Tieqa fuq il-Baġit 2015


Il-ġimgħa l-oħra fil-Ministeru tiegħi lestejna biċċa xogħol kbira u importanti fil-kalendarju baġitarju. Dan hu l-abbozz għall-baġit li ġej għas-sena 2015, magħruf bl-Ingliż bħala d-Draft Budget. Dan hu dokument li hu mitlub mill-Kummissjoni Ewropea u li jintbagħat fil-15 ta’ Ottubru ta’ kull sena lill-Kummissjoni mill-pajjiżi kollha li huma fiż-Żona Ewro. Din hija t-tieni darba li Malta qed timxi ma’ dawn ir-regolamenti u tressaq dan l-abbozz tal-baġit.

 

FB2B4577 featured

 

Dan l-abboz hu dokument importanti fil-proċess baġitarju għaliex jispjega l-qafas tal-baġit li ġej mingħajr ma jidħol fid-dettall ta’ kull miżura. Meta ngħidu l-qafas, dan jirreferi prinċipalment b’għal kemm il-Gvern ikun qed ibassar li se tikber l-ekonomija għas-sena li ġejja. Dan hu importanti għaliex it-tkabbir ekonomiku hu direttament marbut mad-dħul tal-Gvern, u allura abbażi ta’ din il-proġettazzjoni, l-Gvern jikteb ukoll kemm ikun qed jipproġetta li se jiġbor bħala dħul.

 

Abbażi ta’ dan it-tbassir, il-Gvern ifassal ukoll il-pjan tiegħu fejn jiddeċiedi kif se jqassam l-ispiża tiegħu għas-sena li ġejja, kif ukoll s-self addizzjonali li għandu bżonn jagħmel. Dan tal-aħħar nirreferu għaliħ bħala d-defiċit. Fil-każ ta’ Malta, bħala membru taż-Żona Ewro, dan id-defiċit huwa limitat għal mhux iżjed minn 1.6 fil-mija għas-sena li ġejja. Din il-perċentwal hi 0.5 punti perċentwali aktar baxx minn din is-sena.

 

l-orizzont_24Oct2014

 

Id-dettalji kollha ta’ kif il-Gvern se jqassam ir-riżorsi tal-pajjiż se jkunu mħabbra, bħal kull sena, f’jum il-baġit meta l-Ministru għall-Finanzi jagħti d-diskors tiegħu f’dik id-data tant mistennija.

Iżda d-differenza hija li, fejn qabel kien ikun hemm dik is-segretezza sal-aħħar ġurnata dwar il-baġit, illum il-Gvern ġdid qiegħed jimxi b’mod miftuħ u trasparenti permezz ta’ dan id-dokument li ġie ippubblikat, u li ġie imtella’ online.

Dan id-dokument kulħadd jista’ jirreferi għalih sabiex jara d-dettalji ta’ dawn il-fatturi ekonomiċi varjabbli f’dak li huwa xogħol, tkabbir ekonomiku, l-inflazzjoni, u il-qgħad. F’dan ir-rigward jiena sodisfatt li qed naraw bosta figuri pożittivi, bħal qgħad li se jinżel għal 5.9 fil-mija, filwaqt li t-tkabbir ekonomiku se jitla’ għal 3.5 fil-mija. Dan filwaqt li l-impjiegi se jiżdiedu b’madwar 2 fil-mija. Dawn huma proġettazzjonijiet skont l-assunzjonijiet tagħna, ibbażati fuq l-ambjent ekonomiku globali li jkollu effett fuq l-ekonomija Maltija.

Jiena nistedinkom li tikkonsultaw u taraw dan id-dokument għaliex dan id-dokument jiftaħ tieqa fuq il-baġit li aħna qed nippreparaw bil-miżuri dettaljati. Kif hu wkoll spjegat fid-dokument ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-baġit, magħruf bħala l-Pre Budget Document 2015, f’dan il-baġit qed ninkoraġġixxu x-xogħol permezz ta’ inċentivi u opportunitajiet li jinkoraġġixxu lil individwi biex ikunu membri awtonomi u attivi tas-soċjetà Maltija, u mhux dipendenza għat-tul fuq il-benefiċċji soċjali.

 

– Friday, 24th October, 2014

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *