Fl-ewwel xahar u nofs tas-sena, tlett aġenziji ta’ kreditu internazzjonali taw ‘ratings’ tajbin lil Malta. Ir-riżultati tagħhom kienu fi grad għoli ta’ A u iżjed. Dan kollhu jfisser li l-andamment ekonomiku u finanzjarju tal-pajjiż sejjer tajjeb, anzi tajjeb hafna. Jekk wieħed jifli sew dawn ir-rapporti dettaljati, Isib li jgħidu li dan is-suċċess hu mifrux fuq is-setturi kollha. Ir-rapporti jghidu wkoll li l-andament għall-futur hu pożittiv għar-raġuni l-investiment li qed isir f’pajjiżna hu b’saħħtu ħafna. Il-punt hu li wasalna sa hawnhekk mhux għax il-gvern sab xi bażi soda lesta, iżda għal kuntrarju sab sitwazzjoni li kienet fi gradi ħafna agħar. Nieħdu eżempju ‘Standard and Poor’s’ li sibniha fi grad ta’ BBB+ u wara tellajniha għal A. Moody’s kienu jikklasifikawna fi grad anqas u illum mhux biss tellgħu r-‘rating’ iżda anke l-‘outlook’ tagħhom.
F’dan l-isfond wieħed jistenna li jqum l-interess u tqum id-diskussjoni ta’ x’qed iwassal sabiex dawn l-aġenziji qed itejbu r-‘ratings’ tagħhom. Wieħed jistenna li l-Oppożizzjoni tqajjem dan id-dibatittu u tistaqsi kif tjiebu r-‘ratings’, iżda minflok l-Oppożizzjoni għażlet li tagħmel mistoqsija parlamentari fuq l-ammonti ta’ flus li dawn is-sitt aġenziji tħallsu mis-sena 2013 ‘l hawn allavolja jafu li x-xoghol tal-agenziji ta’ kreditu ma bediex mis-sena 2013 u jmur ferm snin qabel.
Ir-risposta rrispondejta b’wiċċi minn quddiem, għax ma għandix x’naħbi. L-implikazzjoni wara din il-mistoqsija parlamentari kienet waħda ċara, li dawn l-aġenziji qed ifaħħru lil pajjiżna għax qed inħallsuhom. Li l-agenziji globali ta’ fama u reputazzjoni tant għolja qed jixxaħmu mill-Ministeru tal-Finanzi ta’ Malta biex ifaħħruna.
Filfatt mhux biss dan mhux veru xejn iżda agħar minn hekk hija allegazzjoni tant redikola li twaqqa’ wiċċna l-art. Hija imbarrazzanti li żewġ membri parlamentari jimplikaw sew dan u wkoll li ir-rating li jagħtuna mhi xejn ħlief biċċa karta li ma tiswa xejn.
Dawn ir-‘ratings’ huma bil-wisq importanti għal kull gvern madwar id-dinja. Dan għax jiggwidaw lil gvernijiet u entitajiet għandhomx jinvestu f’dak il-pajjiż, u jekk wieħed għandux isellef ukoll lil dawn il-pajjiżi. Dawn ir-‘ratings’ jiswew ukoll anke minħabba l-bejgħ tal-bonds tal-Gvern li jinħarġu u jinxtraw minn banek u istituzzjonijiet finanzjarji u għalhekk iridu opinijoni indipendenti dwar kemm jiswew u x’riskju jkunu jġorru.. Kumpaniji kbar u serji jitolbu li jsiru ‘ratings’ fuq il-kumpanija, biex meta mbagħad joħorġu offerta pubblika għal ishma fost oħrajn, dak li jkun, ikun jaf x’se jixtri. Dan għax ir-rapporti ta’ dawn l-aġenziji jidħlu ħafna fid-dettall, fosthom ir-riskji, vantaġġi, track records, investimenti, riservi eċċ.
L-obbligu ta’ dawn l-aġenziji hu li jridu jirrapurtaw lil pubbliku u l-iswieq finanzjarji, u għalhekk żgur mhux ser tpoġġilhom il-bżar fuq imneħirhom billi tħallashom iżjed, u eventwalment ituk ‘rating’ għola. Dawn l-aġenziji żgur mhux ser iħammġu r-reputazzjoni tagħhom għal pajjiżna. L-obbligazzjoni tagħhom hi mad-dinja kollha, u mhux mal-Gvern Malti.
Dawn ir-‘ratings’ f’pajjizna bdew issiru propju fis-snin 90, fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti, dan għax b’mod ġust inħass il-bżonn li l-ekonomija ta’ pajjiżna għandha tiġi kklassifikat sabiex jattiraw l-investiment. Dak iż-żmien il-gvern beda jissellef u allura ried jara li bħal pajjiżi oħra tad-dinja, l-bonds tal-gvern ikunu klassifikati. Sussegwentament dawn l-aġenziji ta’ kreditu żdiedu minn tlieta għal sitta, għax maż-żmien il-gvern ħass li għandu jifrex aħjar il-ġudizzju ta’ agenzi li joriginaw mhux biss mill-Amerika iżda minn pajjiżi oħra wkoll. Il-ħlasijiet ta’ dawn l-aġenziji jsiru direttament jew mill-Bank Ċentrali jew mill-Ministeru tal-Finanzi bi proċess bħal dawk ta’ pajjiżi oħra.
Jiġifieri ara kemm ma jagħmilx sens u hi redikola għall-aħħar dak li qed tgħid l-Oppożizzjoni. Jiġifieri li dawn l-aġenziji qed jagħtu “upgrade” lil pajjiżna għax qed jitħallsu.
L-unika ħaġa ċerta hi li dawn l-aġenziji kienu jitħalsu minn qabel l-2013. Meta tlajt Ministru għall-Finanzi jien ma biddilt xejn. L-istess pagament li kienu jagħmlu l-amministrazzjonijiet preċidenti, bqajna nagħmluh aħna.
Tant kemm dawn l-aġenziji huma serji, inġib eżempju bl-Amerika. Kien hemm żmien meta ‘Standard and Poor’s’ riedu jniżżlu r-‘rating’ tal-Istati Uniti, u hekk għamlu. F’pajjiżna wkoll kien hemm drabi meta l-istess aġenziji waqqgħu ir-‘rating’ ta’ pajjiżna, u tawna saħansitra ‘outlook’ negattiv. Fost dawn kellna l-perjodu ta’ bejn l-2009 u l-2013 meta ‘Standard and Poor’s’ u Moody’s li reġgħu niżlu r-‘rating ta’ pajjiżna bi tbassir negattiv. Dan għamluh waqt li kienu qed jitħallsu ta’ xogħolhom.
Huwa l-obbligu u d-dmir tagħhom li fejn l-affarijiet mhux sejrin tajjeb, dan jgħiduh u jiċċarawh, sabiex eventwalment jiftħu għajnejn l-investituri.
Din l-implikazzjoni tista’ toħloq ukoll riperkussjonijiet negattivi fuq ’ pajjiżna. Fil-Parlament urejt bil-fatti li dawn qed jitħallsu bħal pajjiżi oħra, u kif kienu jitħallsu qabel u għadhom jitħallsu l-istess sal-lum, hi x’inhi l-evalwazzjoni tagħhhom.
Nawgura li fil-parlament id-dibattitu bejn il-gvern u l-Oppożizzjoni jkun iktar matur. Naħseb li d-dibattitu li jridu jisimgħu l-familji, hu dwar x’se nagħmlu biex intejbu l-ekonomija u eventwalment jgawdu l-familji. Nistenna li l-Oppożizzjoni tersaq sabiex inkomplu niddiskutu s-setturi l-ġodda għall-futur bħal ‘blockchain’, l-‘artifical intelligence’, l-‘esport’ u oħrajn.
Fi ftit snin oħra d-dinja se tkun differenti ħafna u aħna rridu nimbuttaw lit-tfal tagħna biex ikunu ppreparati għal dak li ġej.
Il-Ġimgħa 22 ta’ Frar 2019