It-trasparenza l-għadu tal-korruzzjoni


Fil-laqgħat tal-G20 u laqgħat oħrajn bejn Stati Membri tissemma ħafna l-ġlieda kemm kontra l-evaż­joni tat-taxxi kif ukoll kontra l-korruzzjoni. Il-pajjiżi fejn l-iktar jingħad li hemm kor­ruzz­joni kbira huma l-pajjiżi tal-Afrika u l-industrija li tissemma l-iktar f’dan ir-rigward hi dik tal-esplojtazzjoni tal-mi­n­erali, fosthom iż-żejt. Mhux ta’ b’xejn li, f’dan il-kontinent, l-ikbar faqar issibu fil-pajjiżi li għandhom l-aktar riżorsi naturali.

Dan l-aħħar, il-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, iddiskuta Żewġ Rapporti li l-għan tagħhom hu li tiż­died it-trasparenza f’dan il-qasam. Jien qiegħed nirrapp­reżenta l-Grupp tiegħi tal-Al­lejanza tas-Soċjalisti u De­mok­ratiċi bħala ‘Shadow Rapporteur’ fuq wieħed minn dawn ir-rapporti. Ħafna jis­taq­su għaliex il-ġlieda kontra l-korruzzjoni tingħata daqs­hekk importanza fl-ogħla laq­għat li jsiru bejn il-pajjiżi ewlenin tad-dinja.
Hemm ħafna raġunijiet fost­hom għax huwa żgur li l-korruzzjoni tfarrak lill-pajjiż mil-lat finanzjarju u f’ħafna oq­sma oħrajn. Il-korruzzjoni teqred kull inizjattiva għax kumpaniji kapaċi li jkunu qed jikkompetu jħossu li xi ħadd minn taħt u minn wara darhom, għax juża’ l-mezz mhux etiku li jxaħħam, jirbaħ dak il-kuntratt jew inkella jirbaħ xi pjaċir ieħor. F’pajjiżi kbar, speċjalment fit-tielet dinja, bħall-Afrika per eżempju, kumpaniji kbar ma jħallsux it-taxxi. Ir-raġuni tkun li, min­ħabba l-korruzzjoni, ir-re­ġim jew id-dittatur jew il-Gvern li jkun imexxi l-pajjiż inkwistjoni jkun qed jieħu dawk it-taxxi minn taħt f’bu­tu. M’aħniex nitkellmu dwar miljun jew tnejn jew tlieta imma qed nitkellmu fuq mijiet ta’ miljuni. Huwa stmat li fl-Afrika biljuni ta’ ewro jintilfu u jmorru fil-bwiet tar-re­ġim, tal-kapijiet jew tal-mex­xejja ta’ dawn l-Istati. Dan raj­nieh jiġri f’każijiet fl-Afrika ta’ Fuq, fil-każ ta’ Gaddafi, fil-każ tat-Tuneżija u anke fl-Eġittu b’Hosni Mubarak fit-tmexxija fejn miljuni u miljuni ta’ ewro marru f’banek fl-Iżvizzera u pajjiżi oħrajn. Fl-Afrika ta’ taħt is-Saħara, dan l-istat ta’ fatt kważi jitqies bħala xi ħaġa normali.
Brimba misħuta
Il-korruzzjoni teqred jew tħa­rbat is-suq. Ma jkunx hemm kompettitività u ma jkunx hemm dak li ngħidulu ‘Level Playing Field’. Issib kum­paniji li jħallsu t-taxxi u jagħmlu kollox sew u xorta jkunu żvantaġġjati ma’ ħaddieħor li jopera u jikkompeti magħhom f’dawn il-pajjiżi għax dawn ikunu qed jaħdmu minn taħt b’mod korrott mal-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi. Dan minbarra l-fatt li miljuni u miljuni ta’ dollari jew ewro jmorru fil-bwiet tal-ftit minn­flok fil-ħluq tan-nies bil-ġuħ.
F’dan ix-xenarju xejn sabiħ wieħed jistaqsi x’inhu jagħ­mel il-Parlament Ewropew biex ixxejjen dawn il-prattiċi ta’ korruzzjoni, speċjalment fil-pajjiżi tal-Afrika?
Is-sitwazzjoni fl-Afrika u paj­jiżi oħrajn tat-tielet dinja jafu biha l-għaqdiet dinjin kollha fosthom u mhux l-inqas l-Unjoni Ewropea. Nafu l-faqar li hemm fl-Afrika. Nafu li huma fost l-iktar pajjiżi sinjuri f’dawk li huma riżorsi bħaż-żjut u minerali oħrajn. Minkejja dan kollu, xorta waħda l-popli tagħhom ibatu l-ġuħ u ma jgawdux minn dan il-ġid kollu minħabba l-kor­ruzz­joni. Però wieħed dejjem jistenna li dawn il-pajjiżi jagħ­mlu xi ħaġa dwarha, xi ħaġa li fil-fatt kważi hi impossibli.
Fl-aħħar l-Unjoni Ewropea, fil-Laqgħa Għolja tal-G20 flim­kien mal-Amerka u pajjiżi oħrajn, ftehmu li jagħmlu xi ħaġa. Il-pajjiżi li huma b’saħ­ħithom u li għandhom l-aktar gvernijiet trasparenti u l-Unjoni Ewropea bħala blokk iddeċidew li jaħdmu flimkien biex jiffaċċjaw dawn il-prattiċi malinni tal-korruzzjoni. Fil-pre­żent, il-Parlament Ewro­pew għandu Rapport quddie­mu li fuqu qiegħed nir­rapp­reżenta l-grupp tiegħi bħala Shadow Rapporteur. Fil-fatt hemm żewġ rapporti, wieħed ta’ Wolf Klintz u l-ieħor ta’ Sirpa Pietikainen u dawn jittrattaw it-trasparenza tal-kontijiet tal-kumpaniji li jinvestu f’dawn il-pajjiżi.

 

Rendikont finanzjarju pajjiż pajjiż
Li se nagħmlu huwa li naraw li l-mod kif dawn il-kum­paniji jirrapportaw il-kontijiet tagħhom ikun aktar trasparenti. Meta tgħaddi din id-direttiva, kull kumpanija kbira, ħafna drabi globali, fosthom dawk tal-industrija tat-tħaffir għaż-żejt u tal-minjieri tal-me­talli u li tkun ikkwotata fuq il-Borża ta’ xi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea trid tagħti rendikont finanzjarju pajjiż pajjiż. Ma tistax taħbi. Ma tis­tax aktar tgħid li qiegħda tħallas miljuni ta’ miljuni f’taxxi u ma tgħidx lil min qed tħallashom għax jista’ jkun li dawn il-miljuni jkunu qed imorru fl-Ewropa u ma jkunux qed imorru fil-pajjiżi fl-Afrika minħabba l-korruzzjoni. Dan se jkun mezz biex dawn il-kum­paniji jagħtu rendikont mhux biss ta’ xi jdaħħlu minn kull pajjiż iżda wkoll ta’ kemm jimpjegaw nies u kemm iħallsu taxxi. L-informazzjoni mhux biss jagħtuha lill-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea imma jkunu iridu jippubb­likawha. Dan irid isir biex kulħadd ikun jista’ jagħti l-ġudizzju tiegħu dwar dak kollu li jkun għaddej. Jien naħseb li permezz tal-liġi magħrufa bħala d-‘Dodd-Frank’ fl-Ame­rika, il-Gvern Amerikan qed jagħmel xi ħaġa simili bħall-Unjoni Ewropea. B’hekk se jkun hemm żewġ blokki kbar fid-dinja fejn se jkollok kontroll fuq il-kumpaniji tagħ­hom kemm Amerikani kif ukoll Ewropej fil-mod kif huma jibdew jipprovdu t-tagħ­rif bil-miftuħ. B’hekk jiġi żgurat li dawn il-kumpaniji jkunu iktar trasparenti fir-rapporti finanzjarji tagħhom u b’hekk tinqered kemm jista’ jkun il-korruzzjoni. Mhux se tinqered għal kollox imma, b’dawn il-miżuri, għandha titmewwet bil-kbir f’dawn il-paj­jiżi sottożviluppati.
Dawn il-miżuri u regolamenti ġodda, sintendi, iġibu magħhom tħassib jekk  humiex se joħolqu żvantaġġi u problemi għall-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Filfatt, qed nirċievi għexrien ta’ imej­ls fil-ġimgħa mil-lobbies ta’ din l-industrija, kollha ħerqanin li jinfluwenzaw ir-rapporti jew il-vot tagħna dwar dawn iż-żewg rapporti.
Hemm ħafna argumenti dwar dawn ir-regoli ġodda li magħhom hemm sanzjonijiet kbar. Is-sanzjonijiet huma meħ­tieġa għax mingħajrhom ir-regoli ma jiswew xejn. Hemm minn jgħid li  l-kum­pa­niji Ewropej se jkunu żvan­taġġjati fil-pajjiżi tat-tielet dinja. Jgħidu u jsemmu pajjiż bħaċ-Ċina li m’għandhux dawn ir-regoli u allura pajjiż Ewropew se jkun żvantaġġjat meta jidħol f’kompetizzjoni diretta ma’ pajjiż bħaċ-Ċina fil-kontinent Afrikan. Dawn l-argumenti jinqalgħu spiss, sew dwar taxxi u f’dan il-każ dwar regoli ta’ trasparenza u ta’ kontra l-korruzzjoni.
Iħeġġu biex dawn ma ngħad­duhomx għax se niġu żvantaġġjati. Il-verità hi li, jekk xi ħaġa mhix etika, għandna nkunu kontriha. Issa jekk mal-Unjoni Ewropea għandek l-Amerka li flimkien qegħdin jaħdmu fuq l-istess binarju allura trid issir iktar pressjoni fuq pajjiżi bħaċ-Ċina biex jgħaddi regoli bħal dawn huma wkoll.
Ħadd inkluż iċ-Ċina mhu se jistqarr li huwa kontra t-trasparenza jew li hu favur il-korruzzjoni. Il-punt hu li kul­ħadd jaqbel li l-korruzzjoni mhix ta’ ġid la għal pajjiżu u lanqas għall-pajjiżi fejn jope­raw. Wieħed jistenna li dak li ġie maqbul fil-Laqgħa Għolja tal-G20 issa jibda jiġi attwat. Jien ressaqt numru ta’ emendi għal dawn ir-rapporti. Nispe­raw li sa qabel jibda s-sajf din id-direttivi tal-Unjoni Ewropea tiġi approvata u tibda tiġi attwati minnufih.

 

 

 

 l-orizzont : It-Tnejn, 2 ta’ April, 2012

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *