Solidarjetà?


Il-laqgħa li saret bħal-lum ġimgħa fil-Lussemburgu bejn il-Ministri tal-Intern tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea serviet żgur biex uriet kemm hu diffiċli t-twettiq fil-konkret tal-prinċip­ju tas-solidarjetà meta dan ikun mitlub li jsir hekk minn pajjiż membru żgħir jew minoranza żgħira tal-pajjiżi mem­bri tal-Unjoni Ewropea, speċjalment meta ma jkollhiex xi parrinu kbir jaqbeż għaliha. Dan il-fatt jidher bħa­la kontradizzjoni tal-prinċipju nnifsu li normalment nassoċ­jawh ma’ grupp jew familja li tgħin lil xulxin indipendentement mid-daqs u l-importanza ta’ min jiġi fil-bżonn. L-uni­ka kriterju li fuqu jorbot il-prin­ċipju suppost hu l-bżonn. U xejn iżjed.

Fl-Unjoni Ewropea dan il-fatt mhuwiex eżattament hekk. Għall-Unjoni Ewropea u t-Trattati tagħha li għandhom l-għan li jgħaqqdu 27 paj­jiż Ewropew f’familja waħda, iżda xorta għandhom jib­qgħu jirrispettaw b’mod legali s-sovranità ta’ kull membru, il-prinċipju ta’ solidarjetà hu kemmxejn aktar kompless. Dan avolja s-solidarjetà hu wie­ħed mill-pilastri ewlenin li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea.

Il-laqgħa tat-Tnejn li għadda seħħet b’riżultat tal-iżvilup­pi li kien hemm kawża tal-gwer­ra li għaddejja fil-Libja. Ftit qabilha kien hemm ir-ri­vo­luzzjoni Tuneżina. Iż-żewġ avvenimenti żviluppaw b’mod differenti, għalkemm sa ċertu punt kellhom ħaġa ko­muni – eluf kbar ta’ persuni jaħarbu mill-pajjiż u jitolbu kenn f’pajjiż ieħor. F’daqqa waħda sploda t-traġitt ta’ immigranti irregolari fil-Mediterran lejn l-Ewropa.

Skont l-aħħar statistika pprov­duta mill-aġenzija tar-re­fuġjati tal-Ġnus Magħquda, UNHCR, l-ammont ta’ persuni li ħarbu mil-Libja minn min­du beda l-ġlied fi Frar li għadda kien ta’ madwar 431,000 li 215,000 marru t-Tu­neżija; 172,000 marru l-Eġittu u 23,000 marru n-Niġerja. Sa ftit jiem ilu kien għad hemm madwar 8,000 fuq il-fruntiera mat-Tuneżija u madwar 4,000 fuq il-fruntiera mal-Eġittu.

S’issa eluf kbar oħrajn spiċ­ċaw f’Lampedusa, gżira Taljana l-eqreb lejn it-Tuneżija. Dawn il-bicca kbira tagħhom huma emigranti illegali minn Tuneż li qegħdin ifittxu resi­denza u xogħol f’xi pajjiż tal-Unjoni għal raġunijiet ekono­miċi. Aktar minn elf immig­rant irregolari spiċċaw Malta. Dawk li spiċċaw fuq xtutna jid­her li telqu mil-Libja, pajjiż li hu fi gwerra u fl-istess ħin jospita eluf kbar ta’ emigranti oħrajn li waslu minn pajjiżi oħrajn mil-parti sub-sahara tal-Af­rika li f’pajjiżhom ukoll hemm il-gwerer u ġlied vjolen­ti.

Jekk dawn jirriżulta li huma verament refuġjati, il-Konven­zjoni ta’ Ġinevra tagħtihom ċerti drittijiet u għalhekk ma nistgħux insejħulhom immig­ranti illegali, iżda biss irregolari.

It-traġedji ta’ tant persuni, inklużi nisa u tfal li qegħdin jintilfu waqt it-traġitt qed jikkumplika dan il-proċess traġiku.

Għall-kuntrarju ta’ xi każi ta’ emigranti illegali li setgħu ġew fl-imgħoddi għal skopi­jiet ekonomiċi u li allura setgħu jintbagħtu lura, dawn ir-refuġjati ma jistgħux jintbagħ­tu lura f’pajjiżhom mingħajr ma mmorru kontra din il-Kon­venzjoni tal-Ġnus Magħquda u d-drittijiet umani nnifis­hom. Skont il-ftehim ta’ Dublin II lanqas ma nistgħu noħ­duhom pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea, peress li aħna l-ewwel art, l-ewwel pajjiż membru stat li waslu fih.

Kienu dawn il-wasliet ta’ im­migranti fl-isfond ta’ gwerra wara biebna li l-eżodu tagħ­ha hu inċert li xegħlu l-bozza l-ħamra. Għax dak li hu ċert hu li l-parti kbira tal-popolazz­joni speċjalment dik telliefa se titlob kenn politiku. Fil-każ tal-gwerra fil-Kosovo r-refuġja­ti li ħabbtu l-bieb tal-Unjoni kienu madwar 165,000 persuna. Wara dak l-avveniment, l-Unjoni ħadet tagħlima u riedet taħseb għall-futur. Il-Parlament u l-Kunsill għaddew Di­rettiva fl-2001 eżattament biex jekk xi darba jkun hemm eżodu massiċċ minħabba xi gwer­ra fuq l-għatba tal-Unjoni Ewropea tiskatta skema tem­poranja ta’ tqassim u prevenzjoni li l-ebda pajjiż membru ma jiġi mgħattan taħt xi piż li ma jiflaħx għalih.

Hu f’dan l-isfond li Malta u l-Italja talbu li jkun attivat il-mekkaniżmu mwaqqaf b’Di­ret­tiva, imma li qatt s’issa għa­du ma ġie attivat. Malta u l-Ital­ja sostnew li dan il-mekka­niżmu għandu jitħaddem fil-każ ta’ dawk li qegħdin jaħarbu mil-Libja li issa qiegħda fl-istess sitwazzjoni li kien il-Ko­sovo.

Interessanti kif qiegħda taħ­sibha l-Unjoni Ewropea, speċjalment il-pajjiżi membri kbar tagħha, jiġifieri l-Ġermanja u Franza. Skont huma, kbira kemm hi kbira l-problema għal gżira ċkejkna, f’għajnejn l-Unjoni Ewropea mhix kbira tant li għaliha għandu jiskatta l-mekkaniżmu msemmi. L-argument tal-Kummissjoni Ew­ropea hu li s-sitwazzjoni mhix qiegħda thedded lill-Unjoni Ewropea bħala entità sħiħa (as a whole).

L-istess argument u preċiżi kliem li riedu jużaw fil-każ ta’ meta ġie stabbilit il-Mekka­niżmu għal Stabbiltà Ewropea (ESM). Argument li kien qed jipperikola li pajjiż żgħir bħalna seta’ ma jibbenefikax mill-ESM minkejja li nikkontrib­wixxu għalih. Xi ħaġa li nħoss­ni kburi li fil-Parlament Ewro­pew, fl-interess ta’ pajjiżna, ħdimt bil-qawwa kollha biex dan il-periklu ġie evitat, u issa ninsabu assigurati li tali għajnuna nkunu nistgħu nirrikorru għaliha jekk inkunu neħ­tiġuha allavolja l-entità sħiħa ma tkunx ipperikolata.

Lura lejn il-każ tal-immig­ranti irregolari u r-rifjut tal-Unjoni Ewropea li tattiva l-mekkanizmu tal-2001. L-istor­ja ta’ Malta tħarset b’mod kemm­xejn differenti minn dik tal-Italja. Irrikonoxxew li l-wasla ta’ aktar minn elf immigrant għalina huma ħafna. Qablu li jtawlu l-programm pi­lota ta’ rilokazzjoni u li permezz tiegħu “jitħaddem il-prinċipju ta’ solidarjetà” u magħ­na jinqasam il-piż. Għan­du jkun enfasizzat li dan isir fuq bażi volontarja u bi ftehim bilaterali bejn Malta u l-pajjiż li jkun lest jidħol jgħinna. M’hemm xejn mandatorju. M’hemm xejn ta’ bilfors.

Tant hu hekk li kienu tmien­ja biss il-pajjiżi, minn 27, li taw indikazzjoni li lesti jgħinuna. Dawn huma l-Ġermanja, il-Belġju, l-Ungerija, il-Polonja, l-Iżvezja, il-Portugall, Span­ja u n-Norveġja. Fil-fatt, mill-fuq min elf persuna li ġew rilokati barra l-pajjiż, iktar minn nofshom, ħadithom l-Istati Uniti.

Wieħed ma jistax jgħid li dan mhux ħlief twettiq tal-prinċipju tas-solidarjetà. Iżda żgur li mhux ġej mill-Unjoni Ewropea bħala Istitutzzjoni li twaqqfet preċiżament għal sko­pijiet ta’ solidarjetà u li tim­xi b’liġijiet u regoli preċiżi u stretti.

Kellu raġun bħal-lum ġim­għa fi tmiem il-laqgħa tal-Lussemburgu l-Ministru Mifsud Bonniċi, u aħna miegħu, i­ħos­su diżappuntat li l-Kummissjoni Ewropea naqset milli tifhem u tapprezza kemm hija kbira l-problema li jħabbat wiċ­ċu magħha pajjiż żgħir bħalna b’wasla ta’ aktar minn elf immigrant f’temp ta’ ftit jiem. Ġrajjiet bħal dawn juru li l-obbligu tal-qsim tal-piż (burden sharing) għandu jkun tassattiv. Mandatorju. Obbligu bejn, u fuq kulħadd.

M’hemm l-ebda dubju li kie­net x’kienet it-teżi tat-Taljani li fil-każi li seħħew dan l-aħ­ħar hdejn Lampedusa jibqa’ l-fatt li bħala pajjiż ikbar minn Malta, il-Gvern Taljan mexa ta’ ‘bully’ fil-konfront tagħna. U ta’ hekk għandu biex jistħi u jitlob apoloġija. Min-naħa tagħna l-agħar li nistgħu nagħm­lu hu li nintilfu fuq din il-kwistjoni ta’ bejn il-ġi­rien u nkabbruha b’mod li ni­tilfu l-uniċi alleati li għandna.

Irridu nikkonvinċu almenu Stat Membru wieħed mill-kbar li hemm. Fejn hi l-Ingilterra llum? Jekk mhux hi paj­jiż ieħor li jifhimna. B’hekk ir­ridu nimxu ’l quddiem.

Fil-mument għandna bżonn il-ħbieb ta’ veru. Hemm bzonn nagħmlu xi al­lean­­zi ta’ negozji jekk hemm bżonn. Fil-mument kull pajjiż membru qisu daħħal rasu fir-ramel biex ma jidhirx.

Hemm bżonn inkomplu nimbarazzaw­hom. Immorru f’dawk il-paj­jiżi li taptpulna fuq dahrna ftit ġimgħat ilu. Infakkruhom li dakinnhar pajjiżna ta prova konkreta ta’ kif għandu jitwet­taq il-prinċipju tas-solidarjetà. Pajjiżna kien strumentali biex ġew evakwati mil-Libja eluf ta’ nies minn kull ġens. Għal dan qlajna t-tifħir mistħoqq.

Konna nistennew, u nemmen li dan bir-raġun, li issa tin­twera solidarjetà magħna bl-istess mod li wettaqniha aħna.

Għall-Gvern, għalina bħa­la Membri Parlamentari Ew­ropej u għall-poplu Malti kollu għandna x’naqdfu ħafna fil-ġimgħat li ġejjin.

Għan­dna wisq x’nitilfu jekk ma nib­qgħux iffokati fuq din it-theddida.

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *