Minn temporanju għal permanenti


Il-fond ta’ stabilità għaż-Żona Ewro twaqqaf is-sena l-oħra b’mod temporanju u wara ħafna tkarkir tas-saqajn. Sar meta l-kapijiet tal-Ġermanja u Franza rrealizzaw li jekk ma jitwaqqafx il-Greċja ma ssibx tissellef fuq is-swieq internazzjonali u b’hekk tfalli. B’riżultat ta’ hekk jipperikolaw irwieħ­hom il-banek kbar Ewropej fosthom Ġermaniżi, Franċiżi u Ingliżi li bħalissa għandhom id-dejn tal-Greċja mqas­sam bejniethom. Malta ħar­ġet sehemha permezz ta’ mad­war €25 miljun self lil dan il-fond u xi €27 miljun oħra f’garanziji. Slovenia għal­­kemm hi membru taż-żona ma riditx tikkontrib­wixxi qabel ma jinstema’ s-smigħ Kostituzzjonali ta’ paj­jiżhom. Malta jidher li rraġunat li aħjar ma noħolqux prob­lemi u nsellfu biex jekk pajjiżna jkollu bżonn il-fond dan isibu. Il-Gvern Ġermaniż ħassu skomdu li qed jidher jgħin pajjiż li kien taha għall-ħala u għax jidher li t-Trattat Ewropew mhux tal- li ma jaħsibx għal din l-eventwalità iżda jidher li kien jipprojbixxiha. Il-Ġermanja wiegħ­det li dan il-fond temporanju jxolji wara s-sena 2013.

L-esperjenza li għaddiet, u għadha għaddejja minnha ż-Żona Ewro talbet li għandu jkun hemm xi forma ta’ mek­kaniżmu ta’ stabbilità finanzjarja permanenti għaż-Żona Ewro. Il-proċess għadu għaddej peress li l-ħolqien tal-mek­kaniżmu msemmi jitlob, għall-inqas hekk qed tgħid il-Ġermanja, tibdil fit-Trattat Ewropew. Tibdil li proposta dwaru kien hemm qbil dwarha fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi Ewro­pej f’nofs Diċembru li għadda, eżattament fis-16 tax-xahar.

Il-kundizzjoni li taħtha jkun jista’ jiġi attivat dan il-mekkaniżmu, kif magħmula fil-proposta tal-Kunsill Ewro­pew, tgħid hekk: “The Member States whose currency is the euro may establish a stability mechanism to be activated if indispensable to safe­guard the stability of the euro area as a whole. The granting of any required financial assistance under the mechanism will be made sub­ject to strict conditionali­ty.”

Fl-opinjoni tiegħi, kif magħ­mula l-proposta mill-Kunsill Ewropew tista’ tkun tfisser li pajjiżi żgħar bħal Malta, anke jekk fi kriżi finanzjarja kbira li tista’ tfalliha, jistgħu ma jibbenefikawx mill-mekkaniżmu propost. Anke jekk huma stess ikunu qegħdin jikkontribwixxu finanzjarjament għalih.

Huwa ċar daqs il-kristall li dan il-mekkaniżmu jiġi attivat BISS jekk b’dak li jkun għaddej minnu l-pajjiż f’diffi­kultajiet finanzjarji u ekono­miċi tkun qed tiġi perikolata b’mod indispensabbli l-istabbilità fiż-Żona Ewro bħala żona sħiħa.

Jien ma naqbilx ma’ provvediment bħal dan. Jien nemmen li dan il-mekkaniżmu għandu jkun attivat favur kull pajjiż f’diffikultajiet finanzjar­ji u ekonomiċi u f’periklu ta’ falliment kemm jekk se tkun affettwata ż-Żona Ewro sħiħa u kemm jekk le. Dan il-mek­kaniżmu għandu jkun ta’ għajnuna għall-pajjizi kollha bla distinzjoni fi żmien ta’ kriżi ekonomika. Aktar u aktar meta kull pajjiż membru taż-Żona Ewro se jkun qed jikkontribwixxi finanzjarjament għal dan il-mekkaniżmu. Jew aħna familja waħda jew xejn.

Fis-16 ta’ Diċembru li għadda l-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni, inkluż tagħna, fil-Kun­sill Ewropew, qablu fuq din il-proposta. Il-Kunsill Ew­ro­pew qabel ukoll li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, mal-Kummissjoni u mal-Bank Ċentrali Ewropew. Il-Parlament Ewropew għażel li jkun il-Grupp tas-Soċjalisti li jagħ­mel ir-rapport ta’ opinjoni dwar il-proposta tal-Kunsill Ewropew. Min-naħa tiegħu l-Grupp tas-Soċjalisti ddeċieda li għandi nkun jien li nħejji din l-opinjoni.

Il-Kumitat tal-Kostituzzjoni talab li peress li l-proposta tal-Kunsill Ewropew tikkonċerna li jkun hemm tibdil fit-Trattat, fil-Kostituzzjoni, allura r-rapport ta’ opinjoni għandu jitħejja minn żewġ ċo-rapporteurs, bit-tieni wieħed ikun ġej mill-grupp kbir l-ieħor tad-deputati, l-EPP. Inkiseb il-permess tal-President tal-Parlament Ewropew, Jerzi Buzek, biex ikun jista’ jsir dan u l-EPP innominaw lill-kordinatur tagħ­hom, Jean-Paul Gau­zes. Il-Kumitat tal-Kostituzzjoni, l-AFCO, se jagħti l-opinjoni tiegħu dwar il-proċeduri tat-tibdil fit-Trattat u affa­rijiet legali, filwaqt li l-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Affarijiet Monetarji (ECON) li tiegħu jien Viċi-President, se jagħti l-opinjoni mil-lat eko­nomiku.

Kellna nħejju din l-opinjoni sa nofs il-ġimgħa li għaddiet, bil-konsegwenza li kelli nitlef iż-żjara f’Malta tal-President tal-Parlament Ewropew, Jerzi Buzek.

X’kien il-punt tat-tluq? Il-parti tal-proposta tal-Kunsill Ew­ropew fejn il-Mekkaniżmu ta’ Stabbilità Finanzjarja Permanenti jgħin liż-Żona Ewro bħala żona sħiħa huwa tajjeb għal pajjiżna u għal min qiegħed fiż-Żona Ewro.

Iżda meta taqra l-proposta bil-mod issib li dan il-mek­ka­niżmu ma jippermettix ‘bail-out’, self, lil pajjiżi li jkunu fl-inkwiet jekk iż-Żona Ewro sħiħa ma tkunx affettwata ħa­żin. Hekk biss ifisser il-kliem “activated if indispensable to safegard the stability of the euro as a whole.”

Taħt kundizzjoni bħal din pajjiżi żgħar bħal Malta, Lussemburgu, Ċipru u Estonja jkun ferm u ferm diffiċli għalihom biex jibbenefikaw, tkun kbira kemm tkun kbira l-kriżi tagħhom.

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li l-pożizzjoni tiegħi sabet appoġġ qawwi, inkluż tal-akbar grupp ta’ Membri Par­lamentari, l-EPP. B’hekk qed nipproponi li nemendaw il-proposta tal-Kunsill Ewro­­pew fis-sens li ma nitkellmux b’terminu ta’ żona sħiħa BISS imma anke tal-Membri Stati individwali, aktar u aktar żgħar, bħalma hija Malta.

Din hija xi ħaġa li għad irridu naraw kif se tiżvolġi. Nafu li qegħdin nagħmluha mal-Kunsill tal-Ministri, li għandhom is-saħħa f’dan il-każ tat-tibdil fit-Trattat. Nafu li hemm il-Ġermanja li trid li l-kliem tagħha ma jiċċaqlaqx.

Iż-Żona Ewro hija ffurmata minn 17-il pajjiż b’ħafna affarijiet differenti minn xulxin, imma b’regoli komuni għalihom kollha. ’Il quddiem iż-Żona Ewro, f’xi żmien jew ieħor, kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, għajr ir-Renju Unit, ikun mistenni jissieħeb fiha.

Għaliex għandhom pajjiżi bħal Malta jikkontribwixxu finanzjarment għall-Mekka­niżmu ta’ Stabbilità mingħajr ebda garanzija li jistgħu jibbenefikaw minnu?

Sadanittant għandu jkun enfasizzat li l-mekkaniżmu pro­post mhux l-uniku strument li għandu jissalvagwarda ż-Żona Ewro u l-membri stati tagħha. Dan għandu, pjut­tost, jikkumplimenta l-miżuri li qegħdin naħdmu fuqhom fl-ECON bil-għan li jitnaqqsu r-riskji għall-istabbilità finanzjarja. Dawn jinkludu t-tisħiħ tal-fergħa preventiva u korrettiva tal-Patt tat-Tkabbir u Stabbilità; sorveljanza aktar b’saħħitha fuq il-baġits nazzjonali u l-użu ta’ proċeduri ġodda għal żbilanċi macro-ekonomiċi.

Imma l-aktar essenzjali huwa l-ispirtu ta’ solidarjetà li għandu jkun hemm bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, partikolarment dawk taż-Żo­na Ewro, biex flimkien jaraw kif isolvu problemi dwar kompetittività u żbilanċi eko­no­miċi, li huma s-sors ewlie­ni tad-diffikultajiet li qegħdin jikkonfrontaw għadd ta’ pajjiżi.

L-ispirtu ta’ solidarjetà hu l-ġebla tax-xewka. Bħala paj­jiż membru tal-UE u taż-Żona Ewro għandna nkunu koperti bil-possib­biltà li f’każ ta’ bżonn u bħa­la l-aħħar pass, nibbenefikaw mill-mekkaniżmu ta’ stabbi­li­ta.

Jekk le, allura nkunu qegħdin inħallsu għalih għal xejn.

www.orrizont.com – 31 ta’ Jannar, 2011


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *