Iż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma


Ftit tal-jiem ilu l-Gvern Malti talab l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea biex tidħol taqsam magħna l-piż fuq pajjiżna li se jkun ifisser l-influss ta’ immigranti rregolari li jkunu qegħdin jitilqu mil-Libja kawża tas-sitwazzjoni li jinsab fiha dak il-pajjiż. Dak li qed jitlob issa l-Gvern Malti, id-delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew flimkien mal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D) li minnu niffurmaw parti, tlabnih fil-bidu ta’ Marzu li għadda. Bid-differenza li dakinhar il-Grupp tal-Partiti Popolari Ewropej (EPP) li lilu jappartjenu ż-żewġ Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti, irrifjutaw li jinkludu f’Riżoluzzjoni Konġunta dak li tlabna aħna.

Tlabna sistema komuni ta’ ażil għall-Unjoni Ewropea. Tlabna pjan ta’ azzjoni biex il-piż ta’ rilokazz­joni ta’ refuġjati mill-Afrika ta’ Fuq jinqasam (burden sharing). Tlabna twaqqif ta’ fond speċjali ta’ solidarjeta.

Dan tlabnih fl-ewwel ġimgħa ta’ Marzu li għadda meta l-Parlament Ewropew kien qed jiddiskuti s-sitwazzjoni fil-Libja. B’konnessjoni ma’ din id-diskussjoni kienu ġew formulati riżoluzzjonijiet separati mill-akbar żewġ gruppi fil-Parlamenat Ewropew, l-EPP u l-S&D.

Madankollu waqt li l-Grupp tagħna, l-S&D, imbuttat minna l-MEPs Laburisti, talab dak li pproponejna aħna, l-EPP kien tal-fehma li l-Artiklu 80 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea li jirreferi għall-prinċipju tas-solidarjetà u l-qsim tar-responsabbiltà minn Stati Membri kien biżżejjed.

Aħna naħsbuha differenti. Aħna ridna li nkunu aktar speċifiċi. Aħna ridna nevitaw il-periklu li jġib miegħu l-kliem vag. Aħna ridna triq dritta, bla ebda kantunieri u ebda lok għal interpretazzjonijiet diffe-renti li sakemm naqblu fuqhom ikun intilef ħafna ħin prezzjuż. Meta tikkompara l-lingwaġġ ta’ Artiklu 80 mat-talbiet speċifiċi tagħna proposti mill-Grupp tal-S&D, issib li Artiklu 80 huwa ferm vag.

Madankollu l-Grupp tal-EPP baqa’ jirrifjuta li dak mitlub mill-MEPs Laburisti jiddaħħal fir-Riżoluzzjoni Konġunta.

Għidna sa mill-bidunett li ebda pajjiż waħdu mhu se jkun possibbli li jkopri mad-diffikultajiet kbar u komplessi li se joħolqu l-mewġiet kbar ta’ mig­razzjoni, b’mod partikolari fil-każ ta’ pajjiżi membri żgħar, u iżjed u iżjed meta dawn huma gżejjer żgħar.

L-ewwel wasliet ta’ immig­ranti irregolari f’pajjiżna wrew biċ-ċar kemm kellna raġun. Urew biċ-ċar x’jista’ jkun ir-riżultat aktar ma jgħaddu l-jiem.

Ma nafx insejjaħlux diskors għall-gallerija meta nisma’ u naqra li MEP Nazzjonalista ta-lab biex jiskattaw l-arranġamenti legali għal każijiet bħal dawn meta ftit jiem biss ilu ma rnexxileux jikkonvinċi lil sħabu fl-EPP biex jaċċettaw dak l-aċċen speċifiku għal Burden Sharing fir-Riżoluzzjoni Konġunta bejn l-EPP u l-S&D.

Sadanittant aħna, bħala Maltin, nippretendu, u nippretendu bi dritt u mhux bi pjaċir, biex wara l-kliem ta’ tifħir mistħoqq li ngħatat Malta għas-sehem tagħha fl-evakwazzjoni mil-Libja ta’ eluf kbar ta’ ċittadini mhux Libjani dan jissarraf fil-konkret. Nipp­retendu li dawn l-istess pajjiżi jidħlu joffru spalla mingħajr ħafna titubar u tiġbid ta’ legalitajiet. Irridu nfakkru li fl-għajnuna tagħha Malta poġ-ġiet fuq l-ixkaffa kull proċedura, kull legalità, li taħthom barranin jistgħu jkunu fostna.

Hekk kienu jitolbu minna ċ-ċirkostanzi dakinhar u hekk jitolbu llum minn dawk il-pajjiżi li f’pajjiżna sabu spalla, liema spalla issa qed nippretenduha mingħandhom. Dan b’mod partikolari mill-pajjiżi Ewropej, mill-Unjoni Ewropea.

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *