Wara 34 sena pajjiżna reġa’ kellu surplus fil-finanzi tal-Gvern. Kien fis-sena 1981 li kien seħħ dan. Aħbar pożittiva li ftit wara li tħabbret tkellimna dwarha mal-Ministru Scicluna. Mistoqsi dwar il-fatt li quddiem aħbar bħal din se tikber l-istennija tan-nies, ilMinistru Scicluna qalilna li, “is-surplus mhu xejn ħlief li ttaxxi tagħhom mhux intefqu kollha u b’hekk il-Gvern ma jkollux jiddejjen biex imexxi l-pajjiż. Dan kontra l-passat fejn dak li nieklu llum mbagħad iridu jħallsuh it-tfal tagħna. Din mhix xi manna li se tieħu xi ħaġa minnha. Dan hu stat ġdid ta’ ħelsien ekonomiku. Li tieħu minnha hu l-għaqal tal-Gvern. Dan qed jgħidlek li wassaltek s’hawn u issa għall-quddiem se nwasslek sular ieħor. Trid tafdani? Din hi xi ħaġa ta’ iva jew le.”
Il-Ministru Scicluna qal lil IT-TORĊA li “din hi kwistjoni ta’ kredibilità u mhux kwistjoni ta’ flus. Li tippjana u tpinġi mod u li twettaq mod ieħor. Li twiegħed u twettaq ittiha aktar saħħa. Għandek gvern li ma wegħditx li fis-sena 2016 ikollu surplus. Li wiegħed kien dixxiplina fil-finanzi bil-provi. Issa dak li ġara hu l-quċċata ta’ din il-prova. L-aħħar li kien hemm surplus kien fl-1981. Jiġifieri mhix ċajta kif f’35 sena ħadd ma rnexxielu jagħmel surplus u dan sar għax mhux faċli. Hi faċli tagħmel surplus jekk taqta’ sservizzi tal-gvern. Il-kapaċità hi li tasal għaliha bla ma tnaqqas is-servizzi u mingħajr ma taqta’ l-benefiċċji. Il-gvern hu kburi għax f’35 sena ma saritx. Issa akkumulajna €5.8 biljun dejn minn gvernijiet Nazzjonalisti u dawn tista’ tnaqqashom biss jekk ikollok surplus. Il-familji Maltin jafu li l-għaqal jitlob li ma jonfqux aktar milli jaqilgħu. Issa lgvern qed jagħmel l-istess ħaġa. Jixtieq li aħna nħallu benefiċċji għall-ġenerazzjoni futura. F’erba’ snin irnexxielna nilħquha,” sostna l-Ministru Scicluna.
Mistoqsi dwar il-futur, hu enfasizza li “dan issa jfisser li issa l-Gvern irid jibqa’ konsistenti u jżomm dak il-bilanċ. Bħal ajruplan li telaq u jżomm l-għoli. Imma trid ittih spazju, illi tkun tista’ timmanuvra u jekk jinqala’ xi ħaġa għandek fuq xiex taqa’. Nirringrazzjaw l-Alla ħriġna mill-periklu tad-defiċit eċċessiv. Il-Gvern Nazzjonalista waqa’ fil-ħofra ta’ defiċit eċċessiv tliet darbiet. Inħarsu ’l quddiem b’aktar ottimiżmu. Issa nistgħu nibdew nistaqsu kif irridu l-pajjiż għall-futur? Kif irridu l-infrastruttura u oqsma oħra? Hemm ħafna xi jsir. Żgur li meta pajjiż iżid ittkabbir jew id-dħul, żgur li jgħix aħjar.”
Kompla jgħid li “llum tara d-differenza minn erba’ snin ilu. Jekk tidħol il-belt diġà tara d-differenza bejn erba’ snin ilu. Dak li ġara hu għax hemm id-dħul, ristorant wieħed ħdejn l-ieħor. Dawra mal-belt u Tas-Sliema wieħed faċilment jirrealizza dan. Il- ġid irid jinqasam u jinfirex u din hi sfida li l-Gvern Laburista dejjem qiegħda quddiem għajnejh.
Issa meta nitkellmu fuq faqar hemm erba’ raġunijiet, nuqqas ta’ xogħol, xogħol bi dħul baxx, meta tirtira u kwalunkwe problema soċjali li twaqqgħek fil-faqar bħal mard u diżabilitajiet. Il-Gvern sa issa qed jindirizza l-erbgħa li huma. Tgħidli irnexxa? Ngħidlek le għadna mixjin u qatt ma tista’ tilħaq ‘l kulħadd.” Iddikjara li “l-indikatur li għadu ma ħariġx se juri li waqa’ l-faqar. Sa issa wera li fl-ewwel sena il-faqar waqaf jiżdied u fl-2014 naqas ftit. Għandi tama kbira, li l-faqar se jonqos. Il-miżuri għamilniehom b’mod li dawk t’isfel ma jinżlux aktar. Se nippubblikaw wieħed mill-istudji li juri li ta’ isfel intlaqtu b’mod pożittiv bil-miżuri tal-baġit. Il-Gvern bħalissa hu kuntent u kalm. Qiegħed f’paċi miegħu nnifsu u jista’ jgħid li f’erba’ snin irnexxielu jdawwar ir-rota. Issa l-programm elettorali li se jkollna se jkun b’aktar esperjenza ta’ gvern.”
Mistoqsi dwar l-isfidi li ġejjin għal pajjiżna fiż-żmien li ġej, l-Ministru Scicluna sostna li “Brexit sfortunatament, mhux biss għar-Renju Unit imma wkoll għal Ewropa, se toħloq problema. Ejja nieħdu ħajja ta’ bniedem. Min se jieħu divorzju mhux daħal f’divorzju għal sena jew sentejn.
Daħal għal għomru. Min ħaseb li Brexit, għax hekk ħasbu dawk li vvutawlha, li se jaqtgħu s-sħubija u lmiżata se jġemmgħu u se jkunu aħjar. Tant hemm kuntratti kkumplikati li ma tistax taqta’. Dawn se jaffettwaw lill-Unjoni Ewropea u se jaffettwaw aktar lir-Renju Unit. Malta bħala Ewropea mhux ta’ ġid għaliha għax dan hu inkwiet fil-vojt u m’għandniex bżonnu. Kellna investitur ewlieni fl-aħħar sigħat – bankier li hu wieħed mill-ewlenin u bl-interess li kellu lanqas ried jitlaq mill-uffiċċu. Bħala pajjiż aħna noffru ħafna vantaġġi. Jien naħseb li aħna nistgħu ngawdu minn Brexit bħala pajjiż.” Itenni li, “it-tieni sfida ġejja mill-Istati Uniti. Jekk se tagħmel miżuri protettivi tajba biss għalihom iżda għal skapitu ta’ ħaddieħor min se jaċċetta dan. Kien hemm kuntratti li kienu qed iħaddmu laħjar nies. Kien hawn Libjan li kien jaħdem ma’ Microsoft ħatfuh. Ġenju dan. Issa dan ma jistax jidħol l-Istati Uniti. Din li l-Istati Uniti tiżola ruħha ma nafx kemm se tirnexxi u naħseb li jinqala’ linkwiet.”
Dwar l-isfidi lokali għaż- żmien li ġej jgħid li “l-aktar sfida lokali hi bejn l-iżvilupp u l-ambjent. Irridu nħarsu lambjent għax mingħajru tkun ħajja miskina. Biss jekk irridu li t-tkabbir jibqa’ ma nistgħux nibqgħu bl-infrastruttura li għandna. Toroq, parkeġġi u oħrajn iridu jinbidlu.”
“L-inġustizzji… din il-sena jibdew jieħdu l-kumpens”
Dwar l-inġustizzji li seħħew matul is-snin fosthom eksħaddiema tax-xatt u anke dawk li kienu jaħdmu fil-Korpi, il-Ministru Scicluna qalilna li “dawn huma inġustizzji għalkemm legalment preskritti. Issa ġejja mill-gvern li jaċċettaha u jindirizza u din se ssir skont il-mezzi tiegħu. Filwaqt li lGvern mhux obbligat legalment qed jgħid illi min sofra inġustizzja u lest li jsolviha. Il-problema li nħolqot hi li lEurostat qaltilna li jekk taċċetta li se tħallas din issomma konsiderevoli trid tniżżilhom kollha fl-baġit wieħed anke jekk ikollok ħsieb tifrixhom, u dan itella’ d-defiċit. Ħabbarna skema li kull sena nwarrbu €8 miljun għal dawn l-inġustizzji wara li jsir ftehim. Ma’ tax-xatt magħluqa, tal-korpi għadha le. Għadhom għaddejjin negozjati dwar kif jingħataw għotja ex gratia. It-time frame hu li din is-sena jintefqu dawk it-€8 miljun, qiegħda f’idejn kumitat fi ħdan ilMinisteru għas-Solidarjetà Soċjali. Is-sena ta’ wara jkun hemm €8 miljun oħra. Hi ġerħa li trid titfejjaq.”
– Il-Ħadd 2 ta’ April 2017