Fost ix-xogħol tal-Gvern u għalhekk ta’ kull Ministeru jew Ministru, li hemm xogħol kbir u diffiċli u hemm xogħol inqas diffiċli. Wieħed jimmaġina li proġett ikun ikkumplikat u li jieħu ħafna xhur jekk mhux snin, b’konsulenti, project management jitqies diffiċli. L-istess fl-għalqa finanzjarja, fil-baġit, il-mod kif jirnexxilek li żżomm l-ispiża, li jkollok surplus b’mod li twaqqa d-dejn. Iżda jiena naħseb u forsi hawnhekk wieħed ma jirrealizzax daqshekk li l-aktar ħaġa diffiċli għall-Gvern huwa mhux x’li jagħmel hu: għax li tagħmel inti u li huwa taħt il-kontroll tiegħek diffiċli kemm hu diffiċli huwa f’idejk. Iżda meta jkun f’idejn in-nies u inti tħoss li hemm bżonn li jbidlu l-mod kif jgħixu, għaliex hawnhekk qed tidħol f’prinċipju dwar jekk il-Gvern għandux ikun il-missier li jistma lin-nies bħala tfal u jrid jgħallimhom. Dan jista jkun fl-interess tagħhom jew fl-interess pubbliku speċjalment fuq is-saħħa, x’jieklu, fuq l-indafa, fuq it-traffiku kif għandhom isuqu, x’jikkonsmaw- jekk ipejpux jew le. Dak hu diffiċli għaliex tkun qed tindaħal fil-libertajiet tal-individwi; libertajiet li kulħadd iħossu li għandu jiddeċiedi hu.
Min-naħa l-oħra meta għandek studji u għandek ukoll osservazzjonijiet u tara li hu ta’ dannu kbir għall-pajjiż mhux għall-individwu biss u għall-familja tiegħu imma dannu għall-istess pajjiż u għas-saħħa tiegħu l-gvern huwa fid-dmir li ma jirreaġixxix.
Ejja nieħdu eżempju fil-kamp tas-saħħa: fuq kollox il-Gvern qiegħed permezz tat-taxxi jilqa’ għall-ispejjeż tal-isptarijiet, u għall-mediċini, u għall-operazzjonijiet; u meta jara li din l-ispiża tista’ tonqos kieku l-bniedem u l-familji joqgħodu ftit aktar attenti kif jgħixu u x’jieklu allura l-Gvern ikollu jindaħal. Issa jekk jindaħalx b’mod li jgħallem li hija l-aktar ideali jew inkella jagħmilx liġijiet li jikmanda billi jgħid dik ma tistax issir. Jew issir billi jkollok tħallas multa goffa biex ma terġax tagħmilha. Jew billi nipprovdu kameras tas-sigurta’ ħalli jekk inti tagħmel xi ħaġa li mhux suppost bħal per eżempju twaddab xi skart f’postijiet fejn mhux suppost- b’din il-kamera tas-sigurta’ inti tinqabad. L-istess japplika f’każ ta’ sewqan perikoluż jew meta wieħed jaqbeż il-limitu tal-veloċita’- din il-kamera tieħu r-ritratti illi tal-pjanċi tal-karozza u teħel multa. Din id-diskussjoni hija ferm kontroversjali avolja fl-ideal wieħed jixtieq li ssir.
L-aktar kontroversjali huwa dwar l-ikel; nafu llum li l-obeżita’ u l-ikel ta’ xaħmijiet u li fihom iz-zokkor, il-luminati, il-xarbiet tal-frott li jkun fihom ħafna zokkor nafu li jqasru l-ħajja. Konsegwentament, inkunu qegħdin nagħmlu dannu lill-familja li qed iżżidilha l-ispiża u t-tbatijiet, twassal għal nuqqas ta’ xogħol għaliex inti meta timrad ser tnaqqas il-kontribut tiegħek lejn is-soċjeta’ u lejn id-dħul tiegħek. Tkun ukoll qed titfa tagħbija żejda fuq il-gvern u allura trid jew ma tridx ħafna pajjiżi pprovawha billi introduċew taxxa fuq iz-zokkor. Żgur li kwalunkwe ħaġa għandha l-kumplessita’ tagħha.
Taxxa fuq iz-zokkor tolqot lil fqir, tolqot liż-żgħir u lil min ma jistax jixtri ħut u laħmijiet u allura jispiċċa juża affarijiet magħmula mit-dqieq u xarbiet li jkunu biz-zokkor ħalli jixba. Hawnhekk wieħed irid joqgħod attent. Għalhekk, il-Gvern żied id-doża fejn jidħol it-tagħlim u l-prograss. Eżempju klassiku huwa s-sigaretti; dawn bdew billi wieħed jgħallem u jipprova jiskoraġġixxi. Bdew jiżdiedu ż-żoni fejn ma tistax tpejjep fosthom f’postijiet pubbliċi, fil-lukandi, djar pubbliċi bħad-djar tal-anzjani, fl-isptarijiet, fl-uffiċini tal-Gvern, fil-lifts fost l-oħrajn. Il-kampanja ta’ kuxjenza bdiet tiżdied billi bdew jiżdiedu l-istampi u l-avviżi fuq il-pakketti tas-sigaretti. Pero ma morniex fl-estrem bħal ma nagħmlu fuq id-drogi fejn aħna nabolixxu u allura titla mill-ewwel il-Qorti u nikkriminalizzaw l-attivita’. Dan għaliex huwa vizzju li ndara u daħal fis-soċjeta u allura nipprovaw kemm jista’ jkun niskoraġġixxu permezz ta’ multi.
F’eżempji oħra bħal ma huma l-iskart. Dawn huma kontroversjali ukoll għaliex inti l-ewwel tgħallem imma fejn tara li ma wasaltx, trid iżżid il-multi. Pero fl-istess ħin ser issib min jgħidlek li inti trid tipprovdilu alternattiva fejn jiddisponi mill-iskart għaliex ser jargumenta li jekk dan ma jsibx fejn jarmi ser jiddisponi fl-ewwel post li jsib. Dan japplika speċjalment għal min hu irresponsabbli għax mingħajr ebda tlaqlieq ser jagħmilha. Mela allura trid tara li tipprovdilu post u tgħalmu ħalli hu jsibha faċli u akkoljenti u jagħmilha b’mod sew. Dawn huma l-metodi li wieħed jagħżel.
Min-naħa l-oħra dwar l-ikel hija iktar diffiċli. Dwar il-mard li jiġi min-natura kulma jmur qegħdin insibu kaptu tiegħu speċjalment il-mard tal-qalb u l-kanċer fost l-oħrajn dejjem qegħdin nagħmlu avvanzi. Iżda meta qed insibu meta naraw li l-fattur li jwaslu għal dan il-mard issa ġej minna mill-mod kif inniġsu l-arja, mit-tip ta’ ikel li qegħdin nieklu, mill-mod kif qed nipproduċu l-ikel, u allura hawnhekk huwa fid-dmir tal-Gvern li jwettaq. Huwa minnu li huwa diffiċli ħafna, huwa kontroversjali u jrid jgħallem u jrid ifisser ħalli l-familji u ċ-ċittadini u l-Maltin u l-Għawdxin jiġu jaqblu mal-Gvern illi kemm jista’ jkun dan jiġi skoraġġit bil-qawwa kollha għaliex huwa fl-interess mhux biss pubbliku imma fuq kollox fl-interess tal-familja li trid tgħix aħjar.
Il-Ġimgħa 19 ta’ Lulju 2019