It-Tuneżija: Falliment ta’ mudell demokratiku


Sakemm qiegħed nikteb dan l-artiklu s-sitwazzjoni fit-Tu­neżija għadha mqallba sew. Wara l-irvelli­jiet vjolenti, ir-reazzjoni mill-forzi tal-ordni, l-imwiet fit-to­roq, il-ħarba tal-President Ben Ali, u r-reazzjoni negattiva mill-poplu għall-parti mis-“soluzzjoni temporanja”, mhux lakemm jiġi kollox lura għan-normal f’tebqa t’għajn. Tant hu hekk, li s-sitwazzjoni tista’ anke tiggrava daqskemm tista’ titjieb.

It-Tuneżija kienet meqjusa bħala l-aktar pajjiż Għarbi li jqarreb lejn l-Ewropa f’dik li hija stabbiltà, żvilupp… demokrazija. Dan dejjem jekk wieħed iżomm f’moħħu li s-sistema fit-Tuneżija la hija Ewropea u lanqas tikkompara magħha. Imma jibqa’ l-fatt li t-Tuneżija kienet tgawdi minn relazzjonijiet tajbin mhux biss mal-pajjiżi Ewropej fosthom Franza, imma anke mal-Istati Uniti, mal-Bank Din­ji u mal-Ġnus Magħquda. L-investiment barrani kien aktar minn sodisfacenti.

X’aktarx li ħadd ma kien jistenna li jseħħ dak li seħħ fit-Tuneżija. Jidher li t-tbatija li kien għaddej minnha l-pop­lu Tuneżin kienet “moħbija” waħda sew, tant li meta l-pop­lu qam bil-mod li qam bih, dan imbarazza bil-kbir lil dawk il-pajjiżi li tant kienu jfaħħru lit-Tuneżija u kienu ħbieb mill-qrib tal-President tagħha Ben Ali. Id-demokrazija mhix xi pakkett li jew taċċettah kif inhu jew le. F’ħafna pajjiżi l-gvernijiet għand­hom leġittimità iżjed minn oħrajn għax huma demokratiċi iżjed minn oħrajn. Mhux faċli tgħid fejn għand­ha tinqata’ l-linja.

Huwa fatt li r-riċessjoni internazzjonali qiegħda tolqot lil kull pajjiż, anke jekk mhux kull pajjiz qed jintlaqat bl-is­tess mod. L-effetti qed jarahom kulħadd. Jiżdied il-qgħad, jonqos id-dħul finanzjarju, jogħlew il-prezzijiet u n-nies tara u tirrealizza li mhix qiegħda tlaħħaq mal-ħajja.

Sitwazzjonijiet li jwasslu għal protesti fit-toroq. Rajna avvenimenti bħal dawn iseħ­ħu fil-Grecja, Spanja, l-Irlanda u pajjiżi oħrajn. Kultant intużat l-forza sew mid-dimos­tranti u sew mill-forzi tal-or­dni. Dan huwa kollu parti mid-demokrazija li tippermet­ti lill-popli jipprotestaw u juru li ma jkunux qegħdin jaqblu mal-mod li bih tkun qiegħda titmexxa l-politika ekonomika tal-pajjiż.

Imma meta l-protesti jinbidlu f’irvellijiet imdemmijin, fejn iseħħu anke l-im­wiet, fejn jittajjar gvern mill-poplu, fejn president ikollu jsib kenn f’pajjiż ieħor, allura jkun seħħ falliment tal-“mu­dell demokratiku” kif imħaddem fil-pajjiż partikolari. Dan huwa dak li ġara fit-Tuneżija. Falla l-“mudell demokratiku” Tuneżin.

Il-poplu Tuneżin ħass li l-Gvern tiegħu mhux wieħed leġittimu u ma jridx li jkompli jilgħab taħt ir-regoli “demokratiċi” li bih kien qed jitmexxa l-pajjiż.

Il-poplu Tune­żin qed juri biċ-ċar li jrid ibiddel is-sistema u jagħmilha ak­tar demokratika, aktar miftu­ħa u aktar trasparenti. Kienu x’kienu r-raġunijiet wara l-irvellijiet, u bdiehom min bdiehom. Jibqa’ l-fatt li d-“demok­razija” Tuneżina falliet.

Sadattant għandu jingħad li mhix xi prerogattiva tal-paj­jiżi Għarab u Afrikani biss fejn għalkemm gvern jgħid li jirrispetta d-demokrazija, iżda mbagħad ikun hemm ħafna fatturi li juru li l-mudell demokratiku ppriedkat ma jkunx qed ikun ipprattikat.

Il-mod kif gvern f’ċerti pajji­żi jikseb s-setgħa fil-pajjiż hu bogħod mill-mod ideali li bih għandu jsir dan. Inutli li tgħid li fil-pajjiż għandek diversi forom ta’ midja jekk imbagħad tara kif ixxekkilha jekk mhux toħnoqha. Inutli tgħid li għandek sistema ġuridika jekk imbagħad timmanipulaha u ddgħajjifha. Inutli tgħid li għandek l-organizazzjonijiet mhux governattivi jekk fihom tassigura li jkun hemm “nies tiegħek” jiddo­minaw u allura l-iskop għalihom ikun midfun.

Il-mod kif ikun venerat il-mexxej ta’ ċerti pajjiżi, kull fejn tħares ritratti kbar tiegħu, kważi kważi idolatrija, jagħti ħjiel sewwa ta’ dan.

Fi ftit kliem, hemm fatturi li jkunu qegħdin jimminaw id-demokrazija. Tkun qiegħda tintlagħab il-“logħba demokrazija”. Kull ħames snin isiru l-elezzjonijiet, ir-relazzjo­nijiet ma’ pajjiżi oħrajn jin­żammu kemm jista’ jkun taj­bin, filwaqt li l-leġittimità tal-Gvern “perpwetwu” tkun kważi ntilfet għal kollox.

Iżda mhux kull poplu jagħ­mel dak li għamlu t-Tuneżini. F’pajjiżi oħrajn, fejn minkejja l-mod simili jekk mhux agħar li bih jitmexxa l-pajjiż, sakemm il-poplu tiegħu qed jgħix komdu minkejja n-nuq­qas ta’ libertajiet, ma jħossx li għandu jipprotesta jew jirvella. Imma mbagħad x’ħin il-pop­lu jibda jħoss l-issikkar u l-klassi l-medja tibda tiżżerżaq lejn il-faqar, u tara li min qed imexxi u dawk tal-qalba mhux qegħdin iġorru l-istess piżijiet, anzi jgħixu fil-lussu fl-apert, allura l-poplu jħoss li t-tbatija hija għalih biss, allura tinħoloq ir-reżistenza. Reżistenza li rajniha sseħħ mhux biss fit-Tuneżija imma f’pajjiżi oħrajn ukoll.

It-Tuneżija bil-poplu żvilup­pat tagħha għandha relazzjo­nijiet tajbin mal-Unjoni Ewro­pea u mal-Parlament Ewro­pew. Is-sitwazzjoni fit-Tuneżi­ja ġiet diskussa fil-Parlament Ewropew il-ġimgħa l-oħra izda ma ttieħdet ebda riżoluzz­joni. It-tendenza kienet li għan­du jkun hemm stennija biex ikun magħruf x’se jkunu l-iżviluppi u ma jgħarraqx is-sitwazzjoni.

Ċertament mhux mixtieq li jkun hemm anarkija li ġġib aktar ħsara lill-pajjiż. L-Ewropa trid li l-vuċi tal-poplu Tuneżin tingħata widen. Trid li jkun hemm il-partiti politiċi fil-libertà kollha, bil-poplu jin­għata s-saħħa jagħżel gvern leġittimu. Trid li l-paj­jiż ikompli fi triqtu tal-iżvilupp.

Ma jistax isir dan jekk ma jkunx hemm ordni fil-pajjiż. Ma jistgħux jintilfu kemm il-qaleb kif ukoll il-ġbejna. Tkun ħasra kbira jekk il-poplu Tuneżin mit-taġen jaqbeż fin-nar.

www.orrizont.com – 24 ta’ Jannar, 2011

, ,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *