Il-maġġoranza tan-nies iqisu il-banek bħala istituzzjonijiet serji u li wieħed għandu jafda li saħansitra wieħed ma jaħsibiex darbtejn sabiex jinvesti flusu mal-banek. Din il-fiduċja fil-banek ġejja mill-fatt li l-ġenituri jinkoraġġixxu it-tfal tagħhom mhux biss li jfaddlu iżda anki li jkollhom kont bankarju.
Din l-abitudni hija ta’ min jinkoraġġixxiha mhux biss għal ġid tal-individwu imma anki ghat-tkabbir tal-ġid ekonomiku għaliex in-negozju li jkun irid ikabbar l-attivita’ tiegħu u joħloq aktar postijiet tax-xogħol, ikollu bżonn jissellef kapital ta’ flus mill-banek. B’hekk ir-rota tkompli iddur.
U allura, mistoqsija f’waqta hija jekk din il-fiduċja fil-banek hix tonqos wara l-kriżi li għaddew minna ċerti banek barranin, tort ta’ ċerti prattiċi ħżiena li ħaddnu, fosthom il-prattika magħrufa bħala “subprime lending”. Fi kliem sempliċi, dan ifisser li bank isellef flus lil-individwi sabiex jixtru dar meta dawn l-istess individwi ma jkollomx xogħol u dħul regolari sabiex iħallsu lura is-self li jkunu għamlu.
Din kienet is-sitwazzjoni tal-banek Amerikani u f’ċerti pajjiżi oħra, liema sitwazzjoni wasslet biex fallew bosta banek. Wieħed irid isemmi ukoll li banek oħra ma fallewx għax kien hemm il-gvernijiet f’dawn il-pajjiżi li selfu bijuni kbar ta’ dollari jew ewros lil dawn il-banek sabiex jagħmlu tajjeb għat-telf, prassi li hi magħrufa bħala “bailout”. Din hi l-istorja li ġrat f’bosta pajjiżi.
Is-sitwazzjoni f’Malta kienet ferm differenti. Il-banek Maltin ma għaddewx mill-istess destin; baqgħu sodi. Din ma kinietx xi kumbinazzjoni imma frott il-prattiċi tajbin li l-banek tagħna iħaddnu, l-iskrutinju li jagħmlu fuq il-klijent , anki jekk xi kultant ikun hemm min jikkritika lil banek tagħna li huma burokratiċi iż-żejjed, u riżultat li għandna Regolatur sod fuq is-Sevizzi Finanzjarji. Dan kollhu wassal biex din il-kriżi fis-settur tal-banek ma laqtietx lil-banek li joperaw minn Malta.
Huwa għalhekk każ li jistona r-rapporti u d-diskorsi li qed jintqalu dan l-aħħar fuq ċerti prattiċi li allegatament qed iseħħu f’uħud mill-banek ewlenin ta’ pajjiżna. Allegazzjonijiet bħal dawn jinkwetaw lin-nies u jitfgħu dell ikrah fuq is-settur bankarju Malti, mhux biss jibqa ġewwa pajjiżna imma anki jmur barra minn xtutna.
Il-mistoqsija allura hija: X’inhu jiġri? X’inhi il-verita’? Minħabba il-kriżi mondjali f’dan is-settur kif għadni li spjegajt, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ewlenin imponew aktar regolamenti u obbligi fejn jidħol il-kapital li dawn il-banek irid ikollhom kif ukoll fuq il-livell ta’ self li dawn il-banek ikunu taw u li fuq liema self ma jkunx qed jitħallas lura kif miftiehem, dak li huwa mgħaruf bħala “non-performing loans”. Barra minn dan, il-banek, sat-tmien snin li ġejjin, ġew mitluba li jwarrbu flus, liema flus jiġu allokati f’fond singolu Ewropew li jagħmel tajjeb jekk xi bank Ewropew ifalli. F’każijiet bħal dawn, il-flus jintużaw biex isaħħu dan il-bank biex ma’ jfallix. Fil-każ tal-banek li joperaw minn Malta, dan il-fond ser ikun ta’ bejn sebgħin u tmenin miljun ewro. Skema oħra tiżgura li d-depożitanti jieħdu parti mill-flus li kienu iddepożitaw ma’ dak il-bank li jkun falla u allura ma jkunx il-gvern ta’ fejn jopera dak il-bank li jħallas il-kumpens lid-depożitanti.
Minħabba dawn l-obbligi ġodda, il-banek qed jirristrutturaw ruħhom u qed iwaqqfu dipertimenti speċjali li jevalwaw ir-riskju marbut ma’ kull self li jagħtu. Dan ser iwassal biex ikun hemm aktar skrutinju, speċjalment fejn jidħol self għan-negozju. Fil-fatt il-banek madwar id-dinja imma b’mod partikulari fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja, qed jidhru koroh u ikkritikati li qed ixekklu it-tkabbir tan-negozju. Pero’ wieħed irid iżomm f’moħħu li jekk dawn il-banek isellfu mingħajr skrutinju imbagħad jirriżulta li in-“non performing loans” ta’ dak il-bank jiżdied u l-bank jiġi imwissi mill-Bank Ċentrali Ewropew.
Pero’ il-banek qed ikollhom ukoll josservaw regolamenti u obbligi oħra liema regoli ġew imdaħħla sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu, il-korruzzjoni, il-ħasil ta’ flus u l-iffinanzjar ta’ attivita’ illegali bħal ma’ huma il-bejgħ ta’ armamenti u it-traffikar ta’ droga. Kienet l-Amerika li bdiet tagħmel pressjoni biex ikun hemm aktar kontrolli f’dan il-qasam. Dan wassal sabiex jiddaħħlu regolamenti iebsin li istituzzjonijiet li jkunu ser jaċċettaw depositi ta’ flus, iridu jaċċertaw li dawn il-flus ikunu ġew minn attivita’ legali.
Dawn ir-regolamenti qed iwasslu għal sitwazzjoni fejn qed ikun ferm diffiċli jekk mhux impossibli li individwi u negozjanti li joperaw minn pajjiżi li mhumiex Ewropej, jittrasferixxu flus f’banek Ewropej fosthom dawk Maltin, ħalli jagħmlu in-negozju. Dan qed iwassal ukoll f’diffikultajiet li negozjanti Maltin jagħmlu investiment u negozju ġewwa pajjiżi li m’humiex pajjiżi Ewropej, pajjiżi li minħabba li qegħdin jiżviluppaw ifisser li aktar hemm potenzjal ta’ investiment u opprotunita’ ta’ negozju.
Meta jsir negozju bejn kumpaniji Maltin u dawk barranin, il-ħlas għax-xiri tal-prodotti jew servizzi jew investiment, isir billi jiġu trasferiti il-flus mill-bank Malti għal bank ieħor barrani li miegħu il-bank malti ikollu ftehim ta’ ko-orperazzjoni, dak li huwa mgħaruf bħala “correspondent bank”.
Minħabba il-pożizzjoni ġeografika tagħna u ir-regolamenti iebsin li daħħlu f’dan il-qasam, bosta “correspondent banks” Amerikani u ta’ pajjiżi oħra, qed jieqfu milli jkomplu jaħdmu mal-banek li joperaw minn Malta. Ir-raġuni li qed iġibu hu dak li peress li Malta tinsab f’pożizzjoni ġeografika viċin l-Afrika ta’ Fuq, ir-riskju, f’termini tar-regolamenti, huwa ferm ikbar u allura jippreferu li ma jagħmlux tranżazzjonijiet ma’ banek li joperaw minn Malta. Dan qed iwassal għal negozju aktar diffiċli biex timplimenta u għalhekk trid toqgħod attent li ma twassalx lin-negozjanti jaqtgħu qalbhom u jieqfu milli jagħmlu negozju f’pajjiżi bħal Libja, Alġerija u l-pajjiżi tal Lvant Nofsani inkluż l-Iran.
Semmejt b’mod partikolari l-Iran għax dan hu pajjiż li għadu kif tneħħewlu is-sanzjonijiet kummerċjali, huwa pajjiż li għandu iż-żejt u pajjiż b’saħħtu u allura hemm prospetti sbieħ li jsir negozju ma’ dan il-pajjiż, issa li jista’ jibdew jagħmlu negozju ma’ kull pajjiż mingħajr ebda xkiel.
Dwar din il-qagħda tal-banek fejn tidħol l-Iran, aħna l-pajjiżi Ewropej qed noħduha b’serjeta’ kbira. Fil-fatt fl-aħħar laqgħa tal-ECOFIN li saret fi Brussel, tkellimna ma’ uffiċċjal ogħli amerikan responsabbli għall-affarijiet barranin sabiex naraw jekk il-problema hiex ġejja minn naħa Amerikana jew minn sorsi ohra.
Qalulna li l-istandards fl-Iran ghadhom ma gewx aggornati bhal dawk fl-Ewropa.
Dan hu minnu għax fil-banek Ewropej inkluzi Maltin qed jiġu investigate kontijiet bankarji li nfetħu saħansitra anki ħmistax il-sena ilu u jekk jirriżulta li hemm ċerti dubji fuq min huma il-benefiċċjarji ta’ dawn il-kontijiet bankarji, ir-Regolatur, li fil-każ ta’ Malta huwa il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU), qed jinsisti li dawn il-kontijiet bankarji jingħalqu.
Dan hu proċess li qed isir minħabba il-bdil tar-regolamenti li ma jfissirx li fil-passat xi bank ma kienx mexa’ skont ir-regolamenti li kienu fis-seħħ f’dak il-żmien partikulari. Dan il-proċess juri kif Malta għandha dawk l-istrutturi regolatorji sabiex il-qasam finanzjarju jibqa’ jżomm l-istandards għoljin.
Imma wieħed ma jridx ma jwissiex fuq il-ħsara kbira li tkun qed issir, meta ċerti media, b’mod sensazzjonali, timplika li il-banek li joperaw minn ġewwa Malta qed ikunu involuti f’xi ħasil ta’ flus. Din altru li m’hix il-verita’ tal-fatti. Il-fatti huma li għandna kemm ir-Regolatur ta’ kontra il-ħasil tal-flus, l-FIAU, kif ukoll ir-Regolatur Finanzjarju, l-MFSA, li qed jagħmlu xogħolhom, liema superviżżjoni tas-settur twassal sabiex id-dubji li jista’ jkun hemm jitneħħew.
Bħal kull ħaġa oħra, il-maġġoranza assoluta tan-negozju li jsir huwa leġittimu u ma hemmx involut xi forma ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus, iffinanzjar ta’ armamenti u prattiċi illeċti. Ejja ma nkabbrux l-affarijiet u l-eċċezzjoni nagħmluha ir-regola.
Huwa fl-interess ta’ pajjiżna li kull wieħed u waħda minnha nagħtu sehemna ħalli nkattru in-negozju sabiex tkompli tikber l-ekonomija u jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol.
Il-Ġimgħa 3 ta’ Ġunju 2016