Min se jkun qed jokkupa l-kariga ta’ Direttur Maniġerjali, Kap, tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) wara r-riżenja ta’ Dominque Strauss Khan aktar kmieni dan ix-xahar? Mistoqsija li fuqha hija ffukata l-attenzjoni internazzjonali u li tweġiba għaliha rridu nistennewha sa tmiem Ġunju li ġej.
Madankollu jidher li s-swaba’ huma ppuntati lejn il-Ministru tal-Finanzi Franċiża Christine Lagarde li l-ġimgħa l-oħra ħabbret il-kandidatura tagħha, kandidatura li mill-ewwel kisbet appoġġ qawwi Ewropew. Ma jfissirx li m’hemmx kandidati oħrajn li wkoll huma tajbin, imma Lagarde għandha vantaġġ, li wieħed jista’ pjuttost isejjaħlu istituzzjonalizzat.
Il-Fond Monetarju Internazzjonali flimkien mal-Bank Dinji huma żewġ istituzzjonijiet kbar. Influwenti immens. Poteri enormi. U allura ovvju l-poter f’min imexxihom. Kulħadd jaf u jifhem li hemm ftehim, ftehim mhux miktub, bejn l-Ewropa u l-Amerika, li t-tmexxija tal-IMF tkun fdata f’idejn Ewropew u dik tal-Bank Dinji f’idejn Amerikan. “Ftehim” li daħal fis-seħħ minn wara l-gwerra ’l hawn.
Minn dakinhar sal-lum inbidlu ħafna affarijiet. Żviluppi seħħew kullimkien. Rajna u qegħdin naraw avvanzi ekonomiċi enormi. Pajjiżi kbar bħalma huma l-Brażil, iċ-Ċina, l-Indja, ir-Russja u l-Afrika t’Isfel għamlu avvanzi kbar u b’ritmu mgħaġġel, wieħed aktar mill-ieħor. Pajjiżi magħrufin bħala l-pajjiżi BRIC. Żviluppi li minnhom infushom qed jirriflettu li għandhom jistennew li ssir riforma fil-mod ta’ kif jingħażlu l-mexxejja ta’ istituzzjonijiet kbar bħalma huma l-IMF u l-Bank Dinji. Jippretendu u bir-raġun li għandhom ikunu kkunsidrati għal dawn il-karigi wkoll. S’issa għadhom jittamaw u jilmentaw.
Min-naħa l-oħra rajna u qed naraw emfasi mill-pajjiżi sinjuri fuq it-trasparenza u l-prinċipji demokratiċi li saħansitra qed jiġġieldu l-gwerer fuqhom. Kulħadd jitlob għar-riformi sew nazzjonali u sew internazzjonali. Fi ftit kliem l-għajta għal riforma fil-governanza internazzjonali, speċjalment fl-IMF, qiegħda hemm. Imma malli tibda tissemma jew tinstema’ tali talba taqbeż l-Ewropa u tiddikjara li diġà għandha l-kandidat tagħha li lilu trid għax hekk hu l-ftehim mal-Amerikani, wieħed bilfors jibda jċaqlaq rasu.
Donnu li din hija tifsila tipika ta’ kif kienu jsiru l-affarijiet fil-passat u mhux kif qed jiġi ppriedkat biex isiru għall-futur.
Tixba’ tara l-istituzzjonijiet mill-qrib kif huma maqsumin qishom ‘trifle’. B’dik il-parti jew dipartiment għall-Amerikani, l-oħra għall-Franċiżi, l-oħra għall-Ingliżi, l-oħra għat-Taljani. Meta fil-passat kont qed naħdem għal klijent li kien interessat jinvesti fl-Albanija, niftakar ma stajt immur imkien mal-EBRD bank internazzjonali f’Londra li ma jkollokx taqsam ma’ xi uffiċjal Taljan. Irrealizzajt li l-Italja kienet ikkapparrat l-Albanija f’dak il-Bank. Pajjiżi kbar oħra kienu kkapparraw pajjiżi oħra biex ikollhom monopolju ta’ opportunitajiet f’dak il-pajjiż li jkun qed jiżviluppa. Bħalma l-kolonjalisti Ewropew kienu qasmu bejniethom l-Afrika snin qabel l-ewwel gwerra dinjija hekk għadhom jagħmlu llum permezz tal-istituzzjonijiet internazzjonali.
Dan mhux mod trasparenti li bih għandhom isiru l-affarijiet. Żgur li mhux eżempju tajjeb biex ikun imitat mill-pajjiżi f’livelli nazzjonali. Anzi. Huwa mod li jitfagħna lura f’dik li kulħadd jitkellem dwarha u li fuqha personalment qed naħdem f’isem il-grupp tiegħi fuq rapport… il-Governanza Ekonomika Internazzjonali.
Dan ċertament li jkun diżappuntanti għal pajjiżi kbar bħalma huma r-Russja, iċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u l-Afrika t’Isfel. Dawn ukoll jistgħu jkollhom kandidatura tajba u allura l-punt huwa jekk hux, jew għandux, jibqa’ fis-seħħ il-ftehim mhux miktub dwar min imexxi l-IMF u l-Bank Dinji, jew inkella jkunx hemm għarbiel ifjen u skrutinju aktar fil-fond dwar il-kapaċità tal-kandidati indipendentement hux ġejjin mill-Ewropa jew l-Amerika.
Lura lejn il-kandidata l-aktar favorita s’issa, Christine Lagarde. Li tkun il-Ministru tal-Ekonomija u l-Finanzi tat-tieni l-akbar pajjiż fl-Ewropa u fiż-Żona Ewro hija minnha nnifisha sinifikanti. Tinsab tokkupa din il-kariga fi żmien l-akbar kriżi li qatt rat iż-Żona Ewro u allura mhux faċli ssejħilha baħri tal-bnazzi. Biżżejjed jingħad li trid tlaħħaq ma’ pajjiż li huwa ferm akbar u b’rasu ferm iebsa fejn tidħol il-munita ewro, il-Ġermanja. Ovvju li Lagarde hija konxja minn din is-sitwazzjoni, tant li bħal donnha tiġbor madwarha bħal qroqqa lill-kumplament tal-pajjiżi l-oħra li huma fiż-Żona Ewro. Persważ li fuq il-kwalifiki, esperjenza u kapaċitajiet personali hija xorta waħda tirbaħ fuq kulħadd.
Mistoqsija li qed titqajjem bħalissa b’konnessjoni ma’ din il-kariga hija: il-fatt li Lagarde ġejja minn pajjiż fiż-Żona Ewro, u allura konxja sewwa tal-problemi li għaddejja minnhom iż-Żona, jista’ jgħinha ssolvihom?
Għall-Ewropa huwa ta’ vantaġġ li jkollok mhux biss ħabib imma xi ħadd li jifhmek aħjar. Strauss Khan huwa wkoll Franċiz u allura fil-kriżi taż-Żona Ewro seta’ jifhem aktar lill-Ewropa. Imma min-naħa l-oħra Strauss Khan ma kienx involut fil-kriżi bħalma hija l-Ministru Lagarde.
Dan jista’ jkun ittimbrat bħala xi forma ta’ kunflitt ta’ interess, fis-sens li min jieħu l-kariga għandu jħares lejn il-problemi sew tal-istituzzjoni internazzjonali bħalma hi l-IMF, kif ukoll ta’ żona importanti bħalma hi ż-Żona tal-Ewro, b’mod distakkat u oġġettiv.
Iridu lil xi ħadd li kien diġà hemmhekk? Jew iridu lil xi ħadd li ma jkunx Ewopew u allura l-problema jifhimha aktar oġġettivament u forsi jkun jista’ jgħin aktar biex jinsabu s-soluzzjonijiet li sal-lum jidhru li qed jinħbewlna?
Fi kliem ieħor, il-fatt li l-kandidat ikun Ewropew jista’ jkun kemm ta’ vantaġġ kif ukoll ta’ żvantaġġ.
Fi ftit ġimgħat oħra nkunu nafu jekk il-“ftehim mhux miktub ta’ 55 sena ilu” bejn l-Ewropa u l-Amerika hux se jibqa’ fis-seħħ jew jekk ikunx ingħata bidu għal riforma bil-fatti lil governanza ekonomika internazzjonali.
Il-proċedura tal-għażla
In-nominazzjonijiet għall-kariga ta’ Direttur Manigerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali fetħu l-ġimgħa l-oħra u jistgħu jibqgħu jiġu sottomessi sal-10 ta’ Ġunju. Jekk meta wara li jagħlaq iż-żmien ikun hemm aktar minn tliet nominazzjoijiet allura jiltaqa’ l-Bord Eżekuttiv, jeżaminahom u jnaqqashom għal tlieta liema eżerċizzju ma jsirx skont preferenzi ġeografiċi. Imbagħad jitħabbru t-tliet kandidati.
Isiru laqgħat magħhom f’Washington u finalment jingħażel is-suċċessur ta’ Dominque Strauss Khan. Huwa maħsub li dan il-proċess ikun intemm sat-30 ta’ Ġunju li ġej.
Il-Bord Eżekuttiv tal-IMF huwa ffurmat minn 24 membru. Apparti Christine Lagarde, li diġà ħabbret il-kandidatura tagħha, qiegħed jissemma ħafna Agustin Carstens, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Messiku.
Hemm ukoll Kemal Dervis, Tork, li serva fuq il-Bord tal-Bank Dinji bejn l-1978 u l-2001 u llum huwa Viċi-President u Direttur tal-Global Economy and Development Programme ta’ Brooking Institutions.
Qed jissemma wkoll Axel Weber, Ġermaniż, li kien meqjus bħala li seta’ jkun is-suċċessur ta’ Jean-Claude Trichet bħala Kap tal-Bank Ċentrali Ewropew, imma rtira mit-tiġrija fi Frar li għadda.
Jista’ jkun kandidat ukoll Trevor Manuel, mill-Afrika t’Isfel, l-eks-Ministru tal-Finanzi tal-Afrika t’Isfel. Ismijiet oħra indikati bħala li jistgħu jikkontestaw għal din il-kariga prestiġjuża huma Arminio Fraga, Brażiljan, li serva bħala President tal-Bank Ċentrali Brażiljan bejn l-1999 u l-2002; Mark Carney, Gvernatur tal-Bank Ċentrali Kanadiż; u Greigory Marchenko, Kazakhstan, li f’Jannar tas-sena 2009 inħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-pajjiż għat-tieni darba.
www.l-orizzont.com – Tnejn, 30ta’ Mejju 201