Wara d-daħk jiġi l-biki


Meta ħuti u jien konna żgħar u xi drabi konna nkunu b’burdata ta’ żufjett u ta’ daħk liema bħalu, niftakar sew li ommi kienet tidħol fil-kamra u b’wiċċ kemmxejn serju tavżana li aħjar nieq­fu għax kienu jgħidu li “wara d-daħk jiġi l-biki”. Ma niftakarx sew jekk konniex nisimgħu minnha u nieqfu mix-xalata li konna nkunu sejrin biha. Però żgur niftakar dak il-kliem li dak iż-żmien, mingħajr esperjenza, qatt ma stajt nifhem sew.

Illum, ħafna snin wara, naf kemm hu minnu dak il-qawl Malti, iktar u iktar fil-kamp tiegħi, fil-kamp tal-ekonomija. Sew bħal student u sew bħala għalliem l-istorja tal-bżieżaq ekonomiċi u finanzjarji, kollha bl-isplużjoni ta’ ġid u flus li qieshom qed jaqgħu bħal manna mis-sema, nistudjawhom fil-fond, ngħarfuhom sew u nafu kif jaħdmu. Dejjem naħsbu li wara li l-bużżieqa tkun infaqgħet, bħalma ġara fis-snin 30, inkunu ħadna t-tagħlima u minn dakinhar ’il quddiem naħilfu li qatt ma terġa’ tiġri darb’oħra. Però l-istorja turina li dan mhux biss jerġa’ jiġri, iżda jibqa’ jiġri. U dan għal ħafna raġunijiet. Però għall-inqas nistgħu nbassruhom, u b’hekk jiġu evitati.

L-ewwelnett bħala ekonomisti u studjużi oħrajn fix-xjenzi soċjali għand­na l-għodda biex inbassru xi saram għax nifhmu u nagħrfu dawk il-pressjonijiet li jwasslu għal dan is-saram. Però s’issa m’għandniex l-għodda biex inbassru eżatt id-data u lanqas il-mod kif se jiġru l-avvenimenti.

Nispjega b’eżempju. Fil-bidu tas-snin 80 kont involut ma’ riċerkaturi oħrajn mill-pajjiżi tal-Mediterran fuq studju kbir iffinanzjat mill-pajjiżi Medi­terranji li konna semmejnih il-Blue Plan. L-iskop tiegħu kien li jbassar x-xejriet demografiċi, ekonomiċi u speċjali 30 u 35 sena wara, jiġifieri llum. Il-kordinatur tagħna kien Jacques Lesourne, li għal xi snin kien l-editur tal-ġurnal Franċiż Le Monde. L-istudju ġie ppubblikat mill-istam­pe­rija tal-Università ta’ Oxford (OUP). Meta naqrah illum insib kemm konna preċiżi nbassru l-iżbilanċi demografiċi li llum kulħadd sar jaf bihom u li jeżistu bejn il-pajjiżi Ewropej u dawk Għarab.

Konna pinġejnihom b’mod katas­tro­fiku u avżajna lill-Gvernijiet affetwati biex ma jħallux dawn l-iżbilanċi jikbru. Bassarna defiċit kbir fejn jirrigwardja l-produzzjoni u d-domanda għall-prodotti agrikoli u prodotti oħrajn fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq.

Taf x’ma konniex kapaċi nbassru li se jiġri llum? Li l-katastrofu demog­-rafiku u ekonomiku kien se jwassal fi pressjoni fuq l-ibliet ta’ dawn il-pajjiżi kbar bħall-Kajr u l-Algier se jwasslu għal pressjoni fuq l-Ewropa nnifisha permezz ta’ invażjoni ta’ nies Afrikani, ħafna minnhom klandestini kif fil-fatt qed jiġri llum. L-ebda kelma fuq dan ma ssib fil-ktieb sħiħ. Xejn.

L-istess ġara fir-rigward tal-kriżi globali li ġibna ruħna fiha. Niftakar fil-Konferenza tal-Commonwealth li saret Malta xi ħames snin nikteb diskors biex jinqara waqt din il-Konfe­renza minn persuna kap ta’ organizzazzjoni. Ktibt dwar rekord ta’ tkabbir ekonomiku li d-dinja kienet għaddejja minnu ħames snin ilu, fejn id-dinja kienet qed iżżid il-ġid tagħha anke fil-pajjiżi fqar tal-Afrika.

Però ktibt ukoll li l-iżbilanċi kbar bejn l-Amerika u l-bqija tad-dinja huma ta’ tħassib kbir. Meta u kif kienu se jagħmlu ħsara lid-dinja kif fil-fatt sar, m’hemm xejn fid-diskors.

L-istess ngħidu għall-ekonomija tagħna. Kemm-il darba fil-passat, permezz ta’ studji li konna noħorġu kull tant żmien mill-Federazzjoni tal-Industrija (FOI) konna għidna li ma kienx hemm bżonn li n-nefqa tal-Gvern sena wara sena tiżboq it-tkabbir tal-kejk nazzjonali, il-PGD. Konna ngħidu li d-dejn huwa piż fuq uliedna u jieħu post l-investiment privat (bl-Ingliż ngħidu l-crowding out effect).

Indipendentement ma’ osservaturi oħrajn għidt li biex tidħol fiż-Żona Ewro trid tkun ippreparat ekonomikament xejn inqas mill-membri l-aktar b’saħħithom fiż-Żona Ewro. Konna nħossu li għal quddiem se jissarraf fi tbatija. Però meta u kif kien se jiġri dan qatt ma stajna ngħidu.

U llum? Bħalma jgħid reklam ħelu fuq it-televiżjoni lokali, illum “Int taf dan x’ifisser”. Il-prezz li qegħdin inħallsu llum, is-sagrifiċċji kbar, il-piżijiet kbar, li ħafna jħossu għax qed iġorruhom, però ma jistgħux jispjegaw minn fejn ġejjin. U jwaħħlu f’dak u fl-ieħor. Il-verità hi li qed niżbru dak li żrajna. Lil uliedna ħallej­nilhom id-dejn. Dejn li kiber u baqa’ jikber tant li wassalna qrib ix-xifer. Id-dejn u x-xalati żejda ta’ xi wħud fil-passat se jservu ta’ mażżra m’għonq il-poplu Malti u Għawdxi għal ħafna snin li ġejjin. Ma tantx hi ta’ konsolazzjoni f’dan ir-rigward li tgħid li ġej­na rivendikati, li konna avżajnikom.

L-aħħar fattur dwar it-tbassir ta’ xi kriżi ekonomiku hu li l-ebda Gvern, l-ebda negozjant, l-ebda spekulatur, investitur jew anke ħaddiem se jagħti kas ħadd li jwiddibhom li wara d-daħk jiġi l-biki. Mhux meta jkun qed igawdi mill-festa ekonomika u mill-bużżieqa li tkun intefħet. Kulħadd ikun qed igawdi. Min ftit u min ħafna. Soċjetà li tkun qiegħda fl-aħjar parti tal-festa tagħmel il-flus u tonfoq bil-kbir qisu għada mhux se jasal, ħadd m’hu se jwaqqafha. Jew jis­piċċaw idawru wiċċhom qishom ma semgħux it-twiddiba jew biex jagħ­mluha tal-gustużi jgħajru lil dawk in-nies sobri bħala xi grupp tad-Doom and Gloom.

Ħadd u ħadd, inklużi l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-pajjiżi li naf jien bihom, inkluż Alan Greenspan, ma jazzardawx ikunu huma li jifqgħu l-bużżieqa. L-istampede tal-barrin ħadd ma jazzarda jmur fin-nofs biex iwaqqafha.

Ir-riżultat ta’ dan kollu hu li kull min ikun sfortunat li jiret dawn il-problemi li jkun akkumula ma’ tul ta’ snin sħaħ, ikollu jħallas bil-qares. Tista’ twaħħal f’dak u fl-ieħor għax it-tort ħadd m’hu se jieħdu.

Taħseb li neħduha t-tagħlima? Ma jistax ikun li le. Però dan ma jgħoddx għal kulħadd. Min għandu l-interess u s-saħħa li jiggwadanja mis-sistema preċedenti se jerġa’ jmur għall-istess sistema u l-istess prattiċi.

Jekk dan jitħallix isir, sew lokalment u sew globalment, irid jddeċedieh il-poplu li f’pajjiż jew pajjiżi demokratiċi hu sovran. Żgur li għal ħafna li jesperjenzaw kriżi ekonomika u finanzjarja kiefra u tat-tbatija, għalihom, id-dinja u l-awtoritajiet li jmexxuha, mil-lum ’il quddiem mhux se jibqgħu jħarsu lejhom bl-is­tess mod.

www.orrizont.com – 21 ta’ Frar, 2011

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *