Pajjiżna fil-Parlament Ewropew


Aktar kmieni din il-ġimgħa l-Parlament Ewropew iddiskuta s-suppost kollass tas-Saltna tad-Dritt f’pajjiżna. Kull min segwa d-dibattitu seta’ faċilment jinnota l-iskorrettezzi u l-esaġerazzjonijiet dwar pajjiżna li bdew jingħadu u jkunu ripetuti minn uħud mill-Membri Parlamentari Ewropej li jappartjenu lill-Partit Popolari Ewropew (PPE), il-grupp li lilu jappartjeni l-Partit Nazzjonalista.

Skorrettezzi u esaġerazzjonijiet li la jagħmlu ġieħ lil min qalhom, la lil min instigahom u lanqas lil min appoġġjahom għax kollha jafu li kienu ferm bogħod mill-verità. Aktar u aktar meta kien hemm min irrefera għas-settur finanzjarju u akkuża lil pajjiżna b’affarijiet li ftit tal-ġranet qabel kienu ġew skartati bl-aktar mod kategoriku mir-Rapport tal-Kumitat Pana.

Imma la darba kienu ddeċidew li jippruvaw jagħmlu ħsara lil pajjiżna allura baqgħu għaddejjin b’dak li kellhom preparat minn qabel. U għalhekk huwa għajb għal min ingħaqad f’dan l-attakk fuq pajjiżna, inklużi t-tliet Membri Parlamentari Ewropej eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Ma jfissirx li f’pajjiżna kollox perfett. Imma liema huwa dak il-pajjiż li jista’ jsejjaħ lilu nnifsu perfett f’kollox, inklużi dawk li Membri Parlamentari Ewropej tagħhom tgħidx kemm ikkritikaw lil pajjiżna?

Żgur li mhux ġustifikabbli qtil ta’ persuna, aħseb u ara ta’ ġurnalista. Imma ma jistax jingħad li l-Gvern mhux qed jagħmel dak kollu possibbli biex ikun solvut il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kif wara kollox ġie rimarkat fil-Parlament Ewropew stess minn min verament kien qed jitkellem b’mod ġenwin. Żgur li ma jistax jingħad li f’pajjiżna l-libertà tal-espressjoni, il-midja f’kull forma tagħha hija b’xi mod imxekkla jew li l-pajjiż qiegħed f’kaos totali.

Min segwa d-dibattitu seta’ faċilment jinnota kif kien hemm min irrimarka li l-Gvern Malti talab l-għajnuna barranija inkluż tal-Europol bilgħan li jkun solvut il-każ. Min ma kienx ġenwin fi kliemu warrab dan kollu u ċertament li meta l-Maltin u l-Għawdxin iħarsu madwarhom fl-isfond ta’ dak li intqal minn xi wħud fil-Parlament Ewropew jistaqsu lilhom infushom jekk dawn id-diskorsi kienux verament dwar pajjiżna.

Ma jfissirx li Membru Parlamentari Ewropew Malti jkun qed jagħmel xiħaġa ħażina jekk iħoss li għandu jirrimarka dwar suġġett partikolari li jħoss li dwaru ma jkunx sar biżżejjed f’pajjiżu. Ma naħsibx li kont żbaljajt meta fil-Parlament Ewropew f’okkażjoni partikolari kont qajjimt il-każ ta’ ħsejjes kbar mill-Freeport fuq in-naħa ta’ Birżebbuġia wara li kien irriżulta li mappa li kellha ssir biex almenu jkunu kontrollati l-ħsejjes saret fuq il-Belt Valletta u tas-Sliema u mbhux fuq Birżebbuġa. Kont kritikajt dan il-fatt b’mod moderat. Imma b’hekk ma kontx qed nikkundanna lil pajjiżi.

Hija xiħaġa rari li fil-Parlament Ewropew ikun hemm pajjiżi li jikkundannaw xi pajjiż ieħor. Eżempju ta’ dan niftakar meta l-Gvern Taljan ta’ Berlusconi ġie kkritikat bil-qawwi kollha għall-fatt li kien qal li se jiftaħ l-imigrazzjoni klandestina u jagħti l-passaporti biex l-klandestini jinfirxu mal-Ewropa kollha.

Fl-istess diskussjonijiet li saru dwar Malta hemm il-każ tal-Ungerija fejn il-Gvern Ungeriż mexa kontra l-ispirtu demokratiku li għandu jkollu kull pajjiż meta għalaq il-gazzetti u pprova jindaħal fil-Bank Ċentrali, indaħal sfaċċatament lill-Qrati, saru arresti ta’ membri tal-Oppożizzjoni u bil-mod il-mod bdew jitneħħew id-drittijiet u l-libertajiet flimkien ma’ bini ta’ ħitan, affarijiet li mhumiex demokratiċi u huma kundannabbli.

Ma jidhirlix li f’pajjiżna sar jew qed isir xiħaġa simili u sadattant Membri Parlamentari Ewropej tal-PPE fil-konfront tal-Ungerija rreaġixxew b’mod ferm differenti mill-mod kif ħadmu fir-rigward ta’ pajjiżna stess.

U la darba qiegħed nikteb fl-isfond ta’ dak li seħħ fil-Parlament Ewropew fir-rigward ta’ Malta aktar kmieni din il-ġimgħa naħseb li huwa opportun li nagħti ħarsa ħafifa lejn x’inhu eżattament ir-rwol ta’ Malta fil-Parlament Ewropew. Nagħmel dan abbażi ta’ kważi ħames snin esperjenza li servejt bħala Membru Parlamentari Ewropew.

Huwa fatt magħruf li Malta hija fost l-iżgħar pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u għalhekk ir-rappreżentanza tagħna fil-Parlament Ewropew hija ta’ sitt membri li jkunu eletti kull ħames snin. Għandna sitt membri u dawn mhux abbażi proporzjonali bażata fuq l-ammont tal-popolazzjoni imma għax hemm speċi ta’ numru minimu ta’ membri li pajjiżi żgħar bħal Malta għandu jkollhom.

Xorta waħda fil-Parlament Ewropew, li huwa ffurmat minn 750 Membru Parlamentari, mad-daqqa t’għajn rappreżentanza ta’ sitta biss tidher bħal qatra f’oċejan. Dan huwa kollu minnu, imma jibqa’ l-fatt li Malta għandha vuċi fil-Parlament Ewropew u jiddependi fuq kemm taħdem bil-għaqal u b’kapaċità r-rappreżentanza tagħna li pajjiżna jingħata importanza u jkun rispettat il-kontribut ta’ pajjiżna.

Huwa umanament impossibbli li s-sitt Membri Parlamentari Maltin ilaħqu ma’ ‘l fuq minn 20 kumitat tal-Parlament Ewropew. U allura r-rappreżentanza Maltija tkun trid tagħraf tagħżel li tipparteċipa b’mod dirett f’dawk il-kumitati li finalment ikunu l-aktar importanti għal pajjiżna. Ikun imbagħad jiddependi fuq il-kapaċitajiet tal-Membru Parlamentari nnifsu li jingħata l-inkarigu ta’ rapporteur ta’ kumitati partikolari li xogħlu jkun li jaħdem fuq il-preparazzjoni ta’ leġislazzjoni partikolari li l-abbozz tagħha jingħatalek mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra tista’ tingħata l-inkarigu ta’ shadow rapporteur f’isem il-Grupp Politiku li lilu tappartjeni u allura tkun trid tmexxi n-negozjar mar-rapporteur dwar emendi li l-Grupp tiegħek iħoss li għandu jressaq għall-abbozz ta’ leġiżlazzjoni kif imħejji mill-Kummissjoni.

Qiegħed nispjega dan kollu biex nuri kif minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna xorta waħda għandna vuċi fil-Parlament Ewropew u xorta waħda nistgħu nattiraw importanza għal pajjiżna.

Personalment nista’ ngħid li ma kinetx okkażjoni waħda fejn inħtart rapporteur biex inħejji rapporti ta’ importanza kbira. Kont rapporteur fil-każ tad-dħul ta’ l-Estonja fiz-Zona Ewro. Ingħatajt l-istess inkarigu meta stabbilejna dak li jissejjaħ European Stability Mechanism speċifikament biex il-Greċja tingħata bail out mill-kriżi finanzjarja li kienet tinsab fiha. Xiħaġa li kienet maħsuba wkoll biex tkun tista’ tapplika għal pajjiżi membri oħrajn li jistgħu jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni li kienet il-Greċja.

Tħoss sodisfazzjon kbir li tkun qiegħed tirrappreżenta lil pajjiżek minn pożizzjoni daqshekk importanti. U huwa għalhekk li trid tagħraf taħdem f’oqsma li jkunu jistgħu jolqtu direttament lil pajjiżek, li dak li se jkun qiegħed jiġi deċiż trid tikkunsidrah ukoll mil-lat nazzjonali, minn kif jista’ jolqot lilna bħala Malta.

L-MEPs Maltin għandhom responsabbiltà kbira fuq kif jiġi stmat pajjiżna fl-Unjoni Ewropea. U għalhekk għad-dibattitu ta’ nhar it-Tlieta li għadda fil-Parlament Ewropew nemmen li r-reazzjoni ġenerali kienet ta’ kundanna għal min ipprova jkasbar lil pajjiżna għal xejn b’xejn. Kulħadd jaf li dak li sar fil-Parlament Ewropew jista’ jkollu effetti ħżiena fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Jaf li jista’ jkun affettwat l-investiment barrani, bil-konsegwenza li jkun affettwat il-ħolqien ta’ xogħol u l-progress ekonomiku ta’ pajjiżna.

Konvint li l-poplu kapaċi jasal għal ġudizzju fuq dak li sar nhar it-Tlieta li għadda fil-Parlament Ewropew dwar min verament għandu għal qalbu l-interess tal-pajjiż.

Orizzont  17-11-17

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *