L-impatt li għandha l-Unjoni Ewropea (UE) fuq ix-xena internazzjonali, fuq il-palk dinji, huwa kompatibbli mal-kobor, mal-importanza tagħha? Sfortunatament nibża’ li le. Dan ma jirriżultax minħabba xi nuqqas ta’ qbil bejn il-gruppi Ewropej fil-Parlament jew bejn il-Prim Ministri jew Ministri fil-Kunsill. Filfatt aktar għandna qbil milli differenzi, qbil fuq ħafna kwistjonijiet importanti fil-kamp ekonomiku, dak tal-ambjent, il-politika internazzjonali u oħrajn. Żgur li l-Unjoni Ewropea għandha ħafna x’tikkontribwixxi fil-kamp internazzjonali.
“Unità fid-diversità” huwa wieħed mill-mottos li ta’ spiss insibuh jintuża mill-UE. Hija ħasra li meta niġu biex nitkellmu ’l barra mill-parametri ta’ UE, il-pajjiżi membri għandhom it-tendenza li flok jitkellmu b’vuċi waħda, jużaw vuċijiet differenti.
Waqt li ngħid dan kollu rridu nżommu quddiem għajnejna li minkejja li l-UE hija entità waħda, il-pajjiżi li jifformawha huma kollha sovrani u l-mexxejja tagħhom, speċjalment il-pajjiżi l-kbar, huma stmati bħala ‘world leaders’ u għalhekk jipprovaw iħallu l-impatt tagħhom fuq ix-xena internazzjonali. Pajjiżi bħall-Ingilterra, il-Ġermanja u Franza huma forza diplomatika u ekonomika qawwija. Minkejja dan l-UE xorta teħtieġ li tikkordina aħjar il-mod li bih tersaq, f’sens ta’ x’impatt tħalli, fuq ix-xena internazzjonali.
Waħda mill-problemi hi li l-istituzzjonijiet Ewropej huma mimlijin Presidenti. F’livell ta’ UE għandek lill-President tal-Kummissjoni; President tal-Kunsill; il-President tal-Parlament Ewropew; President tal-Bank Ċentrali Ewropew; il-President tal-Eurogroup; biex ma nibqax għaddej b’litanija ta’ presidenti ta’ kumitati leġiżlattivi u gruppi politiċi.
Fil-fatt tali sitwazzjoni, daqstant Presidenti, kienet wasslet li wieħed jistaqsi: Meta l-President Amerikan ikollu bżonn jitkellem mal-UE lil min iċempel?
Huwa minnu li issa flok ma l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE hi waħda ta’ rotazzjoni, għandna President permanenti, bħalma l-kariga ta’ ‘high representative’ għall-oqsma tal-politika barranija u tas-sigurtà tal-UE hi ekwivalenti għall-kariga ta’ Segretarju tal-Istat Amerikan. L-istess, it-twaqqif ta’ dak li jissejjaħ European External Action Service għandu jservi biex ikun hemm Ambaxxata tal-UE fl-ibliet madwar id-dinja u m’hemmx iktar il-bżonn li kull pajjiż tal-UE ikollu l-Ambaxxata tiegħu fl-ibliet ewlenin madwar id-dinja.
Madankollu, minkejja kull titjib istituzzjonali, bħal donnu hemm qbil li ebda waħda miż-żewġ karigi ewlenin li semmejt aktar ’il fuq ma tkun okkupata minn ismijiet li jkunu għamlu impatt, bħal per eżempju Tony Blair, Gerhard Schroder u Joshka Fischer. Tidher ovvja l-intenzjoni tal-pajjiżi l-kbar tal-UE li ma jridux li karigi bħal dawn ikunu okkupati minn xi ‘prima donna’ u allura jippreferu persuna li tkun kuntenta bi profil mhux daqstant għoli.
Il-verità hi li l-UE tbati minn attitudni fragmentata meta tkun fuq il-palk dinji. Eżempji hemm kemm trid. Fil-laqgħat tal-World Trade Organization (WTO) l-UE tkun rappreżentata mill-Kummissarju għall-Kummerċ; fuq politika monetarja r-rappreżentanza tkun ifformata mill-Kummissjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew u mill-Eurogroup; fuq il-Bank Monetarju Internazzjonali (IMF) l-UE għandha seba’ siġġijiet minn 24; fil-qasam globali tal-politika ambjentali kull pajjiż membru tal-UE, 27, jitkellem għalih innifsu u ma tkun ebda sorpriża li r-riżultat ikun taħlita ta’ opinjonijiet differenti.
Dan iwassal biex l-impatt Ewropew fuq ix-xena internazzjonali jinħass inqas meta paragunat mal-Amerika u ċ-Ċina, minkejja li l-Ewropa hi fost l-aktar kontinenti sinjuri.
Esperjenzajt din is-sitwazzjoni waqt missjonijiet li fformajt parti minnhom f’ħidmiet f’pajjiżi Afrikani, fosthom Sudan, Tanzania u l-aktar riċenti fl-Uganda fejn kont l-Osservatur Ewlieni tal-UE f’missjoni ta’ 120 ruħ għall-elezzjonijiet Presidenzjali u Parlamentari li saru fi Frar li għadda. Esperjenzajt kif l-Ambaxxaturi tal-UE, iċ-Ċina u l-Istati Uniti kontinwament jipprovaw ikunu l-aktar influwenti biex jattiraw l-aktar attenzjoni u importanza. Ma’ dan irid jiżdied il-fatt li ħafna mill-pajjiżi membri tal-UE għandhom l-Ambaxxati rispettivi tagħhom, l-aktar dawk l-pajjiżi eks-kolonjaturi tal-kontinent Afrikan. Bir-riżultat ikun ħafna konfużjoni u nuqqas ta’ qbil bejn l-Ambaxxatur tal-UE u dawk tal-pajjiżi membri.
Tul is-sessjoni plenarja ta’ dan ix-xahar fi Strasbourg, il-Parlament Ewropew approva Rapport tal-kollega mill-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, l-MEP Soċjalista Spanjola Maria Muniz de Urquiza, li bih saret talba biex l-UE tkun tifforma parti mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. Dan wara deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda li ssaħħaħ l-istatus tal-UE bil-President Von Rompuy u l-Kap tal-Affarijiet Barranin tal-UE, il-Barunessa Catherine Ashton, bid-dritt li jindirizzaw u jippromovu pożizzjoniet tal-UE lill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda. Meqjus il-fatt li l-UE kellha trattati ta’ provvedimenti għal politika komuni ta’ sigurtà barranija u difiża sa mill-1993 hu loġiku li l-UE għandu jkollha postha fuq il-Kunsill tas-Sigurtà.
Ir-Rapport ta’ De Urquiza dwar il-politika barranija jorbot mar-Rapport fuq il-Governanza Ekonomika Globali li tiegħu jien Shadow Rapporteur f’isem il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Kumitat Ekonomiku. Anke hawn, kemm jien kif ukoll ir-Rapporteur, l-MEP Żvediż Gunnar Hokmark qegħin ninsistu li l-UE jkollha sehem akbar fejn jikkonċerna kwistjonijiet ekonomiċi globali.
Fil-preżent għandna ruxxmata ta’ organizzazzjonijiet differenti bħalma huma d-WTO; il-Bank Dinji; l-IMF; il-G7 u l-G20 fejn huma involuti Stati Membri tal-UE filwaqt li l-UE tingħata piż ferm inqas milli tiflaħ. Ħafna mill-pajjiżi tal-UE la jifformaw parti mill-G7 u lanqas mill-G20 u ċertament li jkun fl-interess tagħhom li jkollhom lill-UE tirrapprezentahom u tiddefendi d-drittijiet tagħhom.
Lura għall-mistoqsija: “Meta l-President Amerikan ikollu bzonn jitkellem mal-UE lil min iċempel?”. Tweġiba għaliha tista’ tibqa’ waħda komplikata għal ħafna snin. Sadanittant qiegħed ikun realizzat dejjem aktar kemm waqt li t-titlu ta’ President jista’ jfisser ħafna għad-dehra, għall-istatura, tal-individwu, ħafna Presidenti u ħafna vuċijiet differenti jdgħajfu s-saħħa internazzjonali tal-UE.
Fuq il-palk dinji l-UE jixirqilha ferm aħjar.
www.l-orizzont.com – Tnejn, 23ta’ Mejju 201