L-era ġdida Libjana u Malta


Għajnejn id-dinja, b’mod partikolari l-Ewropa u d-Dinja Għarbija, jinsabu ffukati fuq il-Libja, mhux biss biex jaraw tmiem il-gwerra ċivili imma wkoll għal wara. Kull pajjiż li b’xi mod kellu negozju mal-Libja qabel il-gwerra ċivili, kif ukoll dawk li kienu involuti b’mod dirett f’din il-gwerra, jinsab għaddej b’ħidma kbira biex mhux biss iżomm li kellu, imma jsaħħu u jkattru. Malta wkoll daħlet f’dan il-kurrent u jkun żball jekk iżżomm lura.
Il-ġimgħa li għaddiet il-Malta Employers Association (MEA) appellat lill-Prim Minis­tru biex isejjaħ laqgħa b’ur­ġenza tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) biex ikunu diskussi l-iżviluppi fil-Libja u speċjalment biex Malta jkollha strateġija dwar x’oppor­tuni­tajiet jista’ jkun hemm għal xogħol u negozju fil-Libja fil-kuntest ta’ relazzjonijiet bila-terali bejn iż-żewġ pajjiżi. Filfatt l-MCESD se jitlaqqa’ wara li l-Prim Ministru jtemm il-btala privata tiegħu.
Biex wieħed ikollu diskussjoni li tagħti l-frott wieħed irid jara x’inhuma verament il-bżonnijiet tal-Libja mil-lum ’il quddiem għas-snin li ġejjin. Era ġdida ġġib domanda ġdida.
Naraha qisha piramida ta’ bżonnijiet u l-ponta ta’ fuq tagħha hija r-rikonċiljazzjoni. Biex tiġi żgurata stabbilità politika u ekonomika l-ewwel bżonn tal-Libja huwa r-rikonċiljazzjoni. Qabel ma tissolva din mhux se jkun hemm stabbilità. Rikonċiljazzjoni tfisser li min ħaqqu ssir ġustiżżja miegħu ssir, u ssir b’mod trasparenti. Min għamel l-atroċitajiet, min spara fuq in-nies għal xejn b’xejn trid issir ġustizzja miegħu għax biex iżżomm l-ordni m’hemmx għalfejn tispara fuq u toqtol in-nies. Anke xi atroċitajiet li saru minn xi wħud kriminali min-naħa tar-ribelli ma għandhomx jitħallew barra.
L-animositajiet se jibqgħu hemmhekk. Ma jfissirx però li kull min kien jaħdem mal-Gvern qabel seħħ dak li seħħ, huwa ħati ta’ dak li ssemma’ li sar qabel. Irid jinqata’ sinjal. F’diversi pajjiżi fil-kontinent Afrikan fejn kien hemm gwer­ra ċivili nqata’ sinjal, jaraw il-kbarat min huma u jaraw min kien wara dak kollu li jkun sar, u mbagħad tingħata maħfra lil oħrajn kollha li l-każ tagħhom la jkun abjad u lanqas iswed. B’hekk biss ikun hemm stabbilità. Fin-nuqqas ta’ dan jibqa’ jkun hemm il-konflitt bejn it-tribujiet u l-istabblità ma tinkiseb qatt. F’dan ir-rigward problema kbira hi li jinġabru l-armamenti kollha li huma sors ta’ inkwiet sew għal-Libja u pajjiżi oħrajn ġirien. Armamenti kemm li kellu u anke qassam ir-reġim kif ukoll li tqassmu lir-ribelli min-naħa tal-pajjiżi tal-Punent.
Fir-rigward ta’ Gaddafi nnifsu, jekk jinstab, persważ li fil-Libja llum m’hemmx l-infrastruttura legali li tgħaddih minn proċess ġust, u żgur li d-dinja ma tridx terġa’ tara l-mod xejn ċivili li bih gie ġustizzjat Saddam Hussein. Kulħadd jippreferi li, jekk jinqabad, Gaddafi jgħaddi proċeduri fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, f’The Hague. Anke jekk il-poplu Libjan jixtieq li Gaddafi jingħadda proċeduri fil-Libja. Ċertament li l-pajjiżi tal-Punent se jagħmlu pressjoni kbira biex Gaddafi jittella’ fil-Qorti ta’ The Hague.
Wara li sseħħ ir-rikonċiljazzjoni hemm imbagħad tliet prijoritajiet. L-ewwel prijorità hija li tiżblokka l-għajn tad-dħul finanzjarju tal-pajjiż,  il-produzzjoni taż-żejt. Saret ħsara kbira lil dan il-qasam. Iż-żejt huwa l-għajxien tal-maġġoranza tal-Lib­jani. Iridu jsiru mill-aktar fis possibbli t-tiswijiet għall-ħsarat li saru u jsir ftehim mal-kumpa­niji taż-żejt biex terġa’ tibda l-produzzjoni. Dan ikun ta’ għajnuna żgur lil-Libja u lid-dinja wkoll.
Prijorità paralela magħha hija l-bżonn immedjat tal-flus, assi likwiditi biex bihom isiru l-ħlasijiet l-iktar bżonnjużi tagħhom. Assi oħrajn Libjani bħal dawk tal-proprjetà mhumiex utili għalissa. Qegħdin nitkellmu fuq popolazzjoni li kienet taħdem u li issa tinsab wieqfa. Waqfu l-pagamenti ta’ dawk primarjament li kienu jaħdmu sew f’entitajiet governattivi u anke privati. Hemm imbagħad bżon­nijiet aktar neċessarji, bħalma huwa l-ikel u l-mediċini.
Huma sinjuri kemm huma sinjuri, u persważ li l-Libja b’popolazzjoni ta’ ftit aktar minn sitt miljuni hija pajjiż sinjur, minħabba l-kollass tal-pajjiż il-poplu għandu bżonn għajnuna kbira, bħal meta nibagħtu għajnuna lil xi pajjiż aktar fqir. Nafu li pajjiżna se jgħin f’dan ir-rigward. Sintendi, il-pajjiżi l-kbar qegħdin jew isellfu jew jagħ­mlu għotjiet ta’ flus biex għallinqas bihom ilaħħqu mal-bżonnijiet l-aktar neċessarji sa­kemm r-rota tal-ekonomija tibda ddur.
Marbuta ma’ dan l-aspett hemm il-ħtieġa li titneħħa l-friża fuq assi li huma tal-Gvern Libjan biex almenu jkunu jistgħu jużawhom għall-bżonnijiet immedjati. Fil-bidu dan kien qed ikun ostakolat mill-Għaqda tal-Pajjiżi Afrikani għax l-Afrika t’Isfel kienet qiegħda tippresiedi f’isimhom. Nafu li minħabba li hemm pajjiżi minnhom li għandhom gvernijiet awtoritarji allura pprovaw jagħmlu ostakoli biex dawn il-flus jingħataw. Qegħdin nitkellmu fuq 200 biljun dollaru. Kulma qegħdin jitolbu minnhom għalissa għal bżonnijiet immedjati, hu madwar tliet biljuni.
L-istabbilità titlob ukoll ordni pubblika. Sintendi f’dal-każ, kuntrarjament għal xi pajjiżi oħrajn, m’għandekx xi armata kbira li kienet mar-reġim. Il-pulizija u ħafna mill-armata ma kinux favur ir-reġim. Il-merċe­narji m’hemmx problema bihom għax dawn jaħarbu mill-pajjiż u jfendu għal rashom.
Iridu jsiru l-isforzi kollha biex, bl-għajnuna tal-pajjiżi tal-Punent jerġgħu jistabbilixxu l-Qrati, il-Pulizija u l-Armata tagħhom, biex ikun hemm l-ordni pubblika. Ma naħsibx li hija diffiċli u dan għar-raġuni-jiet li semmejt. Lanqas ma jfis-ser li hija xi ħaġa faċli, imma mhux bħalma ġara fl-Iraq fejn illiċenzjaw lill-pulizija u s-suldati kollha għax kienu ma’ Saddam Hussein, u sintendi dawn imbagħad kienu sors ewlieni ta’ kif jimminaw l-ordni pubblika.
Għal dawn il-bżonnijiet li semmejt Malta ftit għandha rwol, ħlief fil-kwistjoni tal-assi ffriżati li nifhmu li se nimxu fuq l-istruzzjonijiet tal-Ġnus Magħquda. Sintendi l-appoġġ psikologiku għandu jingħata fuq kull front.
Niġu issa għall-bżonnijiet li jista’ jkollha l-Libja f’dawn l-għaxar snin li ġejjin u li dwarhom hi u pajjiżna, żewġ pajjiżi ġirien, jistgħu jgħinu lil xulxin. L-ewwel bżonn biex l-ekonomija tibda taħdem kif għandu jkun hija l-infrastruttura li ġarrbet ħsarat kbar – dawl, ilma, telefonija, toroq. Però din l-infrastruttura fil-Libja kienet teżisti u li trid hu li tiġi rranġata jew mibdula kompletament. Se jkun hemm, u nafu liema pajjiżi se jkunu b’wiċċhom minn quddiem jippretendu l-biċċiet kbar tal-kejk u dan b’ċertu raġun għax kienu huma li ħarġu għonqhom, bħal Franza, l-Ingilterra, l-Amerika, l-Italja u inqas minnhom il-Ġermanja peress li ma pparteċipatx fl-attakki tan-NATO u dan għal raġunijiet kostituzzjonali, imma qiegħda minn ta’ quddiem biex tagħti l-flus u digà ssellfet.
Dawn ix-xogħlijiet ikunu kbar u jkunu żgħar u skont id-daqs u l-kapaċitajiet tagħna dej­jem hemm lok fejn nistgħu nigg­wadanjaw għal dawk li hu­ma kuntratti. Jekk le, kumpaniji tagħna jistgħu jkunu ‘sub-contractors’ għar-raġuni li aħna nafu aktar il-post, għandna nies li lesti jmorru jaħdmu hemm u aħna milqugħin. Għandna vantaġġi ovvji.
Xi ħaġa li n-negozjant, l-industrijalist, il-kuntrattur Malti jrid jirrikonoxxi hija li l-folja nqalbet drastikament. Fejn qabel biex tagħmel negozju fil-Libja ried ikollok kuntatti ma’ xi ħadd tal-familja jew tal-ħbieb tal-familja tar-reġim, dan spiċċa u se jkun hemm minfloku pajjiż aktar demokratiku. Għall-ewwel mhux mistenni kambjament kbir, ħlief ta’ persuni, għax kif jgħidu l-Ingliżi ‘old habits die hard’, imma nimmaġina li pajjiż b’suq ħieles se jkun hemm mezz aktar aċċettabbli u jgħin biex jagħmel kuraġġ lil ħafna kumpa­niji li qatt ma azzardaw għax ma riedux jinnegozjaw bis-sistema ta’ qabel. Se jkun hemm aktar aċċess miftuħ.
Wieħed jistenna li s-sistema ġdida tkun aktar favur is-swieq, speċjalment in-nies ta’ Benghazi, li dejjem kienu magħrufin għan-negozju, għall-kapaċitajiet fin-negozju, imma s’issa kienu ma­ħ­nuqin mis-sistema. M’hemm­ ebda dubju li se jkun hemm aktar opportunitajiet.
Fil-passat kellna ċerti setturi li sabu art fertili fil-Libja, bħalma huma lukandi, catering, taħriġ fis-sigurtà u tifi tan-nar, kostruzz­joni, saħħa. Dawn se jibqgħu u se jissaħħu. Is-setturi se  jinfetħu aktar. Malta għandha aktar x’tibbenefika jekk taħdem sew. Is-suq se jkun miftuħ. Hemm opportunitajiet għal kull fergħa. Qabel kien hemm suq limitat b’monopolju mogħtijin mill-Gvern, li jekk jirnexxilek tippenetrah se tagħmel aktar flus. Issa se jkun hemm suq aktar miftuħ iżda b’aktar kompetizzjoni u b’inqas monopolji. Wieħed m’għandux jistenna li n-negozju tiegħu jirrendi daqs kemm kien jirrendi qabel. Meta jitkissru l-monopolji jsir aktar faċli tidħol u toħroġ iżda tistenna ‘returns’ inqas esaġerati milli wieħed kien jistenna mill-monopolji. Dan isir aktar mal-pajjiż isir aktar stabbli.
Jekk ikolli nagħti previżjoni dwar x’inhu l-futur għal pajjiżna b’riżultat ta’ dak li ġara fil-Libja, mingħajr ebda dubju ngħid li ħu wieħed pożittiv u dan għal ħafna raġunijiet. Xi ħaġa li hija ta’ benefiċċju għalihom stess u li minnha nistgħu nibbenefikaw anke aħna, huwa l-fatt li issa tliet pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq u li jmissu ma’ xulxin, l-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija, għaddejjin minn fażi ġdida tal-istorja tagħhom, fejn waqqgħu reġimi awtoritarji u se jkunu pajjiżi aktar demokratiċi, bi swieq aktar miftuħin. Din id-dinamika tat-tliet pajjiżi flimkien tfisser suq kbir li jekk jibbenefika u jkompli jikber ikollu effett fuqna wkoll.
It-tieni, għandek ċerta politika li ma setgħetx tkun agħar milli kienet u għalhekk tista’ tgħid liberament li tista’ tkun aħjar. Għandek il-politika dwar l-immigrazzjoni irregolari.
Malta u l-Italja, għal kuntrarju ta’ pajjiżi oħrajn li kienu qegħdin ikunu affettwati mill-immigrazzjoni irregolari, ma kellhom ebda ftehim mal-pajjiżi Afrikani biex dawn, almenu, jieħdu lura lil dawk li mhumiex refuġjati u li ġew fl-Ewropa għal raġunijiet ekonomiċi.
Spanja għan­dha ftehim bħal dan  mal-Punent kollu tal-kontinent Afrikan. Dan aħna ma stajniex nagħmluh għal raġunijiet ovvji. Wieħed jispera li f’dan ir-rigward l-affarijiet jitjiebu.
Min-naħa ta’ tfittix għaż-żejt, l-istess. Is-sitwazzjoni ma setgħetx kienet agħar milli kienet u allura wieħed jistenna li tkun aħjar. Bħalma l-Libja se tirrikonoxxi lil kull min għen fit-taqbida tagħha għad-demokrazija, naħseb li żam­mejna relazzjoni tajba mal-parti demokratika.
Dan huwa importanti għax imbagħad hemmhekk il-ħbiberija bejn il-pajjiżi tinżamm u tirrifletti fi ftehim, speċjalment fejn jirrigwarda tfittxija għaż-żejt, xi ħaġa li tista’ ssir bejn iż-żewg pajjiżi flimkien. Dan filfatt diġà ssemma mit-tmexxija temporanja tal-Kunsill Nazzjonali Transitorju tal-Libja.
It-tielet punt huwa li għandna nisperaw li Malta issa ma tkunx imdawra minn pajjiżi moderni u demokratiċi min-naħa ta’ fuq biss, l-Ewropa, imma min-naħa t’isfel ukoll, mill-pajjiżi fin-naħa ta’ fuq tal-kontinent Afrikan. Pajjiż li jkun imdawwar minn pajjiżi demokratiċi, li jkollhom il-kummerċ bejnethom, jgħin lil kull pajjiż. Jgħin sew lil Malta kif ukoll lill-pajjiżi li jdawruha. Il-kummerċ jirrendi benefiċċju lit-tnejn.
Naħseb li sew politikament kif ukoll ekonomikament għand­na ninsistu li l-pajjiżi, speċjalment dawk Ewropej, jgħinu kemm jistgħu biex dan iseħħ, għax it-triq mhix waħda faċli. Se jkun hemm ħafna ostakoli biex jaslu għal dan, però huwa fl-interess ta’ pajjiżna li dan l-investiment politiku, ekonomiku, u soċjali mill-pajjiżi Ewropej isir biex dawn it-tamiet jseħħu fir-real­tà.

 

l-orizzont – It-Tnejn, 29 ta’ Awwissu, 2011

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *