Għax dak li ġara mhu xejn inqas minn rivoluzzjoni għas-soċjetà Maltija. Dan japplika sew għal min xtaq il-bidla u sew għal min ma xtaqhiex. Ir-rivoluzzjoni li seħħet nhar il-Ħadd tar-referendum s’issa għadna ma tajnihiex isem – żgur li hi rebbiegħa għal pajjiżna, fis-sens li se tiftaħ staġun ġdid.
Bħal kull rivoluzzjoni ma tkunx mistennija. Fil-fatt ir-riżultat ma kienx mistenni li jkun daqshekk ċar u tond. Jien stess iddikjarajt dak li ħassejt, li kont se nkun sorpriż ħafna jekk tgħaddi tal-IVA. U kont. Bħali kien hemm ħafna li pubblikament esprimew l-istess sorpriża fosthom artikolisti u ħassieba rispettati bħal Fr Renè Camillieri u Lino Spiteri. Ħadd ma jista’ jgħid li jien u min ħasibha bħali huma maqtugħin mill-ħsibijiet tas-soċjietà ta’ madwarna, jew li ma qrajniex il-gazzetti u s-surveys li ġew ippubblikati.
Ir-rivoluzzjonijiet jiġru bażikament minn żewġ elementi. L-ewwel nett ikollok sitwazzjoni xejn feliċi, speċi surreali, li minħabba strutturi antiki u b’saħħithom, ħadd ma jobsor li qatt tista’ tintemm. Tkun bħal bużżieqa li tkun bdiet tintefaħ iżda li tista’ tibqa’ f’dak l-istat, xhur jew anke ħafna snin li mbagħad, mingħajr ħadd ma jkun jistenna, tinfaqa’ jew tisplodi u taħsad lil bosta osservaturi. Dan ġara b’mod drammatiku fit-Tuneżija, l-Eġittu, l-Libja u pajjiżi oħrajn.
U fuq skala ferm iżgħar u xejn vjolenti – ġara f’Malta wkoll. Rivoluzjoni permezz tal-kaxxa tal-vot.
Huwa għalhekk li hemm ferm aktar mir-riżultat ewlieni miksub fir-referendum, li bħalu kellna oħrajn qablu. Hemm "riżultati" oħrajn li huma konsegwenzjali. Riżultati li minnhom infushom jitolbu konsiderazzjoni profonda minn dawk milqutin minnhom, il-partiti politiċi, il-Knisja Kattolika Maltija, u allura magħhom is-soċjetà Maltija.
Sew il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista u l-Knisja Maltija huma tliet istituzzjonijiet importanti, influwenti u b’saħħithom ħafna fil-pajjiż. It-tlieta għandhom setgħat kbar, u jġibu suġġestjoni fuq ħafna mis-segwaċi tagħhom. Dan il-poter maż-żmien jidher li qed jiddgħajjef xi ftit, iżda qatt s’issa ma saret ‘rea-lity check’. Meta jsir xi ‘mass meeting’ minn xi partit minn dawn li semmejna u jimla l-pjazez, jew fil-każ tal-Knisja ssir xi purċissjoni tradizzjonali bħal dik tad-Duluri, l-istituzzjonijiet imsemmijin jħossu moħħhom mistrieħ meta jħarsu lejn il-folol kbar li jsegwuhom.
Iżda fl-ebda każ m’hemm ‘test case’ fejn is-segwaċi jiġu mħollijin fil-libertà jagħżlu fuq kwistjoni li tista’ tmur kontra x-xewqa ta’ dik l-istituzzjoni jew l-oħra. Mhux biss, iżda jiġu mbuttati sax-xifer u mġegħlin jagħżlu.
M’hemm ebda dubju li dan ir-referendum serva biex inħolqot pressjoni kbira fuq iċ-ċittadin. Ġie mwassal sax-xifer. Ġie mġiegħel jagħżel. Anke min beża’ jieħu d-deċiżjoni wkoll kellu juri ruħu quddiem il-partiti li bħas-soltu jieħdu nota ta’ min ġabar il-vot u ta’ min ħareġ jivvota. Huwa għalhekk li l-elettorat twaddab f’morsa li l-pressjoni minnha kienet ġejja minn direzzjonijiet differenti, partiti politiċi, Knisja u l-kuxjenza tiegħu.
Fil-prinċipju kulħadd tħalla liberu biex jivvota skont il-kuxjenza. Però l-partit tal-Gvern iddikjara li bħala partit huwa kontra. Il-Partit tal-Oppożizzjoni kellu d-dikjarazzjoni personali tal-Mexxej tiegħu li hu favur; u fil-każ tal-Knisja kellek taħlita ta’ kruċjati li jvarjaw minn dawk li talbu biss għal kuxjenza informata għal oħrajn li heddew b’ħafna sanzjonijiet kbar u koroh għal min imur kontra x-xewqa tal-Knisja.
U l-poplu ddeċieda. Dak li hu rivoluzzjonarju fir-riżultat hu li fl-istorja ta’ pajjiżna qatt daqs qabel numru konsiderevoli u sinjifikanti mis-segwaċi ta’ dawn it-tliet istituzzjoni-jiet rispettivament ma marru kontra x-xewqa tagħhom jew il-pariri tal-mexxejja tagħhom. Ir-riżultat tar-referendum heżżeż il-pedamenti bħalma jagħmel terremot. Mhux fis-sens li qegħdin jaħsbu dawk li ġenwinament huma kontra d-divorzju li jsostnu li l-familji issa se jitfarrku iżjed. Iżda fis-sens li l-Knisja Maltija rat li minn elettorat ta’ 323,281, kienu biss 107,971 votant, (terz) li ħarġu biex isostnu l-pożizzjoni tal-LE li kienet qiegħda tgħallem u tħeġġeġ. Għall-Partit Nazzjonalista l-istess ċifra tal-LE trid interpretazzjoni separata. Wieħed irid jagħmel stima ta’ kemm mill-votant tradizzjonalment Nazzjonalist ivvota kontra x-xewqa tal-partit. Hemm min jgħid li din twassal sa 30% tal-vot IVA. Jekk din iċ-ċifra hija tenibbli xi 36,000 votant Nazzjonalist ivvota kontra x-xewqa tal-Partit Nazzjonalista. Iċ-ċifra għall-Partit Laburista li vvotaw LE hija maħsuba li kienet inqas, mhux aktar minn xi 20,000, u dan għal ħafna raġunijiet, inkluża ċ-ċifra ambigwa ta’ dawk li ma ħarġux jivvotaw f’distretti tradizzjonalment Laburisti.
Dwar in-numru ta’ astensjonijiet wieħed ukoll għandu xi jgħid. Disgħin elf persuna huma ftit inqas minn terz tal-elettorat. Ħafna minnhom waqgħu f’apatija u m’għadhomx jiddejqu li juru li m’għandhomx il-ħeġġa li jivvotaw għal naħa jew l-oħra. Li kien hemm 22,015 astenzjonijiet iżjed mill-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew jfisser li għal raġunijiet ta’ biża’ jew konfużjoni dawn il-persuni ma waslux biex jesprimu fehemthom.
Jibqa’ l-fatt li kien hemm min mar kontra x-xewqa tat-tliet istituzzjonijiet stabbiliti u li normalment ikun fidil lejhom.
Iż-żminijiet jinbidlu, il-valuri jinbidlu, x’inhu permess u ttollerat fil-passat isir insapportabli. It-tip ta’ strumenti ta’ "kontroll" jekk ma jiġux reveduti u rifurmati ma jibqgħux jaħdmu. Il-poplu Malti qed juri li ma jridx iżjed jirraġuna b’moħħ ħaddieħor. Irid jiġġudika skont l-argumenti li jkun qed jisma’ u jqabbel ma’ sħabu jew tal-familja. It-teknoloġija qiegħda tgħin ferm f’dan ir-rigward. Min jgħawweg il-verità f’wiċċ il-poplu ma jitwemminx, tkun kemm tkun kbira l-lealtà li tkun ingħatat fil-passat lejn dik l-istituzzjoni. Irid jisma’ l-mexxejja u l-kelliema ewlenin li jkunu baħrin mhux biss fil-bnazzi. Iridhom jibbrillaw anke meta jkunu taħt stress. Il-poplu ġġudika bejn min ibrilla u min żelaq fin-niexef. Il-midja in ġenerali, għalkemm għad baqgħalha ftit biex tilħaq il-livelli mixtieqa, uriet ċerta indipendenza tal-ħsieb u opinjoni li ma konniex rajna bħala qabel.
L-għada tar-referendum il-poplu qam b’aspirazzjonijiet ġodda. Jekk xi ħaġa impossibbli saret possibli, ħafna affarijiet oħrajn huma possibbli wkoll. L-unika ostaklu hi l-mentalità u r-rieda li twassal leħnek u tuża l-vot b’mod għaqli. Huwa għalhekk li bil-mod li bih esprima ruħu l-poplu f’jum ir-referendum, qed joffri sfida, sfida qawwija, mhux biss lill-partiti politiċi u lill-Knisja Maltija imma lis-soċjetà inġenerali.
Sfida li nemmen li se tintlaqa’… minn kulħadd.
www.l-orizzont.com – Tnejn, 6ta’ Gunju 201