Min rebaħ fl-aħħar ‘summit’ Ewropew?


L-MIDJA qabblu l-aħħar ‘summit’ fi Brussels, fejn sa­ret Laqgħa Għolja oħra tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, mal-Euro 2012, bil-logħba ta’ bejn l-Italja u l-Ġermanja. Min skorja, min rebaħ u min tilef. Kien hemm xebħ kbir bejn iż-żewġ Super Marios – Mario Monti u Mario Balotelli li jidhru li t-tnejn skorjaw kontra avversarju tal-istess nazzjonalità li sa ftit ilu konna nqisuh invinċibbli.

Li dan ix-xebħ jagħti ftit pjaċir lit-Taljani, li għaddejjin minn dwejjaq u sofferenzi kbar, wieħed jifhimha. Iżda hu perikoluż li wieħed ikompli fuqu fuq skala Ewropea. Għal min qiegħed ifittex soluzzjonijiet aħħarin għall-kriżi tal-ewro żgur li ma jagħmilx ġid li jitkellem dwar dawk li huma tan-Nord u dawk li huma tas-Sud, qisha xi logħba futbol.
Merkel u l-Ġermanja fuq naħa waħda u Monti u l-Italja fuq in-naħa l-oħra. Dan  żgur li ma jgħinx biex ikun hawn aktar solidarjetà. Sa ftit ilu fl-Unjoni Ewropea konna qed nipprovaw naslu biex kull persuna ta’ pajjiż membru fl-Unjoni Ewropea tħossha ċittadin Ewropew, fejn il-problemi nipprovaw naslu biex insolvuhom  billi npoġġu madwar mejda.
Għalhekk fil-kuntest tas-‘summit’ jiena ma naħsibx li xi wieħed rebaħ u l-ieħor tilef imma jekk saret xi rebħa saret għal kulħadd. Issa s’intendi l-Ġermanja kellha ftit tat-tort fuq dan għaliex kienet Merkel li kienet fil-passat iżżomm iebes u kienet b’mod mhux demokratiku tiftiehem ma’ Sarkozy ta’ Franza u mbagħad mingħajr ħadd ma jgħid kelma fil-Kunsill kien isir li tgħid hi biss. Din id-darba kienet diffe­renti!

Li ġie miftiehem wara ħafna negożjati iebsa hu li kontra l-passat is-self jew ‘bail-out’ li fl-aħħar mill-aħħar kien ikun sejjer għal xi bank li waqa’ fl-inkwiet imur dirett għandu.  Kontra dak li ġara fl-Irlanda il-fond li jintuża għall-‘bail­outs’ tal-gvernijiet jista’ jin­għata għall-bank li jkollu problema. Mhux jingħata lill-gvern tiegħu bħal ma ġara fil-każ ta’ l-Irlanda. Niftakru sew li fil-każ tal-Irlanda, il-Gvern kellu jiddejjen bil-kbir biex jgħin bank Irlandiż u ta’ hekk ġab lil pajjiżu arkupptejh. B’hekk kien  tgħabba t-‘taxpayer’ biex iħallas piżijiet kbar lill-bank tiegħu fl-Irlanda u mbagħad pajjiżhom ingħata ‘bailout’ b’dawk il-kundizzjonijiet iebsin fuq it-‘taxpayers’, fuq il-pensjonijiet, fuq il-pagi u fuq is-servizz pubbliku inġenerali.

Din id-darba Spanja rnex­xilha tidderieġi l-‘bailout’ lejn il-bank Spanjol direttament. F’dan is-sens kien hemm kambjament kbir fil-każ ta’ Spanja fejn se jingħata dawk il-mitt biljun ewro.
Biex tpatti għal dan Merkel rebħet il-prinċipju li jrid ikun hemm Unjoni Bankarja fejn is-superviżjoni tal-banek tibda ssir diretta minn Awtorita ċentrali Ewropea qrib il-Bank Ċentrali Ewropew taħt il-Presidenza ta’ Mario ieħor, Draghi, u mhux taħt ir-Regulaturi Nazzjonali bħal fil-każ ta’ Malta, l-MFSA.
Veru li l-Gvern Spanjol jew gvern ieħor xorta se jkun mitlub jkun garanti u xorta baġit iebesmhux se jeħilsu minnu, imma hemm differenza kbira ta’ kif se naħdmu għal qud­diem. Għaliex biex jiġi aċċettat dan il-prinċipju r-raġuni tgħid­lek li kull min se jsellef lil dawn il-banek irid ikollu xi kontrol fuqhom. Dan jgħodd mhux biss għall-Ġermanja imma għal kull min se jsellef il-flus inkluż Malta.
Self ta’ mitt elf biljun ewro biex issir rikapitalizzjoni tas-settur bankarju Spanjol m’humiex ċajta. Kien għalhekk li ma dan il-ftehim kien hemm ieħor li jorbot lil Membri Stati taż-Żona Ewro li jwaqqfu Għaqda Bankarja. Fuq xi tfisser u jekk huwiex ta’ van­taġġ  għall-Malta nitkellmu dar­b’oħra.

 

Integrazzjoni Ekonomika  u Politika

 

F’din il-Laqgħa Għolja kien hemm diskussjoni estensiva fuq il-kunċett ta’ integrazzjoni iktar wiesgħa fl-aspetti ekonomiċi, monetarji, bankarji u politiċi.
Hawnhekk ukoll wieħed irid jgħid eżatt x’sar. Fil-każ ta’ Malta per eżempju, fil-bidu tas-sena l-Gvern ħabbar li kien se jqaċċat €40 miljun mill-Baġit wara li kellu diskussjonijiet fil-magħluq mal-Kummiss­joni. Affarijiet bħal dawn issa se jiġu iktar fil-miftuħ fejn jidħol l-indħil mill-Kummissjoni fuq il-baġit. Dan jaqa’ taħt il-kappa ta’ teżor wieħed Ewropew.
Dan għandu l-vantaġġi tiegħu għax jagħmel lill-ewro iktar stabbli. Però għall-Malta aħna għandna l-biża’ li jekk din imbagħad tittieħed lil hinn mill-baġitu tibda tindaħal f’dawk li huma taxxi, speċjalment armonizzazzjonijiet tar-rati tat-taxxi fuq il-kumpaniji, hemmhekk allura jkun ta’ periklu għall-industrija tagħna, sew tal-manifattura u sew tas-servizzi finanzjarji. Wieħed għad irid jara  li dan ikun miftiehem ċar, li waqt li wieħed jifhem il-bżonn ta’ koeżjoni u kordinament f’dawk li huma baġits, żgur li ma għandux ikun hemm ebda ndħil ieħor. Fuq kollox f’dawk li huma taxxi tal-pajjiż din hija xi ħaġa li qiegħda  fit-Trattat illum.
Niġu għall-ftehim innifsu. Dan huwa ftehim li kulħadd qed jgħid kemm kien tajjeb,  però għad m’hemm xejn dettaljat fuq il-karta dwaru. Dan ħareġ ċar mill-laqgħa li kellna mal-President tal-Bank Ċentrali Mario Draghi. Daqsna wera li ma jaf xejn u li qafas ta’ li ftehmu se jsir matul is-sajf.

 

Bdejna t-triq


Mill-lat pożittiv hemm il-fatt li għall-ewwel darba s-‘summit’ ma jitkellimx biss fuq awsterità u iktar awsterità imma qed jitkellem fuq it-tkab­bir tax-xogħol u fuq it-tkabbir ekonomiku. Din hi xi ħaġa li wiegħed il-President Franċiż François Hollande fil-wegħda elettorali tiegħu u li wassal fis-‘summit’.
Mhux għax wieħed għandu jimpressjona ruħu fuq x’qed jipproponu għal dan it-tkabbir.
Per eżempju nisimgħu €130 biljun li se jkunu investiti għat-tkabbir. Meta tiflihom issib li kull m’hemm hu li l-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) se jingħata għaxar biljuni biex iżid il-kapital tie­għu mbagħad il-kumplament joħroġhom billi jbiegħ bonds u jissellef fis-swieq internazzjonali.
Insibu wkoll li €55 biljun se jittieħdu minn programmi li diġà jeżistu fil-fondi strutturali u li ma ntefqux mill-pajjiżi membri. Jiġifieri tara wisq tiġbid l’hemm u l’hawn u meta tara €130 biljun li huma €30 biljun iżjed milli ingħata bank wieħed Spanjol u mbagħad trid tikkomparhom ma’ dak li jridu jintefqu f’27 pajjiż tindu­na li dan mhuwiex se jkun biżżejjed.
Fil-fatt hawnhekk fi Brussels  qegħdin ngħidu li dan mhux biżżejjed biex it-tkabbir ipatti għar-riċessjoni li qegħdin fiha numru ta’ pajjiżi. Fuq il-garanzija tax-xogħol għaż-żgħażagħ l-istess wieħed isib li se jin­tużaw fondi li diġà jeżistu fil-fond soċjali ewropew (ESF) tal-pajjiżi membri.
Minn naħa l-oħra wieħed ma jistax joqgħod igerger fuq pass pożittiv żgħir kemm hu żgħir u bħalma jgħidu bl-Ingliż għall-inqas wieħed beda jara xi ftit tad-dawl ‘at the end of the tunnel’. Bil-Malti wieħed jgħid li “forsi dorna l-kantunie­ra”.
Nikkuntentaw ruħna li   bdiet it-triq  it-tajba u nisperaw li din titkompla biex l-ewro ssalva u jkollna dak li jixtieq kulħadd – it-tkabbir ekonomiku u t-tkattir tax-xogħol.

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 16 ta’ Lulju, 2012


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *