Taxxa Kompetittiva


Mhux l-ewwel darba li nies fil-politika jmaqdru pajjiżi oħra biex jaġevolaw lil pajjiżhom. Nafu li ngħixu f’dinja kompetittiva u dak li jkun jipprova jtejjeb ir-reputazzjoni ta’ pajjiżu billi jwaqqa’ r-reputazzjoni ta’ ħaddieħor. Dan jiġri f’ħafna oqsma, iżda dan l-aħħar qegħdin narawh jiġri ta’ spiss  fil-qasam tat-taxxa.

Dan l-aħħar, kien hemm min li biex jidher li għandu sistema beda jmaqdar is-sistema tat-taxxa ta’ pajjiżi oħra bħall-Irlanda u l-Lussemburgu, filwaqt li uża ċertu kliem bħal tax haven biex jipprova jtebba’ r-reputazzjoni ta’ dak il-pajjiż. Fl-esperjenza tiegħi fil-Kunsill tal-Ministri għall-Finanzi tal-Unjoni Ewropea smajt ħafna minn dawn l-affarijiet u dejjem kont naħseb li fost il-pajjiżi li dejjem jippruvaw jiddefendu ruħhom hemm il-Lussemburgu u l-Irlanda, u forsi anke l-Olanda u Malta. Dawn huma pajjiżi li għandhom ix-xeħta li jippruvaw jikkompetu permezz tar-reġim ta’ taxxa tagħhom u li l-pajjiżi l-kbar jippruvaw isawwtuhom. Però meta inkixfu il-karti u bdejna d-dibattitu dwar id-direttiva kontra l-iskartar tat-taxxa jiġifieri l-Anti Tax Avoidance Directive kulħadd kellu jikxef il-karti tiegħu. U oħroġ il-għaġeb, l-aktar pajjiżi li s-soltu jiftaħru li m’ għandomx problemi u l-aktar li jitkażaw b’ħaddieħor, kienu l-aktar pajjiżi li oġġezzjonaw għal li jintlaħaq il-ftehim.

 

logo orizzont

 

Dan l-aħħar kellna każ fejn kap ta’ gvern ta’ pajjiż Ewropew tkellem fuq il-media u beda jmaqdar numru ta’ pajjiżi b’rabta mal-kwistjoni tat-taxxa li tħallas il-kumpanija Apple. Fost dawn il-pajjiż, dan il-kap ta’ gvern għoġbu jsemmi lil Malta. Inzerta li ftit tal-jiem ilu, ġejt intervistat minn ġurnalist li ġej mill-istess pajjiż ta’ dan il-kap ta’ gvern u ħadt gost nispjegalu li dawn il-kumpaniji kbar li qed jissemmew, qed jissemmew b’rabta ma’ pajjiżi partikolari. Pereżempju, l-Apple qed tissemma’ mal-Irlanda, Starbucks u Google mar-Renju Unit. Il-Lussembrugu għandu xi mitt każ ta’ tax ruling, filwaqt li Malta baqgħet il-barra minn din il-kontroversja għas-sempliċi raġuni li pajjiżna m’għandux dik it-tip ta’ sistema.

In-nies li jiġu f’Malta malajr jirrejalizzaw li pajjiżna għandu s-sistema tiegħu ta’ taxxa li hija kompetittiva u li ma nibżgħux ngħidu dan. Però aħna dejjem imxejna mal-ispirtu Ewropew u dak  internazzjonali. Aħna qatt ma kellna problemi li niltaqgħu f’fora internazzjonali biex niddiskutu inwaqqfu l-evażjoni ta’ ċertu kumpaniji

Fil-każ li semmejt aktar kmieni, dan il-ġurnalist kien ġej minn pajjiż li inzerta kien l-aħħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li neħħa is-segretezza bankarja. Jiġifieri l-kap tal-gvern tiegħu qgħad jitkaża b’Malta meta pajjiżu stess kien l-aħħar wieħed li neħħa s-segretezza tal-banek, xi ħaġa li l-Panama qegħda tagħmel għax għalihom, is-segretezza bankarja hija xi ħaġa tradizzjonali.

10_ORZ_16th

Jiġifieri taħt għabtu, kulħadd għandu xi jxomm, u għalhekk aħna għandna inkunu kburin is-sistema tagħna. Għandna nkunu kburin b’pajjiżna minkejja li xi pajjiżi kbar jippruvaw jibbulijawna għax jafu li m’ għandniex ir-ruiżorsi tagħhom. Però jekk inti għandek raġun għandek tieqaf, tispjega, tiddiskuti u tiddefendi lil pajjiżek. U jiena fil-fatt hekk għamilt ma’ dan il-ġurnalist u rrispondejt għal kull mistoqsija li kellu, u għidtlu fejn għandu iħares jiġifieri idur dawra ma’ pajjiżna u jara li m’għandniex, bħal ma jaħsbu barra minn Malta, kaxxi ta’ l-ittri taparsi kumpanija li taparsi qegħda hawn u kull ma tagħmel hu li tgħaddi l-flus li ddaħħal.

Aħna pajjiż li rridu inħaddmu lin-nies. Aħna irridu kumpaniji li on the ground f’pajjiżna iħaddmu in-nies, jekk hux fl-industrija tal-films, jew fit-turiżmu, jekk hux fil-minifattura, few fl-iskejjel u fl-universtajiet jew fi sptarijiet. Dawn il-pajjiżi li jattiraw kumpaniji finta ġeneralment żgħar ħafna b’popolazzjoni li ma taqbiżx it-12,000, u allura bil-fors iridu jużaw dawn il-metodi.

Is-sistema tat-taxxa tagħna hija waħda kompetittiva u rridu niżguraw li tibqa’ kompetittiva. Però, bħal ma spjegajt lill-ġurnalist barrani, mhijiex l-unika fattur għalfejn qed niġbdu l-investiment. It-taxxa hija bħaċ-ċirasa fuq il-kejk li kulħadd ikun irid, għax issebħu u tagħmlu iktar bnin. Però il-kejk innifsu ma jiddipendix min dik iċ-ċirasa!

Il-fatt li għandna l-lingwa Ingliża li hija ta’ vatanġġ kbir għalina għal business internazzjonali. Il-fatt li għandna l-lingwa Maltija li hija qrib l-Għarbi hija ukoll importanti għal min irrid jinnegozja mal-Afrika ta’ fuq. Il-fatt illi għandna iż-żagħżagħ li ħerġin mil-università b’ċertu kwalifiki huma ukoll importanti. Il-fatt illi għandna klima stabbli u istituzzjonijiet serji jgħinu biex ikun hawn investiment b’saħħtu. U allura iva, t-taxxa hija importanti, biex tikkumplimenta dawn il-vantaġġi. Fl-istess ħin, aħna m’aħniex favur l-evażjoni tat-taxxa kemm fuq skala nazzjonali kif ukoll internazzjonali u nikkoperaw bis-sħiħ ma’ pajjiżi oħra speċjalment Ewropej biex dan ma ikomplix.

Il-Ġimgħa 16 ta’ Settembru 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *