State of the Union Address fil-PE


Henry Kissinger, eks-Segretarju tal-Istati Uniti darba kien staqsa “għal min għandha tistaqsi l-Amerika meta ċċempel lill-Ewropa?”. Mistoqsija li sal-lum baqgħet bla tweġiba. Mistoqsija li kienet esponiet bil-kbir waħda mill-akbar problemi tal-Unjoni Ewropea (UE) u li għadha hemm minkejja li daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona.

Nemmen li din il-mistoqsija ġiet quddiem għajnejn kull Membru Parlamentari Ewropew ieħor li bħali nhar it-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra kien preżenti għad-diskors tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Josè Manuel Barroso meta indirizza l-Parlament Ewropew (PE) fi Strasbourg. Diskors li kien ittimbrat b’pompa kbira bħala “State of the Union Address”. Idea ċertament ibbażata fuq dak li jsir mill-President Amerikan fl-indirizz annwali tiegħu lill-Kamra tar-Rappreżentanti u lis-Senat flimkien, il-Kungress. Jekk hemm xi xebħ, dan jieqaf hemm.

Wieħed irid iżomm f’moħ ħu li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex President elett mill-poplu bħalma għandhom l-Amerikani. Barroso mhux il-President tal-Unjoni Ewropea. Huwa wieħed minn mill-inqas tliet Presidenti fi ħdan l-UE.

Herman Van Rompuy huwa l-President tal-Kunsill. Għandu jitqies hu bħala l-President tal-UE?

Jew għandu jitqies hekk Jerzy Buzek, il-President tal-Parlament Ewropew, l-unika kariga eletta direttament mill-istituzzjonijiet tal-UE?

Hemm ukoll Jean-Claude Juncker, il-President tal-Eurogroup, il-grupp ta’ pajjiżi fiż-Żona Ewro. Għandu jitqies hu bħala l-President tal-UE?

Jew huma l-mexxejja tal-akbar pajjiżi membri tal-UE, bħal Angela Merkel, David Cameron u Nikolas Sarkozy li fil-verità għandhom il-poter tal-UE f’idejhom?

Mhux ta’ b’xejn li l-mistoqsija ta’ Henry Kissinger għadha mhix imwieġba.

Dan ma jfissirx li l-Parlament Ewropew m’għandux ikun indirizzat fuq il-linji li kien indirizzat fuqhom nhar it-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra, permezz ta’ “State of the Union Address”.

Anzi. Illum, aktar minn qatt qabel, hemm il-lok u l-bżonn li jsir dibattitu fuq dawk il-linji biex b’hekk il-PE jkun jaf aħjar fejn tinsab l-UE u fejn trid tasal. Jista’ jkun hemm min jgħid li mhux importanti minn min isir id-diskors, l-aqwa li jsir. Veru, imma lanqas ma jista’ jingħad li ma jagħmilx differenza minn min isir. Ċertament li diskors ta’ dan it-tip jingħata aktar piż jekk isir minn min verament imexxi.

Imma apparti dan kollu, Barroso kellu biċċa xogħol iebsa f’din l-okkażjoni. Ċertament li bħalissa mhux iż-żmien ideali biex tagħmel diskorsi ta’ dik il-kwalità. Il-livell ta’ kemm l-UE għandha fiduċja fiha nnifisha huwa wieħed baxx. L-ekonomiji tal-pajjiżi Ewropej huma staġnati. Il-qgħad huwa ogħli u mistenni jkompli jogħla. Il-kriżi tad-djun nazzjonali fil-Greċja u pajjiżi oħrajn taż-Żona Ewro ċaqilqu mill-għeruq liż-Żona Ewro u lill-mexxejja politiċi. Għadna qegħdin niġbru t-tifrik ikkawżat mill-kriżi finanzjarja u għadna qegħdin naħdmu fuq il-qafas regolatorju għas-settur finanzjarju bil-għan li fil-futur ikunu evitati aktar kriżijiet.

Kien ovvju għall-aħħar li fid-diskors tiegħu Barroso kien qed jipprova jidher sabiħ ma’ kulħadd. Sitwazzjoni deskritta b’mod eżatt mill-kap tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) fil-PE, Martin Schultz. Schultz qal li fid-diskors kien hemm ftit għal kulħadd. Kien diskors Konservattiv, Soċjalista, Liberali u anke għall-Ħodor. Kien hemm ħinijiet fejn Barroso filli jgħid li hemm il-ħtieġa ta’ miżuri ta’ awsterità u tnaqqis fl-infiq u fl-istess nifs jgħid li hu meħtieġ li jitnaqqas il-qgħad. Dikjarazzjonijiet li ma jikkumplimentawx lil xulxin. Anzi, dikjarazzjonijiet li jnisslu tħassib.

Forsi hu għalhekk li wieħed aktar jista’ jittimbra d-diskors ta’ Barroso bħala dikjarazzjoni ta’ intenzjoni milli riflessjoni fuq is-sitwazzjoni li tinsab fiha l-UE. Ħasra.

Diskors bħal dan ikun ta’ benefiċċju għall-politiċi tal-UE għax il-verità hi li l-kredibilità tal-UE ngħatat daqqa sew f’dawn l-aħħar snin. Daqqa kkawżata minn diversi fatturi, bħalma huwa t-titubar istituzzjonali fit-tul dwar il-format tal-kostituzzjoni, il-kaz tat-Trattat ta’ Lisbona, il-mod li bih l-UE wieġbet għall-kriżi finanzjarja u issa l-kriżi tad-djun nazzjonali.

Kienet tkun l-opportunità perfetta f’dan id-diskors biex matulu l-KE tiddiskuti mal-PE xi żbalji li saru u kif nistgħu naħdmu flimkien biex nitgħallmu minnhom. Minflok, ingħatajna lista ta’ affarijiet li kulħadd jaqbel dwarhom – it-tneħħija tat-tfixkil biex ikunu mgħejjunin l-SMEs, it-tnaqqis tal-qgħad, it-tnaqqis tad-defiċit u d-djun, il-ħolqien ta’ dawk li jissejħu ‘green jobs’ – imma ftit proposti konkreti kif dawn jistgħu jinkisbu jew jitwettqu.

Proposta konkreta li laqtitni kienet dwar l-intenzjoni tal-Kum missjoni li tħejji liġi komprensiva għal suq wieħed bil-għan li tkabbar dan is-suq u tagħmlu aktar faċli biex negozji żgħar Ewropej ikunu involuti aktar f’kummerċ bejn stat u ieħor.

Fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hu kkalkulat li hemm madwar 20 miljun negozji żgħar. Barroso huwa tal-fehma li kien hemm biss 8% minnhom li jinfirxu minn stat għall-ieħor. Stqarrija li taħsdek. Ċertament li hu meħtieġ li jsir aktar xogħol fuq dan is-settur jekk irridu tkabbir ekonomiku u noħolqu aktar impjiegi fl-UE.

Fir-rigward tas-settur finanzjarju, Barroso qal li l-KE se tressaq proposti legislattivi biex ikunu projbiti dak li jissejjaħ ‘short-selling’ u jkunu regolati l-‘credit default swaps’, żewġ fatturi involuti fl-assigurazzjoni tal-ħlas tad-djun u li għenu biex seħħew kriżijiet ta’ djun nazzjonali. Barroso wiegħed ukoll proposti dwar taxxi fuq tran sazzjonijiet finanzjarji, derivati u aġenziji ta’ ‘credit rating’.

Għalija dan ifisser sena oħra ta’ xogħol qawwi fi ħdan il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECON) li tiegħu nokkupa l-kariga ta’ Viċi President.

Verament nittama li fil-futur ikollna ‘State of the Union Address’ li jwassal għal dibattitu dwar x’għamlet ħażin l-UE u fejn ħadmet tajjeb, u x’għandha tkun il-viżjoni tagħha għall-futur. Sfortunatament nhar it-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra dan ma sarx. Dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni huma tajbin, imma qabel nirrikonoxxu li l-kredibilità tal-UE, sew maċ-ċittadini tagħha kif ukoll globalment, hi fil-periklu u li dan se jkun ikkumbattut, m’aħniex se nimxu ’l quddiem.

www.l-orizzont.com – It-Tnejn, 13 ta’ Settembru, 2010


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *