Fit-8 ta’ Marzu, kien iċċelebrat Jum il-Mara. Dakinhar ħabat ukoll il-mitt anniversarju minn meta beda jiġi ċelebrat dan il-jum. Għaddew mitt sena u għadna għaddejjin bil-ġlieda biex il-mara tiffaċċja opportunitajiet ugwali daqs ir-raġel. Naħseb il-fatt biss li ġlieda bħal din ilha għaddejja mitt sena u għadha għaddejja, huwa sinjifikan- ti.
Għandna ħafna pajjiżi, fejn almenu fid-deher, jidher li din id-diskriminazzjoni ma tidhirx. Madankollu xorta waħda l-mara qiegħda tibqa’ żvantaġġjata fil-konfront tar-raġel. Xorta, b’xi mod, issib xi forma ta’ ostaklu, f’xi stadju partikolari, li jfixkilha milli tkompli tavvanza f’ħajjitha. Għalhekk bil-lingwa Ingiża nirreferu għal dan il-fenomenu bħala ‘glass ceiling’, saqaf tal-ħġieġ li mara li titla’ ’l fuq issibu ma’ wiċċha, għalkemm diffiċli li ħafna jarawh u jammettu li jeżisti, għax huwa trasparenti.
Ma nilludux ruħna. Dan insibuh anke f’Malta. Anke jekk kellna President tar-Repubblika mara. Anke jekk kellna u għandna, ministri u membri Parlamentari nisa. Anke jekk għandna membri tal-ġudikatura nisa. Avvanzi, mela le, imma huwa avvanz adekwat? Huwa avvanz biżżejjed?
Meta nhar it-Tlieta li għadda, il-Parlament Ewropew imlaqqa’ fi Strasbourg fakkar Jum il-Mara, il-President tal-Parlament Ewropew, Buzek, ilmenta li fil-Parlament Ewropew hemm ftit membri nisa. Hemm 35% tal-membri kollha, persentaġġ li mhux meqjus bħala biżżejjed, anke jekk tali persentaġġ huwa ogħla minn dak tal-Parlament Nazzjonali. Buzek appella lill-pajjiżi membri, allura lilna wkoll, biex jaraw biex isiru deċiżjonijiet relevanti u miżuri legali biex ikabbru l-parteċipazzjoni femminili fil-Parlament Ewropew.
Irrid nirrimarka hawnhekk li mis-27 pajjiż rappreżentat fil-Parlament Ewropew, Malta hija l-uniku pajjiż li m’għandux Membru Parlamentari mara. Mistoqsija komuni li ssirli minn kull min nitkellem miegħu hi preċiżament dwar dan l-istat ta’ fatt: kif m’għandkomx MEP mara?
Kull meta ssirli dn il-mistoqsija nirrimarka li anke għal dik li hija parteċipazzjoni ġenerali tal-mara fid-dinja tax-xogħol, Malta tinsab isfel nett fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Waħedha l-mistoqsija: Għaliex?
Iżjed u iżjed issir importanti din il-mistoqsija meta naraw li fil-kamp edukattiv ma tantx naraw, la fid-deher u lanqas mhux fid-deher, xi forma ta’ inugwaljanza fost is-sessi. Anzi. Jekk tħares lejn iċ-ċifra studenteska fl-Università ssib li l-maġġoranza tal-istudenti huma nisa.
Ifisser allura li “t-tfixkil” għall-mara lejn id-dinja tax-xogħol jibda minn wara hawn. Sadanittant għandu jingħad li fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, anke fejn hemm parteċipazzjoni femminili fid-dinja tax-xogħol, bħalma huma l-Ingilterra, l-Iżvezja u l-pajjiżi Nordiċi, ogħla minn dik tal-pajjiżi tan-naħa t’isfel, xorta għandhom problema fejn jirrigwarda postijiet fejn jittieħdu deċiżjonijiet, bħalma huma bordijiet ta’ kumpaniji kemm privati kif ukoll statali.
Iżda l-każ ta’ pajjiżna f’dan ir-rigward huwa estrem għax qegħdin fl-aħħar nett tal-lista tal-pajjiżi. Il-każ ta’ pajjiżna m’għandux biss il-postijiet fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet. Il-każ ta’ pajjiżna għandu x’jaqsam madwar l-ispektrum kollu.
Nemmen li fost ir-raġunijiet għal tali sitwazzjoni f’pajjiżna jista’ jkun hemm in-nuqqas ta’ inċentiv biżżejjed biex jattira lura fid-dinja tax-xogħol lill-mara li tkun għadha qiegħda trabbi familja. Nuqqas ta’ faċiltajiet, bħal ‘nurseries’ għat-tfal fuq il-postijiet tax-xogħol. Nuqqas ta’ ‘leave’ biżżejjed għal mara li twelled, il-‘leave’ tal-maternità. Dan jirriżulta ċar minn studju li għamilt riċentement. Hemm il-varjazzjoni fl-apprezzament tax-xogħol bejn mara u raġel, anke jekk ikunu jagħmlu l-is-tess xogħol. Hemm ħafna affarijiet x’naraw u x’nirranġaw li jistgħu jwasslu għal titjib f’din is-sitwazzjoni.
F’Malta għandna nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-mara f’kull livell, sew fl-iskali t’isfel kif ukoll fl-iskali ta’ fuq. F’kull istituzzjoni. Inkluż fil-Parlament Malti u aktar u aktar f’dak Ewropew.
Dan iġibni għall-appell li għamel il-President tal-Parlament Ewropew, Buzek, nhar it-Tlieta li għadda, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, b’mod partikolari fejn jikkonċerna r-rappreżentanza fil-Parlament Ewropew.
Pajjiżi oħrajn, bil-għan li jkabbru l-parteċipazzzjoni femminili fid-diversi livelli, iħaddmu sistemi ta’ kwoti u b’hekk jassiguraw parteċipazzjoni femminili, anke jekk għall-mument ma nidħlux fil-punt ta’ kemm ikun il-kwantum. Dan rajtu jsir f’ħafna pajjiżi Ewropej u anke Afrikani. Fl-Uganda, fl-elezzjonijiet ta’ Frar li għadda, kien hemm żewġ kaxxi għall-elezzjonijiet Parlamentari.
Waħda mħallta, għal kandidati irġiel u nisa, u l-oħra għall-kandidati nisa biss li kienu qegħdin jikkontestaw għal postijiet riservati għalihom, permezz ta’ kwota.
Ma jfissirx li ma jistgħux jinġiebu, jew li m’hemmx raġunijiet, li jimmilitaw kontra l-introduzzjoni tal-kwoti. Nista’ nassigura lil kulħadd li hemm nisa stess li ma jaqblux li jkun hemm kwoti għax jemmnu, u dan huwa l-ideali, li l-ġudizzju għandu jkun ibbażat fuq il-kapaċità tal-individwu, irrelevanti jekk hux raġel jew mara.
Hemm l-argument min-naħa tan-nisa li l-kwota jarawha bħala xi ħaġa paternalistika, ġejja mill-irġiel, “għax intom in-nisa hemm bżonn nieħdu ħsiebkom u għalhekk se nagħmlulkom il-kwota”, u allura jkunu kontriha. Argument bħal dan, tajjeb kemm hu tajjeb, xorta trid tħares lejn minn fejn ikun ġej. X’aktarx li jkun ġej minn dawk in-nisa li rnexxew fil-ħajja, mingħajr ma jitqies x’kienu jew x’setgħu kienu, iċ-ċirkostanzi li għenuhom jirnexxu.
Il-mistoqsija għandna però nistaqsuha lil dawk in-nisa li jħossuhom kapaċi, iżda huma ostakolati minħabba l-preġudizzju kontra l-mara li jeżisti sew fost l-irġiel kif ukoll in-nisa.
F’sitwazzjoni bħalma hija tagħna ma nara xejn ħażin li tkun introdotta kwota għal perjodu speċifiku, bil-għan li matulu tkun inbidlet il-mentalità attwali, li taċċetta li l-mara ma tkunx tidher daqs raġel f’ċerti postijiet tax-xogħol. Meta mbagħad jinħass li din il-bidla fil-mentalità daħlet, allura titneħħa l-kwota u s-soċjetà titħalla tiddeċiedi hi komplessivament.
L-ugwaljanza bejn is-sessi tħalli frott kbir fid-dinja tax-xogħol, mhux biss għax tikber l-ekonomija u jitnaqqas il-faqar ta’ ħafna nisa, iżda għax ħafna mid-deċiżjonijiet biex insolvu l-problemi li qegħdin niffaċċjaw hemm bżonn li jittieħdu bil-parteċipazzjoni tal-mara. Huwa għalhekk fl-interess tagħna li naraw li l-parteċipazzjoni tal-mara f’kull qasam tal-ekonomija u l-politika ssir bil-fatti.
www.orrizont.com – 14 ta’ Marzu, 2011