Sanzjonijiet?


Il-kriżi tal-finanzi pubbliċi, jiġifieri ta’ djun kbar li laqtet lil diversi pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea taż-Żona Ewro wasslet biex l-Unjoni Ewropea tħoss aktar il-bżonn ta’ sorveljanza ferm aktar mill-qrib tal-baġits u anke tal-istatistika tal-pajjiżi membri, l-aktar taż-Żona Ewro.

Meta wieħed iħares lura isib li din il-kriżi nholqot meta s-swieq globali tal-finanzi u magħhom ir-Rating Agencies tilfu l-fiduċja li l-Greċja u magħha xi pajjiżi oħrajn fiż-Żona jistgħu xi darba jħallsu lura d-djun kbar li nġemgħu. Tant li huma bdew jitolbu rati ta’ interessi fuq il-Bonds sovrana tagħhom ferm ogħla minn dawk tal-Ġermanja.

Sadanittant fid-derivati wieħed beda jinnota li l-premium fuq l-assigurazzjoni ta’ falliment ta’ dawn il-Bonds beda jogħla mhux ħażin. Billi l-Greċja riedet tissellef flus kbar biex trod lura l-Bonds li kienu waslu biex jimmaturaw, il-problema ta’ falliment saret reali. U li kieku mhux għal dawk is-€750 biljun li ħarġu l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u l-membri taż-Żona Ewro kieku l-Greċja falliet. Magħha kienu jfallu wkoll pajjiżi Mediterranji fiż-Żona Ewro li huma dgħajfin u mdejnin, u l-ewro kienet tisfaxxa.

L-istorja kibret u wasslet biex tissossa l-ewro fil-punt meta ġie rapportat li l-Greċja kienet ħbiet l-istampa vera tad-djun tagħha permezz ta’ statistika falza. Statistika li qatt ma kienet awditjata mill-Kummissjoni Ewropea (KE) jew mill-Eurostat għas-sempliċi raġuni li l-pajjiżi taż-Żona Ewro qatt ma taw il-mandat lill-KE biex tawditja ċ-ċifri mogħtijin lilha mill-pajjiżi membri taż-Żona Ewro.

Fir-risposta li tani l-Kummissarju Oli Rehn għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kien qalli li kien hemm pajjiżi oħrajn li ħbew parti mid-djun tagħhom permezz tal-użu ta’ derivati. Mal-Greċja kien hemm l-Italja, il-Polonja u iva, anke… il-Ġermanja.

F’mistoqsija oħra li għamiltlu, din id-darba meta kien qed ikun intervistat mill-Parlament Ewropew biex jingħata l-kariga ta’ Kummissarju tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kummissarju attwali Oli Rehn, kien saħaq ħafna li fil-passat ma kienx hemm sorveljanza biżżejjed kemm fuq baġits kif ukoll fuq statistika. U allura wieħed kien jistenna li l-Kummissjoni Ewropea tinsisti li għandu jkun hemm sorveljanza b’aktar reqqa u aktar mill-qrib, partikolarment fejn jidħlu statistika u baġit.

Dan ifisser li jista’ jkun interpretat bħala “ndħil mill-Unjoni Ewropea” li jista’ jwassal għal bidliet drastiċi dwar kif il-Gvernijiet tal-pajjiżi membri jħaddmu l-politika tagħhom? Hija mistoqsija li tismagħha mingħand ħafna.

L-Unjoni Ewropea ma tindaħalx fuq xiex il-Gvernijiet jonfqu flushom. Ma tindaħalx liema qasam għandu jingħata prijorità. Ma tindaħalx, per eżempju, fuq kemm f’pajjiżna għandhom ikunu vvutati flus għall-edukazzjoni jew għall-qasam tas-saħħa. Dik hija xi ħaġa li jiddeċidiha l-Gvern tal-pajjiż.

Imma naħseb li jekk Gvern partikolari jagħżel li fil-baġit jesprimi ottimiżmu żejjed, bi previżjoni ta’ defiċits baxxi riżultat ta’ dħul ferm ogħla milli l-istess Unjoni Ewropea taħseb li jistgħu jinkisbu, allura l-Unjoni Ewropea tirreaġixxi. Lil tali Gvern tirrimarkalu biex ikun aktar realistiku f’dawk li huma miri li hu stess ikun fassal. U f’dan is-sens il-baġit jista’ jiġi rivedut.

Sadanittant wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh li l-Unjoni Ewropea kulma għandha bħala salvagwardja huwa patt, dak li jissejjaħ Patt għat-Tkabbir u Stabilità. Patt li tilef il-kredibilità f’dak li hu rbit miegħu minn mindu l-Ġermanja u Franza kisru dan il-patt u ddeċidew li kien qisu qatt ma ġara xejn.

Issa din id-darba l-istess pajjiżi rrealizzaw li kienu żbaljaw li rħew id-dixxiplina u issa jridu lil kulħadd jieħdu b’serjetà kbira, tant li jekk le qegħdin jipproponu li jsofru konsegwenzi serji.

Qegħdin jipprovaw idaħħlu pieni ħorox għal min jaqbeż il-limiti tad-defiċits u d-djun minn kif stabbiliti mill-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tressaq proposti fuq sitt legiżlazzjonijiet li kollha jduru fuq l-istess suġġett. Qegħdin jissuġġerixxu li jkun hemm sanzjonijiet awtomatiċi.

Din hija d-diskussjoni li għaddejja bħalissa. Diskussjoni taħraq. Il-grupp tiegħi filfatt appuntani ‘Shadow Rapporteur’ fuq tnejn minn dawn is-sitt rapporti. Nista’ ngħidilkom li dawn il-proposti mhux se jkunu aċċettati kif ġieb u laħaq. Hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq sanzjonijiet u pieni finanzjarji kbar.

Qegħdin jissuġġerixxu li l-metodu ta’ kif jiddaħħlu dawn is-sanzjonijiet jinħadem billi jistabbilixxu formula, ikun kunsidrat kemm hu għoli d-dejn tal-pajjiż partikolari, jiddividu d-dejn skont din il-formula u joħorġu l-perċentwal li bih għandu jitwaqqa’ d-dejn kull sena. Jekk il-pajjiż konċernat ma jasalx, allura jibdew japplikaw pieni kbar ta’ flus.

Imma mhux biss! Qed ikun suġġerit li mhux biss ikunu penalizzati dawk il-pajjiżi li ma jwettqux dak stabbilit bil-formula imsemmija, li ma jnaqqsux id-dejn tagħhom bir-rata ffissata lilhom, imma jkunu ppremjati dawk il-pajjiżi li jkunu mxew kif kellhom jimxu.

Il-premju għal dawn il-pajjiżi jkunu l-pieni finanzjarji li jkunu weħlu l-pajjiżi li ma waslux. Fi ftit kliem, pajjiżi bħall-Ġermanja, l-Awstrija u pajjiżi oħrajn, li huma aktar dixxiplinati, jingħataw il-flus li jkunu ħallsu l-Italja, il-Greċja, il-Portugall, Spanja jew possibilment anke Malta.

Huwa ovvju li se jkun hemm oġġezzjonijiet kbar minn diversi pajjiżi. Pajjiżi li kienu “fil-ħażin” u li qegħdin jagħmlu minn kollox biex jerġgħu lura “fit-triq it-tajba” m’għandhomx jitniżżlu aktar ’l isfel. Jippretendu li jingħataw, u jitħallew, jieħdu n-nifs.

Hemm pajjiżi, bħall-Germanja, l-Awstrija u pajjiżi Nordiċi, li jaqblu li jkun hemm sanzjonijiet. Hemm pajjiżi, bħall-Iżvezja, li mhumiex fiż-Żona Ewro, li jaqblu wkoll.

Għalhekk mistenni li jkun hemm kontroversji kbar tul id-diskussjonijiet. Il-verità hi li hemm bżonn ta’ aktar diskussjoni fejn l-esperti jgħidu tagħhom. Hemm il-bżonn li jinstemgħu x’għandhom jgħidu n-nies mill-pajjiżi kollha.

Din hija xi ħaġa serjissima. Li titlob kawtela. Li titlob diskussjoni fit-tul u fil-kalma. Jista’ jkun hemm ċirkostanzi li fihom sanzjonijiet jagħmlu ħsara aktar milli ġid.

Huwa għal diskussjoni f’din id-direzzjoni li se nkun qed nagħti l-kontribut tiegħi.


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *