Ngħixu s-Suċċess


Jekk ma għandu xejn dan il-Gvern żgur li għandu viżjoni ċara u b’saħħitha għal pajjiżna. Il-viżjoni bi pjan li jagħmel lil Malta l-aqwa fl-Ewropa u l-għira tad-dinja. Dan il-kliem kulħadd semgħu minn fomm il-Prim Ministru iktar minn darba. Dan ifisser li l-familji Maltin u Għawdxin tabilħaqq igawdu minn livell ogħla ta’ għajxien. Li jitnaqqas id-dejn nazzjonali hija parti minn dan il-pjan biex it-tfal u t-tfal ta’ tfal tagħna ngħaddulhom il-ġid u mhux id-dejn.

Sabiex nwettqu din il-viżjoni, fassalna pjan u użajna l-Baġits bħala għodda ta’ strateġija ċara u trasparenti, dik li ninċentivaw ix-xogħol u l-bżulija. L-ewwel baġits kienu mirati sabiex ngħollu livell tat-tkabbir tal-ekonomija Maltija. Ma tista’ qatt Malta tilħaq il-livelli Ewropej li jinkludu d-dħul ta’ pajjiżi avvanzati, jekk l-ekonomija tkun qed tikber b’rata relativament baxxa bħal ma kienet ta’ Malta qabel l-2012.  Għalhekk ridna nżidu r-rata ta’ parteċipazzjoni fid-dinja tax-xogħol u naqsu l-qgħad billi noħolqu miżuri li bihom jiġi jaqbillek li toħroġ taħdem. Aħna infatti sejjaħnilhom Making Work Pay Measures. Ridna wkoll nżidu l-opportunitajiet billi nattiraw l-investiment lejn pajjiżna sabiex b’hekk nsaħħu tkabbir fis-setturi ekonomiċi u nimirħu f’setturi ġodda.

Fl-isfond ta’ dan kollu, ridna assolutament nbiddlu l-mentalita’ ta’ kif inħarsu u nimmaniġjaw il-finanzi pubbliċi. Jekk familja tonfoq iktar milli daħħal, tispiċċa jkollha tiddejjen sabiex tiffinanzja l-ispiża. Jekk tagħmel hekk sena wara sena, id-dejn tagħha jiżdied u miegħu l-imgħaxijiet u tispiċċa dejjem tnaqqar iktar mid-dħul tant li ma tantx jifdlilha flus biex tonfoq fuq affarijiet bżjonnjużi. B’konsegwenza li l-livell ta’ għajxien tagħha jibda t-triq ta’ n-nieżla.

L-istess il-Gvern ma setax ikun li jibqa’ jonfoq aktar milli qed idaħħal b’konsegwenza ta’ defiċits eċessivi, djun kbar, u anqas flus biex jinvesti fil-pajjiż. Għalhekk aħna determinati li l-finanzi tal-pajjiż jissaħħu u mhux jiddgħajfu.

B’unur ngħid li llum din il-viżjoni mhux biss saret realtaˋ, iżda qed tiġi aċċettata tant li qed tittieħed for granted. Sena wara sena, qed inkomplu niksbu aktar riżultati pożittivi kemm f’dak li hu tkabbir ekonomiku, żieda fl-impjiegi, tnaqqis fil-qgħad, surplus fil-kont estern permezz ta’ żieda sostanzjali fl-esportazzjoni, żieda fl-investiment mill-Maltin u l-barranin, aktar innovazzjoni, surplus fil-kont pubbliku u tnaqqis fid-dejn nazzjonali, u l-bidu ta’ Fond imdaqqas bi skop ta’ investiment soċjali għal uliedna.

Il-Baġit ta’ 2019 ikompli jibni fuq dawk ta’ qablu. B’hekk f’dan il-baġit daħħalna aktar miżuri immirati lejn min jaħdem u l-familja tiegħu jew tagħha. Familji li jinkludu t-tfal, kif ukoll r-romol u l-pensjonanti.

Biex inkomplu ninċentivaw ix-xogħol erġajna permess ta’ tax refund naqasna t-taxxa fuq ix-xogħol. Barra minn hekk, tajna ġurnata oħra leave lil ħaddiema sabiex nkomplu nindirrizaw deċiżjoni ħażina tal-passat kif ukoll intejbu l-kwalita’ tal-ħajja tagħhom.

Lill-familja qedgħin effettivament ngħollula d-dħul tagħha billi għollejna children’s allowance għal dawk bi dħul baxx, provdejna trasport b’xejn għal-iskejjel għal uliedna u għollejna id-deduzzjoni fit-taxxa għal ġenituri li jibatu tfal fi skejjel privati jew indipendenti. Filwaqt li nifhmu li dawk fil-kera huma minoranza fuq skala nazzjonali, xorta nħossu l-uġiegħ tagħhom u qedin nintroduċu benefiċċju sostanzjali tal-kera. L-iskemi first time u second time buyer se jibqgħu.

Biex naraw li l-pensjonanti sabiex ma jaqawx f’riskju ta’ faqar erġajna għollejna l-pensjonijiet għal 92,000 pensjonant u żgurajna li din iż-żieda ma tkunx intaxxata. Għal dawk bla pensjoni minima għax ma ħallsux bolol biżżejjed komplejna ngħollu bonus li ntroduċejna għalihom. Komplejna nagħtu grant għal dawk l-anzjani ‘il fuq minn 75 sena li jibqgħu jgħixu f’darhom. Barra minn hekk, se nerġu noħorġu 62+ Savings Bonds sabiex nikkumpensaw għar-rata tal-imgħax preżentament baxxa kif ukoll allokajna ammont sostanzjali sabiex inkomplu nindirrizaw l-inġustizzji tal-imgħoddi fejn jirrigwardaw il-pensjonijiet.

Ħsibna wkoll biex intejbu l-għajxien tan-nies li jbatu minn mard serju jew kroniku u persuni dizabbli billi erġajna għollejna l-Benefiċċju Persuni b’ Diżabilità, żiedna l-allowance għat-Tfal b’Diżabilitaˋ u żiedna wkoll l-assistenza medika. Tejjibna wkoll l-eliġibilta’ għall-Allowance Miżjud għall-Carers.

Huwa sew u normali li meta familja tilħaq standards ogħla ta’ għajxien tibda tgħolli l-aspettattivi tagħha u tgħożż iktar minn qabel is-saħħa, l-edukazzjoni, l-indafa u fuq kollox kwalitaˋ ta’ għajxien aħjar.

Għalhekk allokajna ammont sostanzjali għall-investiment fit-toroq, għal miżuri sabiex titnaqqas il-konġestjoni ta’ traffiku bħal m’huma il-Tal-Linja Card b’xejn għal persuni b’eta’ minn 14 sa 20 sena kif ukoll studenti full-time u nies b’diżabbilta’ severa u għotja fuq xiri ta’ roti u roti tal-elettroniċi u muturi.

Nieddejna wkoll miżuri li jipproteġu u jsebħu l-ambjent.

Għal Għawdex għamilna numru ta’ miżuri innovattivi li jolqtu l-bżonnijiet partikolari.

B’dan il-Baġit qed inkomplu nimxu fuq ir-roadmap li twassalna biex Malta tkun fost l-aqwa pajjiżi fejn jidħol it-tkabbir ekonomiku, is-sostennibilta’ fiskali u s-soċjeta ġusta u inkussiva.

 

Il-Ġimgħa 26 ta’ Ottubru 2018


One response to “Ngħixu s-Suċċess”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *