Ftit jiem ilu, ippreżentajt id-dokument ta’ qabel il-baġit, li kull Ministru tal-Finanzi jippreżenta għall-pubbliku u għall-imsieħba soċjali kull sena madwar xahrejn qabel ma jitressaq il-baġit proprju fil-Parlament. Dan isir biex ikun hemm konsultazzjoni wiesgħa man-nies, mal-‘stake holders’, dawk li jimpjegaw il-ħaddiema kif ukoll dawk li jirrapreżentaw lit-trejd unjins.
Dan il-proċess konsultattiv jirrapreżenta parti essenzjali minn baġit, u hu proċess li jista’ jkollu riżultati tajbin – dment li baġit nazzjonali m’għandux joħloq sorpriżi għall-familji u l-imprendituri, imma għandu jiġi mfassal abbażi ta’ konsultazzjoni wiegħsa.
Ovvjament, ħadd mhu se jieħu gost b’xi żidied fit-taxxi, filwaqt li kulħadd jixtieq li tiżdied l-ispiża f’numru ta’ oqsma. Kien preċiżament dan l-iskop ta’ dan id-dokument: li nagħtu stampa ċara u reali tas-sitwazzjoni eknomika u finanzjarja tal-pajjiż. Ninnota b’sodisfazzjon li din l-istampa fortunatament hi sabiħa, fis-sens li l-affarijiet mexjin sew, ix-xogħol qiegħed jiżdied, u l-esportazzjoni hija stabbli.
Il-konsum żdied ukoll, riżultat pożittiv taċ-ċertezza li reġgħet inkisbet wara perjodu politikament inċert. Dan jiġġenera aktar dħul għall-Gvern.
Fl-istess ħin, irridu nżommu amment li l-Gvern għandu ċertu restrizzjonijiet ta’ proċeduri. Dan jorbot direttament mal-mira tal-Gvern li jagħlaq is-sena 2013 b’defiċit taħt il-3%. Biex tintlaħaq din il-mira, hemm perikli li l-Gvern irid joqgħod attent għalihom. Dan fid-dawl ta’ kif anke l-Kummissjoni Ewropea reċentement osservat li mhux se jkun faċli biex Malta tilħaq il-miri tagħha f’dan ir-rigward, u għalhekk irridu noqogħdu attenti biex inwettqu l-mira tagħna fl-interess tal-pajjiż kollu kemm hu.
Il-Gvern il-ġdid hu kompletament impenjat għall-istabbiltà makro-ekonomika. Stabbiltà li tagħti ċertezza lill-investituri lokali u barranin u li twassal għall-intrapriża, il-ġenerazzjoni ta’ ġid u l-ħolqien ta’ mpjiegi. Biex imexxi dan l-objettiv, il-Gvern il-ġdid qed jindirizza d-defiċit fiskali tal-pajjiż u l-livelli tad-dejn, jerġa’ jagħti direzzjoni lis-settur pubbliku, li jinkludi impriżi priċipali tal-istat lejn sostenibbiltà finanzjarja mġedda, u wkoll jindirizza b’mod attiv oqsma ta’ politika pubblika ta’ sfida li jirrikjedu attenzjoni bikrija.
Hu f’dan l-ambitu li għandhom isiru r-rakkomandazzjonijiet, l-osservazzjonijiet, u l-proposti għall-baġit li ġej. Hemm bżonn li dawn ikunu mibnijin fl-isfond ta’ din ir-realtà finanzjarja ta’ pajjiżna li min-naħa waħda hemm l-ekonomija li qiegħda tiġġenera d-dħul, iżda min-naħa l-oħra l-Gvern hu ristrett kemm jista’ joħlom b’miżuri. F’dan il-baġit il-Gvern qiegħed iħares lejn miżuri li huma aktar iffokati fuq it-tkabbir ekonomiku.
Dan għax it-tkabbir ekonomiku jsarraf f’aktar xogħol, iktar negozju, u iktar dħul. Hu t-tkabbir ekonomiku li jippermetti lir-rota ddur b’mod aktar sodisfaċenti. Imbagħad permezz ta’ dan id-dħul, il-Gvern ikun jista’ jaċċerta ruħu li dak il-ġid li jkun inħoloq, jitgawda minn kulħadd.
Il-Gvern jagħraf l-importanza li l-ġid jitqassam b’mod ekwu, u din hi mira ta’ dan il-baġit. Il-Gvern irid li l-affarijiet ikunu trasparenti u ma noqogħdux ngħidu lin-nies biex joqogħdu jistennew sal-aħħar ta’ Diċembru biex jaraw is-sitwazzjoni ekonomika jew finanzjarja vera tal-pajjiż. Il-ħidma diġà bdiet biex jinħolqu metodi ġodda kif l-istampa reali ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż inkunu nistgħu nagħtuha mil-lum, u kienet din l-istampa li spjegajt meta saret il-konferenza stampa li fiha ġie ppublikat id-dokument ta’ qabel il-baġit.
Għalhekk għandna nimxu pass pass flimkien biex naraw li f’pajjiżna verament joħloq il-ġid, u li jkun hawn stabbiltà għax l-istabbiltà hija importanti għall-investiment, u naraw li l-ġid mhux biss jiġi ġġenerat, imma jitgawda minn kulħadd.
Aħna fiduċjużi fl-abbiltà tagħna li nwasslu l-impenji tagħna lejn il-pajjiż. Ninsabu fiduċjużi wkoll li, bi sħubija mal-partijiet interessati ewlenin u l-poplu b’mod ġenerali, nistgħu nkomplu nimxu ’l quddiem flimkien. Nistgħu nkomplu noħolqu soċjetà li tagħti setgħa u toħloq l-opportunitajiet lil kulħadd.
Aħna determinati li noħolqu soċjetà inklussiva u ġusta. U aħna determinati li nistgħu niksbu dan flimkien.
It-Tlieta, 27 ta’ Awwissu, 2013