Stampar tal-flus


Id-deċiżjoni li għadu kemm ħa l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi li se jibda jixtri l-bonds tal-gvernijiet fiż-żona ewro, b’maturità ta’ inqas minn tliet snin, dehret li kkalmat xi ftit is-swieq finanzjarji internazzjonali. Għalina l-ewroparlamentari fil-kumitat tagħna ma kinitx sorpriża għax kif spjegajt fil-bidu tax-xahar l-istess de­ċiżjoni Draghi tkellimha magħna “in camera”.
Għall-kuntrarju fil-Ġermanja nħolqot kontroversja kbira billi Hans Christoph Poppe, il-President tal-Bank Ċentrali tagħhom, il-Bundesbank, ma qabilx. Qal dan fil-pubbliku. Merkel din id-darba ma żammitx mie­għu u qablet ma’ Draghi. Tensjoni kbira li tista’ twassal anke għar-riżenja ta’ Poppe.

Wieħed jistaqsi għaliex mossa bħal dik li għadu kemm għamel il-Bank Ċentrali Ewropew għandha tkun daqshekk kontroversjali? Draghi qed jgħid li dan ix-xiri ta’ bonds hu parti mill-politika monetarja Ewropea filwaqt li Poppe qed jgħid li għal kuntrarju dan hu każ fejn il-Bank Ċentrali Ewropew qed jixtri d-dejn tal-gvernijiet billi jistampa l-flus. Dan il-proċess insejħulu “monetizzazzjoni tad-dejn”, bl-Ingliż “debt monetisation”. Proċess li jista’ joħloq inflazzjoni kbira li tintaxxa lil min jintlaqat biha.

Il-verità bejn dak li qed jgħid Draghi u Poppe qiegħda x’imkien fin-nofs.

 

Politika Monetarja

L-ewwel nett wieħed irid jgħid li hu veru li bank ċentrali jista’ jistampa flus kemm irid, daqs kemm hu veru li l-pagi nistgħu ngħolluhom kemm irridu. Dan ma jsirx fiż-żewġ każi għax ir-riżultat ta’ din il-politika ekonomika twasslek għal riżultati inflazzjonarji li jġibuna f’sitwazzjoni agħar milli konna.

Il-funzjoni ta’ bank ċentrali hi li tħares li ma jkollniex inflazzjoni għolja fil-pajjiż billi tuża u tattwa l-politika mo­netarja. Fost l-għodda li għandu l-Bank hemm ix-xiri u ­bejgħ ta’ bonds tal-Gvern (u strumenti simili) mis-suq se­ko­ndarju. Meta jixtri dawn il-bonds ikun qiegħed jippompja l-flus fl-ekonomija, u b’hekk ikun qed jipprova jistimola l-attività ekonomika għaliex iktar ma jkun hawn flus, iktar l-imgħax jaqa’ u allura jistimola l-investiment u t-tkabbir ekonomiku.

Għall-kuntrarju, jekk ikun hemm inflazzjoni għolja l-funzjonital-Bank hi li tixxotta dik il-likwidità kollha billi jinbiegħu ħafna mill-bonds li l-Bank ikollu u allura jieħu lura l-flus. Il-flus jixxottaw mill-ekonomija u riżultat ta’ hekk l-imgħax jogħla u b’hekk jrażżan il-ġiri sfrenat inflazzjonarju tal-ekonomija.

 

Il-mossa ta’ Draghi tista’ għalhekk taraha purament monetarja. Biża’ ta’ inflazzjoni fiż-żona ewro ma hemmx. Il-likwidità hemm bżonnha ħafna.

 

Pass lejn soluzzjoni

Irridu niftakru li l-Bank Ċentrali Ewropew kien diġà injetta triljun ewro f’Diċem­bru li għadda billi tahom lill-banek li kellhom bżonnhom. Dan ukoll għen is-sistema monetarja jkollha iktar likwidità. Dan hu biss pass li se jgħin biex tittaffa ftit il-kriżi li kulma tmur qegħda tikber.

Din id-darba il-pass ta’ Draghi għandu għan diffe­renti billi qiegħed jixtri d-­dejn ta’ dawn il-pajjiżi li ħadd ma jrid isellifhom. L-effett ta’ dan l-aġir hu li dawk il-pajjiżi bħall-Italja u Spanja li qegħdin ­isegwu r-riformi b’ċerta diliġenza jingħataw nifs mill-attakki tas-swieq li kienu qed jitolbu minnhom imgħax għoli.

L-effett tax-xiri tal-bonds mill-Bank huwa li jwaqqa’ l-imgħaxijiet li huma jissellfu bih u allura jgħinhom biex huma ma jersqux iktar lejn preċipizju ta’ falliment. Għax meta s-swieq finanzjarji jgħollu l-imgħax iktar minn 7% kull pajjiż li jkun imdejjen ħafna ma jkunx jiflaħ għal dak l-imgħax għoli u allura jaqa’ f’falliment.

Il-kriżi ma tissolvix biss billi jaqgħu l-imgħaxijiet, hemm il-bżonn li tintrebaħ il-kompetizzjoni, u li dawn il-pajjiżi dgħajfa jridu jagħmlu riformi kbar, u wkoll jridu jkabbru r-rata ta’ tkabbir ekonomiku.
Wieħed ma jistax isolvi kollox f’daqqa, imma naħseb li dan il-pass tal-Bank Ċentrali Ewropew kien fid-direzzjoni t-tajba.

Jibqa’ l-fatt li għajnejn kulħadd ser ikunu fuq dawn il-pajjiżi inkluża l-Greċja biex jaraw li din il-“politika monetarja” ma twassalx lil dawn il-pajjiżi jipposponi il-programmi ta’ riforma. Jekk jiġri dan ikollu raġun il-President tal-Bundesbank li jibża li din il-mossa ma hi xejn ħlief ix-xiri mill-Bank Ċentrali Ewropew tad-dejn tal-pajjiżi kważi falluti fiż-żona ewro.

 

 

– l-orizzont :  It-Tnejn, 24 ta’ Settembru, 2012

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *