F’numru ta’ nkjesti li qed isiru f’dawn l-aħħar xhur, wieħed ripetutament jisma’ kif, il-kapijiet tal-entitajiet li qed jidhru quddiem min qed imexxi l-inkjesti, isemmu li fl-entita’ li huma jmexxu hemm nuqqas ta’ riżorsi, b’mod partikulari r-riżors uman.
Din hi xi ħaġa normalissima li tingħad minn min ikun qed imexxi, mhux biss f’pajjiżna iżda anki meta jkun hemm dan it-tip ta’ mkjesti f’pajjiżi oħra. Il-punt kruċjali għandu jkun jekk entita’ ma jkollhiex riżorsi biżżejjed li tista’ twassal li dik l-entitia’ ma tkunx tista’ taqdi d-doveri li għaliha ġiet imwaqqfa.
Bħala analoġija wieħed jista jsemmi l-mara tad-dar li minflok tmur taħdem f’xogħol barra mid-dar, tibqa’ ġo dara sabiex tara li jsir dak kollu li hu meħtieġ bħal tisjir u tindif tad-dar. Naħseb li jekk insaqsuha jekk għandiex bżonn xi ħadd ieħor li jiġi matul il-jum biex jgħinu fix-xogħol tad-dar, ir-risposta tkun waħda ta’ iva, u bla tlaqliq ta’ xejn u r-raġuni tkun li, b’din l-għajnuna, tkun tista’ jlaħħaq ma aktar xogħol li hu meħtieġ.
L-istess jiġri f’entita’ jew dipartiment. Meta xi ħadd jgħaddi xi kumment għax xi xogħol mhux qed isir, ir-risposta tkun għax m’għandix riżorsi umani suffiċjenti. Dan ifisser li wieħed ikun qed jassoċċja l-volum ta’ xogħol li jrid isir ma kemm wieħed għandu riżorsi umani għad-disponibilita’ tiegħu.
L-istess jista’ jingħad fejn jidħlu finanzi. Kullħadd irid imur vaganza barra minn pajjiżu iktar minn darba waħda kull sena. Iżda l-persuna tgħidlek imma li ma taffordjax aktar minn safra waħda fis-sena għax m’għandiex flus biżżejjed. U l-fattur ta’ nuqqas ta’ flus ikun il-limiting factor u jkun l-iskuża għal kull ħaġa li persuna ma tkunx tista’ tixtri.
Dan hu l-ewwel kunċett li studenti li jibdew isegwu kors universitarju fl-ekonomija jitgħallmu: l-bniedem, dak li jixtieq jagħmel, hu infinit u ma hemmx limitu. L-istess ħsieb imur fuq is-saħħa. Persuna li tkun għaddejja minn problemi ta’ saħħa, jkun irid l-aqwa kura, tiswa kemm tiswa u tingħata minn liema sptar u pajjiż li jiżisti fid-dinja. Pero’, f’kull ħaġa hemm limitu ta’ riżorsi, umani u finanzjarji.
Din il-limitazzjoni teżisti f’kull pajjiż u m’hix xi ħaġa karatteristika ta’ pajjiżna biss. Anki pajjiżi kbar għandhom il-limitu tagħhom. Ħadd ma jista jagħmel u jidħol għal affarijiet li ma jiflaħx għalihom għax jiffaċċja konsegwenzi kbar.
Din il-ġimgħa, il-President Trump, għaliex kien naqqas it-taxxa li kumpaniji jħallsu fuq il-profitti tagħhom u nefaq iktar milli kien jiflaħ, l-Amerika qed tagħmel defiċit kbir u allura semma’ li l-ispiża trid tonqos drastikatament. L-isfortuna ta’ din il-mossa hi, li peress li l-partit politiku ta’ Trump hu dak konservattiv, l-ispiża se tonqos minn fuq il-benefiċċji soċjali. Din se ġġib magħha problemi soċjali u jien ċert li fil-ġimgħat li ġejjin se nisimgħu ferm iktar fuq din id-deċiżżjoni. Il-messaġġ ċar hu li anki pajjiż kbir bħal iStati Uniti, ukoll wasal f’punt li kellu limitu fuq il-riżorsi tiegħu li wassal biex jittieħed il-pass li jkollu jnaqqas l-ispiża tiegħu.
L-importanti f’sitwazzjonijiet bħal dawn, mhux li nixxukjaw rwieħna, iżda li d-diriġenti li qed imexxu l-entitajiet tagħna, b’mod responsabbli, jaraw li jużaw ir-riżorsi kollha li għandhom bl-aktar mod effiċċjenti biex jinkisbu r-riżultati mistennijja minn dik l-entita’. Dik hi r-rwol tal-management. Diriġenti kapaċi, jużaw ir-riżorsi bil-għaqal, inaqqsu l-ispiża filwaqt li jibqgħu joffru prodott ta’ kwalita’ u jirreġistraw profitt għall-entita’ li jmexxu. Huma dawk il-kumpanijji li jkollhom diriġenti tajbin li jagħmlu profitt u jikbru. Kumpaniji u entitajiet li huma mmexxija minn diriġenti li jgergru u jwaħħlu fin-nuqqas ta’ riżorsi, ma jikbrux u ma jagħtux prodott ta’ kwalita’.
Fis-settur pubbliku ma hemmx kunċett ta’ profitt. Is-suċċess tas-settur pubbliku huwa li jara li jingħataw benefiċċji lil dawk l-individwi li għandhom ħtieġa ta’ din l-għajnuna ħalli jgħixu ħajja aħjar u filwaqt li jsir dan, jara li jkun hemm effiċjenza u li ma jkunx hemm ħela u sparparjal ta’ flus.
Jekk ikun hemm sparparjal ta’ flus, dan ikun ifisser li jkun hemm inqas flus biex jiġu nvestiti fuq l-edukazzjoni tat-tfal tagħna; fis-saħħa; fuq il-pensjonijiet; u fuq bosta inizzjattivi oħra. Fejn hemm ħela ta’ flus, dan ikun ifisser li biex tagħmel l-istess inizzjattivi, trid iktar flus u biex isir dan, gvern ikun irid jgħolli t-taxxi. Dan ikun ifisser li wieħed ikun qed jitfa’ piż enormi fuq kull min jaħdem. Din m’hix is-soluzzjoni. Is-soluzzjoni hi li jkollok nies li jimmaniġġjaw tajjeb ir-riżorsi li jkunu fdati lilhom.
Fis-settur pubbliku, hemm jaħdmu madwar ħamsa u erbgħin elf persuna. Dan ifisser li madwar tnejn u għoxrin fil-mija popolazjoni taħdem mal-gvern. Jekk l-impjiegi mal-gvern ikomplu jiżdiedu, dan ikun ifisser li s-settur privatt kollu inqas riżorsi minn fejn jattira individwi biex jaħdmu miegħu. Din hi xi ħaġa mhux mixtieqa. Dejjem insemmu u hu minnu li l-mutur tal-ekonomija Maltija huwa s-settur privat u għalhekk għandna ngġinuh u mhux inxekkluh.
Huwa mportanti li nżommu l-piż tat-taxxi fuq il-familji Maltin u Għawdxin, baxxi kemm jista’ jkun. Dan il-gvern jemmen bil-kbir fuq dan il-prinċipju u dan jixhdu it-tnaqqis fit-taxxi li saru matul dawn l-aħħar seba’ snin, tnaqqis li wassal biex jinħolqu bosta postijiet tax-xogħol ġodda. Fl-istess waqt, rajna kif ngħinu lil-faxex tas-soċjeta’ li jenħtieġu għajnuna biex itejjbu l-livell tal-ħajja tagħhom. Din hija ekonomija bilanċjata u f’dan kollu, is-settur pubbliku għandu rwol importanti. Kull min jaħdem fis-settur pubbliku għandu d-dmir li jara li mhux iżid ir-riżorsi umani, iżda jara lir-riżorsi li għandu jiġu mmaniġġjati u mħaddma b’mod effiċċjenti u ma jkun hemm ħela ta’ flus. B’hekk inkunu qed niżguraw li r-riżultati ekonomiċi u soċjali li qed jirrnexxiela niksbu, jitkomplew b’dan ir-ritmu.
Il-Ġimgħa 14 ta’ Frar 2020