L-Ewwel Skoss Ekonomiku għal Ġermanja


Ftit kienu emmnu t-tbassir li sar meta l-President Amerikan Donald Trump iddikjara li ried jintroduċi xi tariffi fuq l-importanzi tal-azzar biex jiddefendi x-xogħol f’pajjiżu. Dak inhar konna għidna sew li kien beda jberraq bl-ikrah fuq id-dinja.

Propju meta Trump ħabbar dawn it-tarrifi, jien kont għidt li mill-esperjenza ekonomika li għandi din ma kinetx xi ħaġa sabiħa xejn. Kont tajt sinjal u ħafna kienu ħasbu li qed nesaġera jew qiegħed inbeżża. Madankollu l-ekonomisti kollha jaħsbuha hekk u filfatt dak li ħafna bdew jiprevedu illum qed isir realta! Diġa qed nisimgħu li l-Ġermanja u pajjiżi oħra qed jaffetwalom il-kummerċ u t-tkabbir ekonomiku. Sfortunatament fl-Ewropa u xi pajjiżi diġa qed ibassru riċessjoni ekonomika oħra.

Dan kollhu qed iseħħ minħabba l-kummerċ jew inkella n-nuqqas tiegħu. La  wieħed isemmi l-kummerċ aħna l-ekonomisti nibdew niprevedu x’wieħed jistenna, l-aktar meta wieħed imiss mat-tarriffi u t-taxxi fuq il-kummerċ. L-Istati Uniti rraġunat b’tali mod li biex wieħed issaħħaħ l-industrija tiegħu u ma jintilfux ix-xogħlijiet fl-industrija tal-azzar wieħed għandu, jimporta anqas. B’hekk hu maħsub li jiġi ssalvagwardjat ix-xogħol tagħhom. Jekk wieħed iżid ir-rati fuq it-tariffi tal-importanzi allura wieħed se jimporta anqas miċ-Ċina, t-Turkija u l-Ewropa per eżempju.

Ħa nispjega b’mod aktar sempliċi sabiex jifimni kulħadd. Kieku t-tifel jiġi jistaqsik x’taħdem, inti ma tirrispondihx li inti tabib, pulizija u xufier ta’ xarabank f’daqqa. Iżda tgħidlu li int taħdem xogħol wieħed kif filfatt jagħmlu ħafna minnha, dan għax illum hawn l-ispeċjalizazzjoni. Kulħadd jispeċjalizza f’xogħol wieħed. Dan sar għax evolviet l-ekonomija, fi żmenijiet primitivi l-bniedem kien jagħmel kollox li hemm bżonn, jiġifieri jagħmel għamara, jiżboħ, jagħmilha ta’ tabib u jffejjaq lilu nnifsu eċċ. Madankollu meta maż-żmien l-ekonomija bdiet tieħu l-forma tagħha ġie neċessarju li kull persuna tagħmel xogħol wieħed u ttispeċjalizza fih. Kienet tispiċċa tipproduċi iżjed milli jkollu bżonn. Dan tagħmlu biex iżejjed tbigħu u hekk tiġi ġġenerata l-ekonomija. Bil-flus li dak li jkun jiġbor imbagħad hu jkun jista’ jixtri affarijiet oħra, jew jagħmel affarijiet li hu ma jlaħħaqx magħhom.

B’hekk jiġi ġġenerat il-kummerċ, u eventwalment tevolvi l-ekonomija  u tmur il’ quddiem. Ekonomija tmur il’ quddiem għax jiżdied in-negozju, u dak l-imsejjaħ ‘division of labour’, bħal ma spjegajt aktar qabel li int tispeċjalizza f’ħaġa waħda. U hekk hu l-kummerċ bejn il-pajjiżi għaliex kollha jixtru mingħand xulxin, madankollu f’dan il-kummerċ tidħol il-politika. Jidħlu ukoll nies bħal President Donald Trump, li qed jirraġuna li tiegħu biss tajjeb, u dak li ġej minn imkejjen oħra tad-dinja ma huwiex tajjeb.

Ejja ngħiduha kif inhi, li tgħid u li tipromwovi l-prodott tiegħek li hu tajjeb u tagħtih aktar importanza ma jimpurtax. Iżda mbagħad ma tistax tiskoraġixxi l-kummerċ. Fl-1930s meta d-dinja kienet għaddejja minn riċessjoni u beda jiżdied il-qgħad fil-pajjiżi, l-istess pajjiżi bdew jiskoraġixxu l-l-importazzjoni, bil-konsegwenza li ma bdewx jixtru mingħand xulxin u l-qgħad kompla jiżdied flok jonqos għax waqaf il-kummerċ.  U minn riċessjoni d-dinja daħlet f’dipressjoni ekonomika kbira.

Din qed narawa tiġri bejn l-Amerka u ċ-Ċina, meta Trump, beda jwaqqaf l-importazzjoni miċ-Ċina, madankollu ċ-Ċina kienet għaqlija biżżejjed li ma tgħamilx kollox l-istess. Huwa ta’ pjaċir li nisimgħu illum li l-President tal-Amerka u taċ-Ċina se jiltaqaw, u j’alla jirranġaw l-affarijiet li saru u ma kellhomx issiru. Imaġina kieku ċ-Ċina billi żżid it-tariffi fuq kulħadd, ma kienetx taqlaha l-Ewropa?

 

Qegħdin fi żmien li hu fl-interess tal-pajjiżi  li jagħmlu tratti u ftehimiet ta’ kummerċ, eżempju t-Turkija għandha twaqqaf dak l-imsejjaħ ‘Customs Unit’, u b’hekk anke titwaqqa t-taxxa bejn l-Ewropa u t-Turkija u b’hekk ikollna suq ħieles bejniethom. It-tarriffi bejn il-pajjiżi huma ta’ deni kbir.

Sa ftit tas-snin ilhu d-dinja kienet sejra tajjeb u sfortunatament riżultat ta’ politika żbaljata bdejna bl-intoppi. Il-Ġermanja li wara snin twal tikber b’surplus wara l-ieħor, għall-ewwel darba fl-aħħar tlett kwarti tas-sena l-oħra t-tkabbit ekonomiku ma seħħx  u spiċċat b’ waqa’ fil-produzzjoni tagħha. Peress li l-Ġermanja hu pajjiż kbir dan se jibda jinħass, mhux minn pajjiżni Ewropej, iżda mad-dinja kollha. Se nibdew bit-tnaqqis ta’ esportazzjoni u għalhekk mhux eskluż li tibda riċessjoni.

F’din is-sitwazzjoni li d-dinja tinsab fiha, għandna nagħtu każ x’ jgħidu l-ekonomisti li ibassru din il-mewġa kerha. Għalhekk għandna neleġġu gvernijiet li ma jmorrux f’dik it-triq bħal ma qabdet l-Amerka. Vera li toħloq l-impjiegi malajr, madankollu tkun qed tirvina kollox meta tħares fit-tul, għax tkun qed tnaqqas il-kummerċ, li jwassal għall-anqas impjiegi fid-dinja u għalhekk mhux pajjiżek biss imur lura iżda d-dinja kollha.

 

Il-Ġimgħa 19 ta’ Jannar 2019


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *