F’nofs il-ġimgħa l-oħra waħda mit-tliet aġenżiji ta’ kreditu, Moody’s, ħarġet ir-rapport tagħħa dwar Malta. Moody’s ikkonkludiet li fuq dak li rriżultalha għandha tniżżel il-kreditu ta’ Malta minn A1 għal A2. Imma mhux biss, dak li sabu u dak li raw nisslilhom tħassib, tant li t-tbassir tagħhom għall-ġejjieni qarib kklassifikawh bħala wieħed negattiv, li jista’ jkun ifisser li l-kreditu ta’ pajjiżna jerġa’ jitniżżel tarġa oħra. Sitwazzjoni li m’għandu jieħu gost biha ħadd u li għandha ġġiegħel lill-Gvern jikkonsidra l-pożizzjoni tiegħu u jirrevedi fejn hemm bżonn.
F’dawn l-aħħar 15-il sena Malta kellha erba’ ‘upgrades’ tal-kreditu tagħha, żewġ ‘downgrades’, żewġ ‘positive outlooks’ u ‘tliet negative outlooks’. Dawn minn aġenzija jew oħra. Dak li hu sinifikanti hu li r-rapport ta’ Moody’s tal-ġimgħa l-oħra huwa l-ewwel ‘downgrade’ u l-ewwel ‘negative outlook’ minn mindu Malta ssieħbet fiż-Żona Ewro u għalhekk għajnejn id-dinja qegħdin fuqna iktar minn daqs qabel.
Għandu jingħad ukoll li xahrejn ilu l-Bank Ċentrali Ewropew wara studju tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea rriżultalu li ċ-ċaqliq fil-‘credit rating’ kien dejjem iħalli effett fuq l-ispiża tal-flus li jissellef il-Gvern. Jgħid li d-’downgrading’ għandu effett ikbar mill-‘upgrading’ fuq din l-ispiża addizzjonali (negattiva u pożittiva rrispettivament), li bl-Ingliż tissejjaħ ‘spread’. U li dan li ‘spread’ jew premium ikun ogħla għal dak il-pajjiż li jaqa’ fi klassi iktar baxxa mill-pajjiżi li jkun ilhom hemm f’dik il-klassi baxxa minn qabel.
Bit-tnaqqis tal-‘credit rating’ minn A1 għal A2 Moody’s qed tgħid li Malta ma ħaqqhiex tkun mal-aħjar pajjiżi fejn tidħol dixxiplina fl-ekonomija u l-finanzi pubbliċi. F’dan l-aspett qabblitna mal-Estonja u r-Repubblika Ċeka li fl-opinjoni ta’ Moddy’s ħaqqhom jibqħu fil-klassi ogħla ta’ A1.
L-aġenziji tal-kreditu, bħalma hi Moody’s, huma bħal bord ta’ eżaminaturi li jeżaminaw banek, kumpaniji u pajjiżi sħaħ u l-istrumenti jew prodotti ta’ self u investiment. Dan isir b’mod li jwassal lill-investitur prospettiv biex ikollu ħjiel sew tar-riskju li jkun se jieħu bi flusu meta se jinvesti f’kumpanija jew f’pajjiż partikolari. Huwa importanti li wieħed jifhem li l-aġenżiji tal-kreditu ma jitqabbdux mill-investitur biex jagħmlu rapport dwar ir-riskju, imma jitqabbdu u jitħallsu mill-istituzzjoni finanzjarja jew pajjiż li jkun qed ‘ibiegħ’ il-prodotti finanzjarji, f’dan il-każ il-ħlas isir jew mit-Teżor jew il-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Il-proċess ikun jinkludi x’inhuma l-indikaturi macroekonomiċi, jaraw kif tkun sejra l-ekonomija, u t-tbassir għall- ġejjieni, jaraw x’investiment barrani u lokali jkun qed isir. Isiru laqgħat ma’ firxa wiesgħa kemm jista’ jkun mill-qasam tal-ekonomija. Jiltaqgħu mal-Gvern, mal-Oppożizzjoni, anke mal-unjins u xi ekonomisti ewlenin. Jiltaqgħu mas-settur finanzjarju, partikolarment mal-Bank Ċentrali. Dan isir biex jikkumplementaw il-parti kwantitattiva tal-proċess, u b’hekk jingħataw spjegazzjonijiet dwar ċifri li jkunu qegħdin jissemmew, speċjalment mill-pajjiż innifsu.
Meta jsir dan l-eżami jsir rapport dwar xi kwalità ta’ riskju tkun qed tieħu meta tixtri l-bonds ta’ dak il-gvern jew ieħor, jekk hux riskju kbir, moderat jew baxx. Fi ftit kliem, x’ikun is-sogru dwar jekk meta jagħlqu l-bonds jitħallsux lura jew le. Aktar ma tkun għolja “l-marka” li jingħata l-pajjiż mill-aġenzija tal-kreditu inqas ikun ir-riskju. Bonds fi klassi A1 jew A2 qegħdin f’din il-klassi.
Minn dak li raw u semgħu, Moody’s mhumiex sodisfatti bir-rata ta’ tkabbir tal-ekonomija Maltija. Huwa minnu li għal dan qegħda tikkontribwixxi wkoll is-sitwazzjoni internazzjonali, imma jibqa’ l-punt li għall-futur qarib u ftit aktar ’il hemm ukoll, il-prospetti huma li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna mistennni jkun kajman. Mhux se jkun negattiv imma mhux se jaċċellera. Raġuni għal dan hija r-rata baxxa ta’ investiment fil-pajjiż (ġej minn fejn ġej) li hu fattur determinanti għat-tkabbir tal-potenzjal massimu tal-ekonomija Maltija.
Hemm imbagħad it-tieni punt, id-dejn. Id-dejn tagħna huwa ta’ 68% tal-Prodott Gross Domestiku. Hemm ukoll il-garanziji li qed jagħmel il-Gvern għal dejn ta’ ħaddieħor, bħalma huwa d-dejn tal-Korporazzjoni Enemalta u d-dejn tal-Airmalta, azjendi/korporazzjonijiet fejn l-interess tal-Gvern huwa sħiħ jew maġġoritorju, jiġifieri ta’ aktar minn 50%. F’dan ir-rigward Malta tikklassifika fost l-ogħla kemm fost il-Pajjiżi Membri taż-Żona Ewro kif ukoll fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-garanziji tal-Gvern f’din in-niċċa jammontaw għal biljun ewro, li jfissru madwar 15% tal-Prodott Gross Domestiku. Ma’ dawn iridu jiżdiedu l-garanżiji għal €400 miljun li qegħdin nagħmlu għall-Fond Ewropew ta’ Stabbilità biex jinstilfu lill-pajjiżi li jkollhom bżonn joħorgu l-bonds. Hemm ukoll is-self ta’ €75 miljun lill-Greċja. Flimkien ikomplu itaqqlu l-piż tal-Gvern għall-ġejjieni u jwassal ir-rata għal ftit taħt id-90%.
Moody’s rabtu dan kollu flimkien u waslu għall-konklużjoni li waslu għaliha. Fil-qosor qegħdin jgħidu li dan kien inidikat lilhom anke meta konna se nidħlu fiż-Żona Ewro. Iżda dakinhar iddeċidew li jgħollu l-grad ta’ Malta għal A1 fuq il-premessa li la se nkunu fi grupp ta’ pajjiżi avvanzati u ddixxiplinati l-Gvern Malti jbiddel ir-rotta u jtejjeb l-governanza ekonomika tiegħu u jgħin aħjar id-dinamika strutturali tad-dejn. Illum qegħdin jgħidu li dan ma sarx.
Il-mistoqsija naturali wara dan iċ-ċertifikat ta’ Moody’s hija: minn issa ’l quddiem x’irid isir?
L-aktar ħaga importanti hija li l-Gvern jibgħat messaġġ konvinċenti rifless minn ‘policies’ ekonomiċi u soċjali konsistenti li jidhru li se jtejbu l-prospetti għall-futur. Irid jara kif iżid ir-rata ta’ investiment, itejjeb l-isfond edukattiv u tekniku tal-‘labour force’, u jtejjeb bis-sħiħ il-governanza ekonomika. Saru żbalji kbar f’dan ir-rispett u qegħdin inpattu għal dan issa. Nisperaw li l-Gvern jagħmel dan bil-għaqal għax l-ekonomija Maltija ma tiflaħx għal iktar skossi li qegħdin jaqtgħu qalb sew l-imprendituri u sew lill-familji Maltin.
Malta xebgħet mill-’gimmicks’ li Moody’s bil-pulit jirreferu għalihom bħal ‘one offs’ u li skont huma l-Gvern irnexxielu jżomm id-defiċit fil-livell li hu b’miżuri ta’ din ix-xorta. Li hu mistenni mill-Gvern huwa li joħloq strutturi li d-dħul minnhom ikun konsistenti. Fuq kollox irid jgħin biex tiżdied il-produttività.
Irid ikun pjan jew programm li jikkonvinċi, u meta ngħid jikkonvinċi ma nkunx qed nirreferi li jikkonvinċi bir-retorika tad-Diskors tal-Baġit, iżda li jkun konkret u li jwassal għal riżultati aħjar. Li jkun strumentali biex l-aġenziji tal-kreditu, kif ukoll l-Unjoni Ewropea, ikunu konvinti biex ma jkomplux bi tbassir negattiv u biex il-kreditu ta’ Malta ma jerġax jitniżżel tarġa oħra, xi ħaga li ma tkun tfisser xejn għajr li tkompli ssir ħsara lil pajjiżna.
Jiddependi primarjament mill-Gvern jekk isirx hekk jew le. Jiddependi minn kemm għandu rieda li jiffaċċja r-realtà jew minn jekk jimpurtahx l-aktar li jaħbi mill-poplu billi jlibbes maskra ta’ tbissima fuq wiċċ ir-realtà.
l-orizzont – It-Tnejn, 12 ta’ Settembru, 2011
3 responses to “Wara r-Rapport Moody’s”
5 g dL; hematocrit, 55 normal range 38 priligy farmacias del ahorro MCF7 LTED Y537S CDK4 6i R and MCF7 LTED D538G CDK4 6i R cell lines were developed by exposing MCF7 LTED Y537S and MCF LTED D538G cells, respectively, to increasing concentrations of the respective CDK4 6i to a final concentration of 500 nM for palbociclib, 1 ОјM for ribociclib, and 250 nM for abemaciclib
order priligy online usa Mattila MJ, Nuotto E
where to buy cheap cytotec without prescription Clozapine induced hypersalivation is a big deal