Taħriġ Speċjalizzat sabiex nindirizzaw il-Ħasil tal-Flus


Il-liġijiet ta’ kull pajjiż kull ma jmorru qegħdin dejjem jiżdiedu biex jindirizzaw iċ-ċirkostanzi li qegħdin jinbidlu maż-żmien.  L-istess nistgħu ngħidu għad-Direttivi tal-Unjoni Ewropea li meta mbagħad jaslu għand il-pajjiżi iridu jiġu trasposti fil-liġijiet lokali.

Każ tipiku hi l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, fejn il-liġjiet kull ma jmur qegħdin dejjem jiżdiedu.  Din is-sena implimentajna r-Raba’ Direttiva.   Issa għandna l-Ħames Direttiva li rridu nimplimentaw fil-bidu tas-sena d-dieħla.  Ma’ din id-Direttiva hemm responsabilitajiet akbar speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-informazzjoni li għandha tgħaddi għand l-awtoritajiet.  Fl-istess żmien għandna aktar sensittivita’ dwar il-protezzjoni tal-identita’ u informazzjoni personali fejn jidħlu kumpaniji.  Pero’ min-naħa l-oħra fejn jidħlu l-awtoritajiet regolatorji bħal Kummissarju tat-Taxxa u l-pulizija, għall-kuntlarju dawn għandhom id-dritt għal kull informazzjoni u għalhekk jaqsmu bejniethom reġistri dettaljati fuq informazzjoni personali.  Min fil-passat kien iżomm l-identita’ tiegħu lura billi jidher bħala kumpanija u ma tkunx taf min hu l-benefiċjarju, issa dan m’għadux il-każ.  Il-benefiċċjarju aħħari irid ikun magħruf mill-awtoritajiet.

Ir-reġistru tal-kumpaniji bid-dettalji kollha għandu jkun magħruf mal-awtoritajiet konċernati ħalli meta niġu għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, din l-informazzjoni li hija neċessarja tkun tista’ tintuża.  Dan huwa aspett ġdid li l-istituzzjonijiet Maltin qed jieħdu r-responsabilita’ li jindirizzaw.

 

Responsabilita’ oħra qed taqa’ iktar fuq is-settur privat; tip ta’ neighbourhood watch fejn l-avukati, l-accountants u prattikanti f’għaqdiet mhux governattivi jekk ikollhom suspett ta’ attivita’ kriminali għandhom id-dmir li jirrappurtaw.  Din hija xi ħaġa ġdida; għaliex fejn qabel kellek biss il-pulizija, l-FIAU u l-MFSA, issa dawn il-prattikanti finanzjarji għandhom id-dmir li kwalunkwe suspett jiġi rrappurtat sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jinvestigaw.

Għal dawn ir-responsabilitajiet jeħtieġ li jkun hemm aktar nies u riżorsi.  Huwa għalhekk li l-Gvern qed iżid il-baġit għal dawn l-istituzzjonijiet.  Aktar importanti huwa l-fatt li n-nies li għandek ikollhom il-ħiliet neċessarji.  Li bniedem ikun kapaċi li jasal fil-qalba ta’ suspett u jsolvih b’inqas riżorsi.  Dik hija l-effiċjenza.  Kien ta’ pjaċir li tara nies jew uffiċjali minn pajjiżi oħra avvanzati u ta’ esperjenza bħall-Ingilterra u l-Amerika, l-Italja u oħrajn li l-għajnuna tagħhom u jidħlu f’case studies fejn juruk kif jinvestigaw u jsolvu l-każ b’mod effiċjenti.  Dan jiġri għaliex huma għandhom popolazzjoni ikbar u b’aktar każijiet.  Bħalma huma kapaċi jlaħqu magħhom, aħna bir-riżorsi tagħna irridu nagħmlu l-istess.

Din il-ġimgħa kien hemm żewġ korsijiet twal għall-isituzzjonijiet kollha li huma l-awtoritajiet kompetenti fis-suġġett fosthom il-pulizija, l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali, l-FIAU u l-Uffiċju tal-Irkupru tal-Assi fost l-oħrajn li qed isegwu kors li qed jingħata mill-Gvern Amerikan permezz tal-Internal Revenue Service.

Din hija awtorita ta’ reputazzjoni kbira u serja li tagħti taħriġ lill-uffiċjali ta’ dawn l-awtoritajiet kompetenti.  Min-naħa l-oħra għandna uffiċjal tal-FBI li qed jagħti taħriġ lis-settur privat kif u x’inhu dmir tagħhom taħt din id-Direttiva li Malta ser tkun qed timplimenta f’Jannar illi ġej.  Nittama li tul din is-sena, l-pjan jiġi mwettaq; infatti mal-ewwel bdejna nuru li qed nieħdu din l-isfida bis-serjeta’ permezz ta’ dan it-tip ta’ taħriġ sabiex b’hekk inkunu f’qagħda li niġġieldu l-kriminalita’ marbuta mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

Il-Ġimgħa 27 ta’ Settembru 2019

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *