“Monti, Quo Vadis?”


Mill-aħbarijiet kull ma naraw u nisimgħu dwar l-Italja huma l-protesti u l-għajjat tan-nies fit-triq imweġġa’ bil-miżuri ħorox tal-Gvern ta. Infakkru li dan hu Gvern li ma kienx elett mill-poplu. Huwa Gvern teknokratiku li kien impost fl-eqqel tal-kriżi mill-pajjiżi kredituri rrapreżentati mill-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea.

Jekk ma jirnexxix dan l-esperiment ta’ kif għandek toħroġ pajjiż minn kriżi skond il-prattiċi ekonomiċi l-iktar mitkellma u aċċettati mill-Unjoni Ewropea, allura tista tgħid li l-proġett tal-Ewro jkun falla.

Imma eżattament x’inhu jiġri? Qed isir progress fl-Italja jew l-affarijiet sejrin mill-ħażin għall-agħar?

Dan eżattament hu dak li jrid ikun jaf il-Parlament Ewropew fl-ispirtu tas-simestru ekonomiku li miegħu huma marbutin il-pajjiżi fiż-żona ewro. Hu għalhekk li bħal ma sar fil-każ tal-Greċja u l-Irlanda huwa bagħat delegazzjoni żgħira mill-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji biex titħadded f’Ruma mal-protagonisti prinċipali kif ukoll mar-rappreżentanti tal-poplu fiż-żewġ kmamar tal-Parlament Nazzjonali.

 

Impressjonijiet

Din id-delegazzjoni għolja li jien iffurmajt parti minnha kienet tinkludi lil sħabi soċjalisti Elisa Ferreira u Gianni Pitella, Burkhad Balz u Theodor Stolojan mill-EPP u Wolf Klinz mill-Liberali.

Il-finanzi tal-pajjiż f’dan il-każ ikunu quddiem nett fil-lista ta’ prijoritajiet. Kien għalhekk li l-ewwel żewġ laqgħat kienu mal-Ministru tal-Finanzi Vittorio Grilli u mal-President tal-Banca d’Italia, Ignazio Visco.

Wara iltqajna mal-Kap tal-Aġenzija tal-Istatistika ISTAT, Enrico Degiovanni; u mal-Kapijiet tal-Awtoritajiet Regolatorji għall-Kompetizzjoni u l-Borża, Giovanni Pitruzella tal-Awtorita’ tal-Kompetizzjoni u Giuseppe Vegas tal-Consob.

L-għada t-Tlieta id-delegazzjoni kellha laqgħa mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Enzo Moavero, f’Palazzo Chigi. Wara nofsinhar id-delegazzjoni ħadet sehem f’dibattitu f’kumitat konġunt tas-Senat Taljan f’Palazzo Madama. Id-diskussjoni kienet dwar il-futur taż-żona Ewro.

Li nista’ ngħid huwa li bħala delegazzjoni konna kollha impressjonati ħafna bil-livell ta’ kompetenza, integrita’ u esperjenza internazzjonali li għandhom dawn il-mexxejja finanzjarji u ekonomiċi fl-Italja u li bħalissa qegħdin imexxu l-pajjiż waqt l-agħar kriżi ekonomika li qatt għadda minnha.

 

 

Gvern Teknokratiku

Ħafna huma li jgħidulek li xorta dawn in-nies mhumiex hemm bi kredenzjali demoratiċi, għaliex ma ġewx eletti mill-poplu. Dan hu minnu u dan il-kumment aħna għamilnieh magħhom. Ħareġ ċar iżda li huma mhumiex apoloġetiċi għal din is-sitwazzjoni. Huma jafu li mhumiex hemm għax għandhom il-fiduċja tal-poplu jew għaliex qed jikkonsultaw mal-poplu. Xejn minn dan. Huma jqisu ruħhom bħala gvern ta’ emerġenza, qisu ta’ żmien il-gwerra, li intalbu jagħmlu biċċa xogħol xejn popolari iżda li hi neċessarja għax jekk ma jagħmluhiex il-pajjiż jaqa’ f’falliment.

Huma stess jgħidulek li la jikkonsultaw mal-unions u lanqas mal-għaqdiet professjonali meta jgħaddu dawk in-numru kbir ta’ ‘decreti legge’. Għandhom ir-riċetta u qed japplikawha bl-aħjar metodi xjentifiċi u ekonomiċi ta’ dan iż-żmien. Huma stess m’għandhomx pretensjonijiet biex jiġu eletti. Jgħidulek issa ssir elezzjoni, u din se ssir dalwaqt, imbagħad l-poplu jiddeċiedi hu.

X’qed jiġri veru

Mid-diskussjonijiet fil-fond u l-figuri li rajna jidher li qed isir progress kbir. Il-finanzi tal-gvern bdew juru surplus minnflok deficits fil-kont primarju. Sintendi dan il-progress iridu jkompluh għall-inqas sal-2018 biex id-dejn jinżel għal livelli aċċettabli. L-iktar ħaġa li huma iddiżappuntati biha hija r-riċessjoni li għandna fiż-żona ewro u l-mod kajman li miexja l-ekonomija globali li mhux qed tgħin biex il-pajjiż idur il-kantunieri iktar malajr. Huma jiddeskrivu dan il-kurrent kuntrarju bħala “headwind”.

Meta ġew għar-riformi kellhom għadma iebsa. Huma identifikaw l-arterji prinċipali tal-ekonomija, li huma l-enerġija, it-trasport, id-distribuzzjoni tal-farmaċewtiċi u fuel, l-professjonisti u l-amministrazzjoni pubblika.  Sa anke waqqfu unit fl-Awtorita’ tal-Kompetizzjoni li tiffoka fuq il-kunflitt ta’ interess ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet prinċipali tal-pajjiż. Fuq kull settur għaddew liġijiet għal tal-apposta u regolaturi bis-saħħa li jieħdu azzjoni u japplikaw sanzjonijiet.

Il-kapijiet ta’ dawn l-awtoritajiet huma kollha persuni bi kwalifiċi u esperjenza internazzjonali f-istituzzjonijiet ewlenin bħalma hi l-OECD, l-IMF u l-World Bank. Jitkellmu ingliż perfett u stmati mill-komunita’ professjonali internazzjonali.

Allura fuq dak li standing qed jieħdu deċiżjonijiet li huma iebsa, pero’ li jitwemmnu mis-swieq finanzjarji internazzjonali li għandhom is-saħħa isalvaw jew jgħerrqu lil pajjiż.

Il-politiċi taljani qed iħalluhom  jagħmlu x-xogħol ta’ tindif għalihom.

Il-futur politiku hu inċert. Bħalissa iktar hemm vot ta’ protesta bħal ma ġara fi Sqallija fejn Peppo Grillo buffu popolari li konna narawh spiss fuq it-televiżjoni jġib ċertu percentaġġ sabiħ tal-voti fl-elezzjoni fi Sqallija. Ma naħsibx li xi ħadd jippretendi li dan se jmexxi l-pajjiż imma dik hija s-sitwazzjoni.

Indirizz lis-Senat Taljan

Fis-senat Taljan ħassejtni iktar ottimist. Hemmhekk ħadt sehem f’diskussjoni ta’ livell għoli dwar il-futur tal-Ewro u x’inhu il-pronostiku għal pajjiżi membri sew fiż-żona u sew barra. Dan kollu fil-kuntest globali tal-lum. Il-biża’ qiegħed hemm. Jidher illi filwaqt li jingħad li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tingħaqad iżjed, jidher li kull mossa ġdida qed tifred iżjed milli tgħaqqad.

Dan joħloq ċertu tħassib għaliex bħala reġjun l-Ewropa meta tqabbilha maċ-Ċina u mal-Amerika, tidher li ser tibda taqa’ lura. Qiesa qed tixjieħ. Trabbi l-artrite. Tnaqqas mill-aġilita’ neċessarja biex ittellaq u tkun minn ta’ quddiem.

Dawn huma ħsibijiet serji li ser jolqtu l-futur tagħna u ta’ uliedna. F’pajjiżna wasal iż-żmien li ma nkomplux ngħedew fuq il-ħmerijiet u naraw kif ma nkomplux naqgħu lura. Naħseb li jekk irridu dan nistgħu nagħmluh.

 

 

– l-orizzont : It-Tnejn, 5 ta’ Novembru, 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *