L-Afrika ta’ Fuq u l-Ewropa tal-Lvant: hemm xi xebħ?


Tmiem is-snin tmenin ġab miegħu l-waq­għa tal-ħajt ta’ Berlin u ftit wara l-waqgħa tal-Ko­muniżmu. Il-popli fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant taħt ġwie­naħ l-Unjoni Sovjetika tajru s-sistema Komunista kemm f’dik li hi tmexxija politika kif ukoll ekonomika. Iddiżintegrat ukoll l-Unjoni Sovjetika nnifis­ha.

L-ewwel xhur ta’ din is-sena kienu kkaratterizzati minn avvenimenti simili fil-kontinent Nord Afrikan, b’rivoluzz­joni­jiet li bdew fit-Tunezija, infir­xu għall-Egittu, Jemen, Bahrain, Libja u Sirja. Avvenimen­ti b’rittmi differenti li jvarjaw. Hemm fejn ingħalqu kapitli u bdew oħrajn, bħal fil-każ tat-Tu­neżija u l-Eġittu, u hemm oħrajn li għadhom miftuħin u għadu jiċċarċar id-demm u jinqatlu n-nies, bħal fil-każ tal-Libja u s-Sirja.

Sa ċertu punt dawn iż-żewġ avvenimenti kbar u storiċi għandhom ċerta similarità, anke jekk l-isfond tagħhom mhux daqstant simili.

Ċertament hemm similarità qawwi­ja fl-aspettattiva tal-popli kkon­­ċernati f’dawn iż-żewġ av­­venimenti. Poplu li kien im­xebba’ sal-ponta ta’ mnieħru bil-mod kif kien qed jiġi ggver­nat u bil-kunidzzjonijiet ekonomiċi miżerabb­li.

Fil-każ ta’ dik li kienet l-Unjoni Sovjetika, bil-pajjiżi satelliti tagħha, kien hemm sistema ekonomika ċentralizzata. Kollox jiddependi mill-Istat. Kollox tal-Istat. Sistema kompletament differenti minn dik imħaddma fl-Ewropa tal-Punent bbażata fuq is-swieq. L-ekonomija kif ipprattikata mill-Unjoni Sovjetika u bbaża­ta fuq ippjanar ċentralizzat kie­net falliet.

Fil-każ tal-pajjiżi Għarab, b’sis­tema politika li tinfiltra kol­lox, b’politika awtoritarja daqs din tal-eks-Unjoni Sovjetika, l-ekonomija wkoll ma ki­nitx miexja ’l quddiem. Ir-ri­żultat kien l-istess: ekonomija staġnata. Dan meta suppost li fil-pajjiżi Għarab kienet qiegħ­da titħaddem sistema tas-suq. Madankollu wieħed irid iżomm quddiem għajnejh li minkejja dan, il-parteċipazzjoni diretta tal-Istat tant kie­net kbira, fil-fatt aktar minn 50 fil-mija, li xorta ġabet is-sitwazzjoni f’waħda ta’ tmex­xija ċentralizzata. Sitwazzjoni li wasslet għal staġnar ekono­miku mifrux fuq medda twila ta’ snin.

Ma’ din is-sitwazzjoni jridu jiżdiedu fatturi oħrajn importanti. Iż-żieda dejjem tikber fin-numru ta’ nies bla xogħol. Il-faqar. In-numru dejjem jiż­died ta’ żgħażagħ li filwaqt li għollew il-livell edukattiv tagħ­hom ma kellhomx xogħol kompatibbli miegħu. Kien hemm ukoll il-fatt li n-nies kie­nu konxji tal-fatt li l-ġid tal-pajjiż kien ikkonċentrat f’idejn ftit nies tal-poter. Nuq­qas kbir ta’ trasparenza fit-tmex­xija u fid-distribuzzjoni tal-ġid tal-pajjiż.

Dan filwaqt li kontinwament kienu qegħdin jogħlew il-prezzijiet tal-ikel. Jekk nieħdu l-pajjiżi Għa­rab bħala reġjun insibu għal dan l-aħħar 20 sena kien reġjun l-inqas li kiber ekonomikament ras għal ras. Anke l-Af­rika t’Isfel mis-Sahara wkoll kib­ru b’rata ogħla.

It-tensjoni bejn l-aspirazzjo­nijiet dejjem jikbru tal-popli u n-nuqqas ta’ riformi min-naħa tal-gvernijiet li jagħtu wi­den għal dawn l-aspirazzjo­nijiet kienu kontribut ewlieni għall-protesti kbar li saru fit-toroq u fil-pjazez li wasslu għar-riżultati magħrufin.

Fil-każ tal-pajjiżi eks-Komunisti fl-Ewropa tal-Lvant għad­da żmien biżżejjed biex ir-riforma lejn tmexxija politika demokratika u ekonomija mħall­­ta li bażikament hi bba­ża­ta fuq is-suq issa sabet saqaj­ha u bdiet tiġi pprattikata. Il-biċċa kbira ta’ dawn il-pajjiżi issa huma membri tal-Unjoni Ewropea.

Fil-każ tal-pajjiżi Għarab fejn saru, u għadhom għaddej­jin rivoluzzjonijiet u taqlib kbir, għadu kmieni wisq biex wieħed jivvaluta. L-ewwel pas­si kienu li jkissru s-sistema po­litika li kienu mmexxijin biha. Dan sar fit-Tuneżija u l-Eġittu fejn għad iridu jsiru l-ewwel elezzjonijiet minn wara dawn ir-rivoluzzjonijiet.

Mil-lat ekonomiku l-proble­mi li hemm fil-pajjiżi Għarab huma meqjusin bħala aktar diffiċli minn dawk li kien hemm fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant. Dan hu dovut għall-fatt li minkejja li se jkun hemm uċuħ ġodda fit-tmexxija tal-pajjiż li ċertament se jku­nu aktar demokratiċi minn ta’ qabilhom, jeżistu dubji dwar kemm hi qawwija d-determi­nazzjoni u l-mentalità tagħ­hom.

Hemm differenza kbira bejn dak li għajtu u ġġieldu għa­lih iż-żgħażagħ ta’ Facebook u Twitter fit-toroq u l-pja­zez, li jridu sistemi bħal dawk prattikati fl-Ewropa u fl-Amerika, u dak li s’issa huma l-indikaturi ta’ dak li qiegħda taħseb fuqu t-tmexxija tranżi­torja ta’ dawn il-pajjiżi. L-imbuttatura mit-toroq u l-pjazez qiegħda hemm, imma mhix daqstant riflessa fid-determi­nazzjoni ta’ dawk li minnhom qed jintalab it-twarrib tal-monopolji statali u ristrutturar ta’ istitutzzjonijiet, sistemi u prattiċi li jridu jinqalgħu bl-għeruq u x-xniexel.

Lura lejn il-paraguni bejn l-avvenimenti storiċi fl-Ewropa tal-Lvant fi tmiem is-snin tmenin u dawk tal-Afrika ta’ Fuq aktar kmieni din is-sena. Hemm differenza f’aspirazz­jo­ni partikolari – l-Unjoni Ew­­ro­pea. Filwaqt li tal-ewwel kellhom l-aspirazzjoni li jis­sieħ­­bu fl-UE, kif ħafna minn­hom għamlu diġà, mhux hekk il-pajjiżi Għarab, u dan għal diversi raġunijiet, fosthom ġeo­grafici u kulturali.

Imma hemm aspirazzjoni ko­muni fejn jirrigwarda l-għaj­nuna mill-Unjoni Ewropea. L-UE tista’ tgħin, u nistennew li se tgħin bil-kbir. Fiż-żewġ avvenimenti għandna okkaż­joni unika li tiġġustifika għajnuna lil dawn il-popli li għam­lu pass storiku u kuraġġuż. Eżempju tipiku ta’ għajnuna bħal din hu t-twaqqif tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u Żvilupp, magħruf bħala EBRD, li qiegħed ibbażat Londra. Twaqqaf apposta biex setgħet tingħata għajnuna lill-paj­jiżi tal-Ewropa tal-Lvant li kienu taħt l-eks-Unjoni Sovjetika u li issa se jkun mitlub iħares lejn dawn il-pajjiżi Għarab li għandhom bżonn pariri u esperti ta’ kif l-ekono­mija tista’ tiġi ristrutturata.

Iżda ma’ din l-għajnuna jrid ikun hemm il-kundizzjo­nijiet. Fosthom li jitneħħew il-monopolji. Li jimmoderniz­zaw jew jipprivattizzaw il-kum­­paniji parastatali li huma ineffiċjenti u li l-produttività tagħhom hi baxxa ħafna. Iridu jsiru riformi mmirati biex il-pajjiżi Għarab ma jkollhom xejn inqas minn pajjiżi tal-Asja u oħrajn.

Bħalma għedna, għal dawn l-aħħar 20 sena l-pajjiżi Għa­rab kienu l-pajjiżi li ras għal ras l-inqas li kellhom tkabbir ekonomiku. L-għajnuna li mis­­­­tennija jingħataw mill-UE se tkun primarjament immira­ta biex dan l-istat ta’ fatt ikun xi ħaga tal-imgħoddi. Iridu jin­qatgħu minnu.

Iż-żgħażagħ minn kull li­vell tal-ħajja li pprotestaw fit-toroq u l-pjazez dan kollu jafuh u jemmnu fih. Jemmnu fid-dritt li dak li seħħ f’pajjiżi oħrajn, bħalma huma l-Indja u ċ-Ċina, jista’ jsir minnhom ukoll.

Determinazzjoni għal ak­tar demokrazija, għal sistema ekonomika differenti li imma trid tkun imwieżna u kkontrollata minn għajnuniet soċjali. L-esperjenza ta’ dawn il-pop­li hi li għexu sistema do­minata min-nepotiżmu u xogħol mhux produttiv. Ma’ dan esperjenzaw ukoll it-tba­tija li jġib miegħu l-faqar li kon­trih ma kien hemm ebda sistema soċjali effikaċi li tgħin­hom.

Nemmen li bil-mod il-mod id-determinazzjoni li wasslet biex tajret it-tmexxija awtoritarja se tkun qiegħda timbotta biex dawn il-pajjiżi jkollhom sistema ekonomika moderna bħalma hemm f’pajjiżi oħ­rajn.

l-orizzont 04.07.2011

, ,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *