, it-tieni, li minflok tkabbir qed ikollhom tnaqqis fil-Prodott Gross Domestiku u d-dejn bħala piż qiegħed dejjem jiżdied. Lill-Unjoni Ewropea qed jgħidulha, “isma aħna konna se nilħqu t-3% tad-defiċit fi żmien tlieta jew erba’ snin, issa qegħdin naħsbu li se jkunu erbgħa jew ħamsa”. Iżda l-Kummissjoni ma’ aċċettatx dan li jfisser li suppost hemm it-twiddib u, wara, is-sanzjonijiet. Issa rridu naraw x’se jirriżulta. Jekk dawn jiġu skużati minn dak li jissejjah ‘fiscal slippage’ jinħoloq preċedent. Setgħet kienet Malta, jiġifieri Malta tikolha u Spanja le. Ma naħsibx li jista’ jkun hekk u, jekk isir hekk, se jerġa’ jinħoloq preċedent u diżgwid kbir.
Minkejja dawn il-miżuri kollha wieħed jistaqsi, il-Greċja tista’ tasal jew inkella sa tasal f’falliment? Naħseb li ħadd ma jista’ jirrispondiha din, għax rridu naraw, miz-żewġ rimedji, liema se jirbaħ. Jekk hux dak tal-awsterità jew l-ieħor li jagħti spazju għat-tkabbir.
Dan kien il-qofol tal-argument tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi li konna ilna nimbuttawh sa mill-bidu nett. Aħna għalhekk konna vvotajna kont­rih is-‘six pack’, patt ta’ sitt liġijiet, għall-fatt li ma kien hemm xejn ħlief programmi ta’ awsterità.
Issa fl-aħħar qed jidher li r-rimedju tat-tkabbir ekonomiku qiegħed jieħu vantaġġ u jekk il-Ġermanja tasal biex taċċettah ikun sar progress kbir. Wieħed dej­jem jittama li l-Greċja ssir kompetittiva u tinqala’ minn din il-ħofra li waqgħet fiha. Iż-Żona Ewro trid tgħin u mhux ixxekkel dan l-attentat.

 

 

 

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 9 ta’ April, 2012


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *