X’hemm komuni bejn l-eks-President Amerikan Jimmy Carter, l-eks-Prim Ministru Kanadiż Joe Clark u l-Unjoni Ewropea? Ilkoll huma involuti bis-sħiħ f’pajjiżi tat-tielet dinja biex isaħħu d-demokrazija f’dawn il-pajjiżi. L-ewwel nett billi jmexxu missjonijiet kbar waqt iż-żminijiet tal-elezzjonijiet Presidenzjali jew Parlamentari, kif ukoll drabi oħrajn billi jgħinu fit-tisħiħ tar-rispett lejn prattiċi demokratiċi, isolvu konflitti u jaħdmu għall-paċi.
Iċ-Ċentru Carter firex ħidmietu mad-dinja kollha. Ħafna drabi Carter innifsu jmur għal dawn l-avvenimenti biex permezz tar-rispett li jġib personalment, jinfluwenza l-partijiet involuti u jqarribhom lejn il-ftehim. L-Afrika, il-Lvant Nofsani u l-Asja huma r-reġjuni l-iktar iffrekwentati. Rajnih jagħmel dan riċentement fis-Sudan. Kien il-Palestina u ħafna pajjiżi kritiċi oħrajn. Carter nistgħu ngħidu li huwa strument ta’ ġid kbir f’dik li hija demokrazija u żvilupp politiku f’dawn il-pajjiżi.
L-istess jista’ jingħad fir-rigward ta’ Joe Clark, inċidentalment Prim Ministru ta’ pajjiżu fiż-żmien li kont qed nistudja hemmhekk. Dan l-aħħar mexxa missjoni ta’ osservaturi fl-elezzjonijiet tan-Niġerja u oħrajn qabel din.
Hemm diversi fondazzjonijiet u organizazzjonijiet non-governattivi internazzjonali oħrajn li jintalbu jibagħtu missjonijiet bħal dawn. Tant li kien twaqqaf korp ta’ organizzazzjonijiet imsejjaħ “Declaration of Principles for International Election Observation”. Issir laqgħa tiegħu kull sena.
L-aħħar laqgħa kienet saret f’Atlanta, l-Amerika. Din is-sena, u għall-ewwel darba, il-laqgħa annwali saret fi Brussels, bħala l-mistiedna tal-Unjoni Ewropea. Saret il-gimgħa l-oħra taħt il-presidenza tal-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek.
L-Unjoni Ewropea hija waħda mill-akbar, jekk mhux l-akbar, organizzazzjonijiet li tagħmel missjonijiet globalment, ta’ ċertu daqs fin-numru u li l-osservazzjoni tkun mifruxa fit-tul. Jien għandi l-unur ngħid li l-Barunessa Catherine Ashton fdatli f’idejja waħda minn dawn il-missjonijiet kbar, dik tal-elezzjonijiet Presidenzjali u Parlamentari fl-Uganda aktar kmieni din is-sena. Billi la ċ-Ċentru Carter u lanqas l-Istitut ta’ Clark ma marru l-Uganda kien hemm interess kbir li ngħidilhom l-esperjenza tiegħi f’dan il-pajjiż.
Bħalma kont spjegajt, il-missjoni li fdawli f’idejja kienet tinvolvi ħafna nies, 120 ruħ mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kollha, għal żmien pjuttost twil u giet tiswa’ ħafna flus. Però jekk trid tkun konvinċenti bilfors trid tkun ta’ ċertu daqs. Jekk il-missjoni tkun iżgħar, tibqa’ fil-belt kapitali u ma tinfirix fir-reġjuni kollha tal-pajjiż. Ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet imbagħad ma jkunu xejn konvinċenti u ta’ min joqgħod fuqhom, u b’hekk jitilfu l-kredibbiltà.
Fuq kollox biex tosserva tajjeb trid tmur ġimgħat qabel u tibqa’ ġimgħat wara l-jum tal-elezzjonijiet.
Wieħed irid iżomm qud-diem għajnejh li d-demokrazija f’pajjiż ma tiddaħħalx mil-lum għal għada. Huwa fatt magħruf x’ifissru gvernijiet totalitarji u dittatorjali. Ftit u ftit ferm kienu l-każi fejn tmexxijiet bħal dawn spiċċaw paċifikament. Qabel ma nxtered id-demm, qabel ma saret xi gwerra ċivili. U lanqas ma kien ifisser li dak li sar wara, kien rifless ta’ demokrazija sħiħa.
Ħafna drabi l-front li jkun ħadem b’mod kompatt biex jitneħħa r-reġim dittatorjali finalment jiddiżintegra f’diver-si fazzjonijiet, b’kollha jridu sehemhom fit-tmexxija.
L-istorja qiegħda hemm biex jaraha kulħadd, kemm dik fil-passat remot kif ukoll fil-passat riċenti u fil-preżent. Tkun biżżejjed ħarsa lejn il-pajjiżi fin-naħa ta’ fuq tal-Afrika li din is-sena huma l-protagonisti fil-ġlieda għad-demokrazija.
Id-demokrazija nuxxenti minn avvenimenti bħal dawn ma tkunx siġra b’saħħitha mill-ewwel. Anzi. Tkun bħal pjanta fraġli li tkun teħtieġ is-sostenn. Parti minn dan is-sostenn toħroġ minn missjoni-jiet ta’ osservanza fl-elezzjonijiet li jsiru wara tneħħija ta’ reġim u li jkunu pass importantissimu lejn id-demokrazija.
Il-poplu kkonċernat, il-partiti politiċi li jkunu qegħdin jieħdu sehem, il-kontestanti individwali, l-organizzazzjonijiet non-governattivi, il-pajjiżi demokratiċi li jkunu qegħdin jgħinu fil-proċess, kulħadd irid ikun kuntent u sodisfatt li l-elezzjonijiet ikunu għaddej-jin b’mod gust.
Kien f’dan il-kuntest li kont mistieden għal din il-laqgħa fi Brussels biex nindirizzaha fil-kapaċità ta’ Osservatur Ewlieni tal-Unjoni Ewropea fuq missjonijiet bħal dawn. Kienet laqgħa mifruxa fuq tlett ijiem b’fost il-kelliema ewlenin ikun hemm ir-Rappreżentanta Għolja għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, il-Barunessa Catherine Ashton; l-eks-President tal-Istati Uniti tal-Amerika, Jimmy Carter; u l-eks-Prim Ministru Kanadiż Joe Clark. Il-Commonwealtħ, il-Ġnus Magħquda, u l-OSCE (Organization for Security and Co-operation in Europe) kienu wkoll rappreżentati minn mexxejja ta’ missjoni-jiet ta’ osservanza wkoll.
Laqgħat annwali bħal dik tal-gimgħa l-oħra huma essenzjalissimi. Matulhom jinqasmu l-esperjenżi. L-esperjenza minn xulxin hija strumentali biex ikun hemm aktar kordinament f’ħidmiet bħal dawn. Quddiem il-midja kien hemm xi drabi fil-passat fejn dawn l-organizzazzjonijiet kellhom konklużjonijiet li ma kinux jixxiebħu. Ma tantx iservi ta’ gid jekk ma nitkelmux b’vuċi waħda.
Tul it-tlett ijiem ta’ laqgħat trattajna fejn għandhom jintbagħtu missjonijiet bħal dawn u fejn ikun ħala ta’ flus jekk jintbagħtu.
Jekk ma tkun tidher ebda tama ta’ benefiċċju jkun inutli li l-flus jintefqu, ir-riskji li jittieħdu u l-problemi kbar li trid tiffaċċja waqt missjonijiet bħal dawn.
Dwar il-futur hemm ħafna xogħol xi jsir. Ċertament li dak li seħħ, u għadu qed iseħħ, fit-Tuneżija, fl-Eġittu u fil-Libja se jkun ifisser impenn qawwi għal missjonijiet bħal dawn.
Missjonijiet ta’ osservanza jtemmu ħidmiethom b’rapport dwar dak li jkun irriżultalhom u b’osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar x’għandu jsir jew jittejjeb fil-mod li jsir, biex tissaħħaħ id-demokrazija.
Kien ta’ sodisfazzjon għalija li ntlaqgħet proposta tiegħi, biex f’nofs il-leġiżlatura tal-pajjiż li l-elezzjoni tiegħu tkun saret taħt osservazzjoni internazzjonali, ikun eżaminat fejn waslu r-rakkomandazzjonijiet li jkunu saru. Eżami permezz ta’ laqgħat bejn il-kap tal-missjoni u t-team ewlieni ta’ esperti tiegħu ma’ ambaxxaturi akkreditati mal-pajjiż inkwistjoni; mal-partiti politiċi, kemm jekk rappreżentati fil-Parlament u kemm jekk le; mal-organizzazzjonijiet non-governattivi. Jekk tħalli dan l-eżami għal meta tasal l-elezzjoni li jkun imiss ikun tard. Huwa għajb kbir li fir-rapport tal-osservaturi tiddikjara li ħafna mir-rakkomandazzjoni tar-rapport ta’ qablek ma ġewx implimentati.
Kienet okkażjoni unika għalija li nkun ma’ Carter u Clark fuq l-istess mejda, niddiskutu kwistjonijiet komuni. Ovvju l-fatt li fid-diskors magħhom wara l-laqgħa nitkellem dwar pajjiżna u dwar ir-relazzjonijiet li Malta minn dejjem kellha kemm mal-Amerika kif ukoll mal-Kanada. Prova ta’ dan hija l-emigrazzjoni qawwija ta’ Maltin u Għawdxin lejn dawn iż-żewġ pajjiżi.
Ħassejtni kburi nisma’ kliemhom u nosserva l-apprezzament qawwi tagħhom lejn pajjiżna u lejn il-poplu tagħna. Ir-rispett tagħhom lejna kien evidenti ħafna.
Kienet iċ-ċirasa fuq il-kejk sodisfaċenti ta’ din il-laqgħa internazzjonali.
____________________
Fir-ritratt mix-xellug ghal-lemin: Il-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek; l-eks-President Amerikan Jimmy Carter; l-eks-Prim Ministru Kanadiz, Joe Clark; u Prof. Edward Scicluna waqt il-laqgha tad-“Declaration of Principles for International Election Observation” li saret fi Brussels.
l-orizzont – It-Tnejn, 10 ta’ Ottubru, 2011
One response to “Jimmy Carter, Joe Clark u l-UE”
Muchas gracias. ?Como puedo iniciar sesion?