L-Unjoni Ewropea bħalissa għandha sfida kbira quddiemha. Trid tagħraf tieqaf kontra t-tnaqqir tal-prinċipju tas-solidarjetà fi ħdanha u fl-istess ħin tieqaf ukoll kontra t-tkattir tal-egoiżmu. U dan fi żmien diffiċli. Fi żmien ta’ kriżi. Hekk ukoll kien ġara fis-Snin Tletin meta d-dinja kienet inħakmet minn dipressjoni ekonomika kbira. Jekk għal xejn, l-istorja qiegħda hemm biex nitgħallmu minnha.
In-nuqqas ta’ solidarjetà fi ħdan l-Unjoni Ewropea huwa rifless bil-kbir mill-attitudni tal-popli tal-pajjiżi Nordiċi versu l-popli tal-pajjiżi tan-naħa t’isfel tal-Ewropa, il-pajjiżi Mediterranji, il-pajjiżi l-aktar milqutin minn diversi problemi.
Din l-attitudni negattiva hi riflessa f’mill-inqas żewġ kriżi li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħħom pajjiżi Mediterranji, fosthom pajjiżna. Il-kriżi tal-ewro u l-kriżi tal-immigrazzjoni irregolari. Kriżi li hemm xebħ kbir bejniethom.
L-ewwel xebħ jiġi mill-fatt li fil-każ taż-Żona Ewro ż-żona sħiħa nnifisha m’għandhiex problema ta’ djun, lanqas ta’ bilanċ ta’ pagamenti, akbar minn dik tal-Amerika jew tal-Ġappun. Għal kuntrarju l-pożizzjoni taż-Żona hija ferm aħjar.
Li hemm huwa li fil-blokk taż-Żona dan il-piż tad-dejn mhux mifrux iżda qiegħed b’mod esaġerat f’ċertu pajjiżi bħalma huma l-Greċja, l-Italja u oħrajn. Fil-każ tal-immigrazzjoni l-istess ħaġa. L-UE, li kulma tmur qiegħda dejjem tixjiħ, għandha bżonn l-immigranti biex jimlew il-postijiet vakanti f’ċertu pajjiżi. Bħalissa kull ma’ hemm huwa wieħed għal kull elfejn u mitejn persuna. Jiġifieri kieku Malta għandha din il-medja jkollha biss mitejn immigrant fil-pajjiż. Dan mhux livell ta’ kriżi.
Malta, iżda, m’għandhiex mitejn immigrant, għandha iżjed. Ċipru, il-Greċja, Spanja, Franza u l-Italja speċjalment, għandhom iktar milli għandhom pajjiżi oħra. Ma’ dan trid tqis li sew fil-kriżi taż-Żona Ewro u l-kriżi tal-immigrazzjoni irregolari huma l-istess pajjiżi, jiġifieri dawk tal-Mediterran, li qegħdin isofru.
Però jibqa’ l-fatt li l-problema qiegħda fil-firxa tal-piż bejn il-Membri Stati u mhux fil-piż għall-Unjoni sħiħa.
Xebħ ieħor hu li rimedji jeżistu għaż-żewġ kriżi. Dan hu punt li ħafna jistagħġbu bih. S’intendi wieħed għandu dritt jistaqsi: la darba hemm rimedji għaliex ma jitħaddmux? Digà rreferejt għar-rimedju tal-immigrazzjoni irregolari, il-piż jinqasam bejn kulħadd.
Fil-każ tal-kriżi taż-Żona ekonomisti ewlenin spjegaw mod kif anke mingħajr ma jkun hemm dak li jissejjaħ federaliżmu fiskali, wieħed jista’, permezz ta’ taxxa jmexxi fuq it-tranżazzjonijiet finanżjarji u sistema ta’ Eurobonds, bonds li jinbiegħu f’isem l-UW, iwasslu biex tissolva l-kriżi ta’ bħalissa. Kelli okkażjonijiet nitkellem u nipparteċipa fir-Rapport tal-Kumitat tiegħi dwar dawn il-Eurobonds u naf li l-grupp tiegħi sab ħajt ta’ oppożiżżjoni u xettiċiżmu.
Kien għalhekk ta’ sodisfazzjon kbir għalija nhar l-Erbgħa tal-ġimgħa l-oħra nisma’ lil Barroso jgħid u jikkonferma li l-Kummissjoni dalwaqt tressaq proposti dwar l-introduzzjoni ta’ Eurobonds, proposti li wħud minnhom jistgħu jkunu implimentati taħt it-Trattat attwali filwaqt li oħrajn jkunu jeħtiegu tibdil fit-Trattat. Nistennew u naraw.
Bdejt dan l-artiklu bit-tħassib dwar it-tnaqqir tal-prinċipju tas-solidarjetà u t-tkattir tal-egoiżmu. Jinħass ħafna li hemm pajjiżi li jridu jaħsbu għal rashom biss u huma inqas lesti li jgħinu pajjiżi oħrajn fil-bżonn. Ħarsa lejn l-attitudni fil-Ġermanja, l-Olanda u l-Finlandja hija aktar minn biżżejjed biex faċilment jinftiehem dan kollu.
X’inhi r-raġuni għal dan is-sens ta’ egoiżmu? Ir-raġuni li tinġieb kemm fil-każ tal-kriżi maħluqa mill-immigrazzjoni kif ukoll fil-każ tal-kriżi taż-Żona Ewro hija raguni komuni għalihom it-tnejn. Jargumentaw li jekk tingħata għajnuna lil xi pajjiż li qed iħabbat wiċċu ma’ dawn il-problemi, dan jaqa’ lura milli jagixxi internament kif għandu jaġixxi għax għandu “moħħu mistrieħ” li se jkun hemm min jgħinu. Eżempju konkret: jekk jaċċettaw li jieħdu l-immigranti irregolari minn Malta allura Malta ma tħabbilx moħħha dwar kemm jidħlu la darba dawn ma jkunux se jibqgħu f’Malta.
L-istess fir-rigward tal-kriżi fiż-Żona Ewro. Għalhekk s’issa ż-Żona l-iżjed li lesta tagħmel huwa li jisilfu lil pajjiżi bħall-Greċja, imma mhux jagħtu. Ma jridux jagħtu għax jibżgħu li dawn il-pajjiżi jkomplu jiddejnu għax hemm il-pajjiżi Nordiċi, bħall-Ġermanja, jagħmlu tajjeb. Tħassib li qegħdin narawh rifless fil-mod li bih l-elettorat qed jibgħat il-messaġġi tiegħu lill-mexxejja ta’ dawn il-pajjiżi.
Din il-biża’ hi valida. Nirreferu għaliha bl-Ingliż bħala “Moral Hazard” jew Riskju Morali. Għalhekk l-insistenza għall-implimentar ta’ miżuri ta’ awsterità. Għalhekk l-insistenza għal aktar dixxiplina ekonomika. Għalhekk l-insistenża għall-implimentar ta’ governanza ekonomika aktar strettta. Biex ikun assigurat li min illum għandu bżonn l-għajnuna jkun jidħer li qiegħed jagħmel sehmu hu wkoll.
Sakemm il-pajjiżi Nordiċi jiġu konvinti minn dan, kemm fil-kriżi tal-immigrazzjoni kif ukoll dik fiż-Żona Ewro, ir-rimedji huma u jibqgħu bħal qtar ta’ kultant u dejjem tard. Żgur mhux sostenibbli u aħħarin.
Fil-każ taż-Żona Ewro bdejna bi ftit self, liema ammont kellu jiżdied wara biss ftit ġimgħat. Imbagħad sar fond apposta u għal żmien determinat, biex issa dan il-fond irriduh ikun permanenti. Miżuri li madankollu ma ssodisfawx lis-swieq finanzjarji, li min-naħa tagħhom iridu xiħaga sostenibbli, li s’issa mhumiex qegħdin jarawha.
L-istess fil-każ tal-immigrazzjoni irregolari. Għandna l-istorja turbulanti tal-Frontex. Bdiet, waqfet, reġgħet bdiet, nuqqas ta’ riżorsi u b’mandatt limitat ħafna anke jekk il-Parlament Ewropew kulma jmur jipprova jagħti lil Frontex aktar saħħa.
Jibqa’ l-fatt li l-Frontex mhix is-sostitut tal-‘burden sharing’, tal-qsim tal-piż bejn kulħadd, it-tifrix fuq l-Ewropa kollha skont il-kapaċitajiet u s-saħħa tal-pajjiżi.
Il-mexxejja Ewropej, partikolarment dawk Nordiċi, għandhom responsabbiltà kbira. Għandhom ikunu ċarissimi mal-popli tagħhom. Għandhom juruhom li l-kitba qiegħda fuq il-ħajt: tfalli l-Greċja u magħha jfallu banek Ġermaniżi u Franċiżi. L-istess fejn jirrigwarda l-immigrazzjoni irregolari. Jekk il-pajjiżi milquta mhux se jsibu l-għajnuna se jkun hawn l-inkwiet u dan ma jgħinx lill-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tagħħom il-pajjiżi fi kriżi ekonomika, bi djun kbar imdendlin m’għonqhom, iridu jgħinu lilhom infushom, iridu jkunu dixxiplinati.
Wara li kull naħa, kull pajjiż, ikun għamel sehmu, imbagħad inkunu nistgħu naraw fejn ninsabu għal dak li jirrigwarda l-prinċipju tas-solidarjetà, prinċipju fundamentali fit-twaqqif tal-UE.
Daqstant hija ċara u kbira l-isfida li għandha quddiemha l-UE llum.
l-orizzont – It-Tnejn, 19 ta’ Settembru, 2011