Ma nistax nibda dan l-artiklu wara l-elezzjoni mingħajr ma nirringrazja lil kulħadd u nisperaw illi l-ħidma tul din il-leġiżlatura f’dawn il-ħames snin li ġejjin tkun ta’ sodisfazzjon bħalma kienet dik ta’ qabilha fl-aħħar erba’ snin li għaddew.
Jekk tiftakru sew qabel l-elezzjoni kien hemm dak l-istorbju, kritika u kummenti għaddejjin, wieħed jgħaddi fuq l-ieħor u dejjem jiżdiedu u jkomplu jiżdiedu. Kont ngħidilkom illi l-għada ta’ l-elezzjoni l-affarijiet jikkwietaw, it-trab jilħaq jogħqod u mbagħad immiddu jdejna għax-xogħol bħal qabel. Dan huwa llum.
Illum, l-għada tal-elezzjoni biex ngħidu hekk, irridu mmiddu jdejna u nibdew naħdmu. Wieħed irid jara fejn ħalla u fejn se nkomplu. L-elettorat ukoll daħal f’dak l-ispirtu għax ivvota kif ivvota għax jaf illi wara dak l-istorbju kollu b’dak il-kliem għaddej miż-żewġ naħat, u kultant kliem iebes ħafna, fl-aħħar mill-aħħar wieħed irrid jerġa’ jmur lura għax-xogħol. Il-familja trid tgħix, it-tfal imorru l-iskola u jibdew l-aspirazzjonijiet għall-futur li jsibu x-xogħol, li jkollhom dħul tajjeb li forsi jagħmlu ftit sahra u ukoll illi mbagħad jitgawda dak id-dħul tagħhom permezz ta’ mhux biss affarijiet li huma ta’ kuljum imma ukoll xi vaganza fost affarijiet oħra. Din hija ħajja normali li l-familja taspira għaliha u emnet li dan il-Gvern jista’ jasal bħalma fil-fatt għamel f’dawn l-aħħar erba’ snin.
Fejn se mmorru? L-ekonomija fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena kienet b’saħħitha, dik ta’ erbgħa punt tnejn fil-mija. Huwa minnu li kienet ftit inqas milli kienet dawn l-aħħar sena, sentejn iżda nistgħu ngħidu li sabet dak li ngħidulu ekwilibrium ta’ ftit ‘il fuq minn erbgħa fil-mija. Erbgħa fil-mija hija rata tajba, anzi għall-Ewropej hija rata tajba ħafna speċjalment meta tara li aħna erġajna ġejna l-ewwel f’dik li hija rata ta’ tkabbir u rata ta’ żieda fix-xogħol. Rajna rapporti oħrajn mill-Bank Ċentrali u produzzjoni mill-Eurostat u kollha qegħdin jikkonfermaw din ir-rata.
Xi tfisser din ir-rata? Tfisser li jekk ma jiżdidux il-miżuri li fil-fatt għandna pjanati, din ir-rata wieħed għandu jistenniha b’mod normali, rata li hija wkoll sostenibbli. Abbażi ta’ investiment ġdid li jkompli jistimula l-ekonomija u allura wieħed jistenna ukoll meta tista’ wkoll titla’ ‘il fuq.
Din ir-rata hija rata li tlaħħaq mas-suq tax-xogħol, għax jekk għandna mhux kwistjonijiet ta’ ostakli imma dawk li bl-Ingliż ngħidulhom constrains illi jkunu qegħdin iżommuk. Għandek l-ewwel nett l-availability tan-nies. Il-problema llum m’hiex ta’ nies li huma bla xogħol, biex jinstabilhom ix-xogħol, għalkemm dan dejjem jibqa’ għax l-ekonomija mhix mejta, anzi, imma għaddejja l-ħin kollu. Hija bħal organiżmu ħaj u allura dejjem għandek li xi ħadd ħiereġ minn impjieg u dieħel f’impjieg ieħor.
Min ħiereġ mill-iskola, min jidħol fid-dinja tax-xogħol, min jirtira, l-ieħor joħodlu postu, bħala parti mill-proċess u dak huwa normali.
Ħaġa oħra hi jekk ikollok suq limitat, bħalma fil-fatt qed jiġri f’pajjiżna, fejn tant għandna rata qawwija li jkollna niddependu minn nies barranin biex l-ekonomija żżomm dik ir-rata u allura dejjem qed tiġi illimitat xi ftit jew wisq. Wieħed ma jistax jistenna rati li jikbru fenominali għax jilħqu dak li ngħidulu is-cealing. Għax hemm dak il-bżonn ta’ nies manodopera li inti jew se tħarreġ in-nies f’pajjiżek jew inkella se jkollok tiddependi minn nies barranin. Għandek ukoll limiti oħrajn, bħal, per eżempju, l-availability ta’ uffiċċini. L-ekonomija moderna tal-lum bħas-servizzi finanzjarji, I-Gaming u oħrajn għandhom bżonn uffiċini u allura jekk l-availability ma tlaħħaqx mal-produzzjoni allura hemmhekk għandek limitazzjonijiet oħrajn.
Ma’ dawn li semmejna għandek ukoll l-infrastruttura, it-toroq u traffiku. Mela allura investiment bħalma wegħedna qabel l-elezzjoni li se jkun immirat biex tkabbar l-ekonomija, tkabbar l-infrastruttura tal-ekonomija biex tlaħħaq ma’ ekonomija akbar. Bħal meta lit-tfal trid tmur tixtrilhom libsa ikbar għax ikunu qegħdin jikbru u dan hu li trid l-ekonomija. Biex l-ekonomija tkun komda bħalma wieħed ikun komdu fi ħwejjġu, trid tinxtara libsa li tkun adattata għall-persuna. Li issa l-ekonomija qegħda tikber allura trid infrastruttura akbar u iktar moderna.
Il-miri qegħdin hemm. Il-pjanijiet kif se jintlaħqu dawn il-miri qegħdin hemm ukoll. L-istess il-finanzjament għalihom. Jonqos biss li nibdew nimplimentaw dak li ppjanajna. Konvint li la darba nkunu qegħdin niġbdu ħabel wieħed allura se nkunu qegħdin għal darb’oħra nirnexxu f’ħidmietna b’risq pajjiżna.
16 ta’ Ġunju 2017