Verità u Ġustizzja mal-Isitituzzjonijiet tagħna


Il-każ xokkanti li ħareġ mir-rapport tal-Maġistrat Bugeja iqajjem ħafna osservazzjonijiet. Dan każ li mhux biss, għal ħmistax -il xhar affettwa lill-Prim Ministru u l-familja tiegħu, iżda affetwa l-pajjiżu wkoll. Il-familja Muscat u Malta sofrew f’dak li huwa telf ta’ reputazzjoni. Għaliex fuq kollox, ir-reputazzjoni sew għall-persuni milquta kif ukoll għall-pajjiż, hija xi ħaġa għażiża u meta tintilef ir-reputazzjoni, tkun traġedja li twassal għal riperkussjonijiet negattivi kbar. Aħseb u ara meta r-reputazzjoni tkun intilfet minħabba falsitaˋ, fuq dokumenti u firem foloz, b’komplott jew bi frame up. Din hija azzjoni kriminali u serjissima.

Din l-azzjoni tebbgħet l-istorja ta’ pajjiżna. It-tfal tagħna, fil-futur għad iridu jħarsu lura u jaqraw, b’mod li jħawwad l-imħuħ, kif, min-naħa ta’ oppożizzjoni, b’riferiment għal persuni li b’mod wiesa’ huma kontra il-Gvern, politikament, wasslu sabiex, fis-satra tal-lejl, jiltaqgħu u jifthemu biex jiffalsifikaw dokumenti ħalli jilħqu xi skop tagħhom, b’mod illeċtu.

Setgħu jagħmlu dan kollu għax kellhom il-kuntatti u kienu midħla ta’ persuni involuti fil-każ tal-Panama. Kienu wkoll midħla tal-firem tagħhom biex ikunu jistgħu jiffalsifikawhom u b’hekk itebbgħu ġieħ il-Prim Ministru u ġieħ pajjiżna.

Illum minix se nidħol daqshekk fil-fond tal-każ, għaliex qed jintqal ħafna u wieħed għad irid jistenna biex jara kif ser jiżvolġu l-affarijiet. Meta tkompli l-investigazzjoni, jien persważ li għad joħorġu l-ismijiet tal-persuni ta’ min qed ikun suspettat li wettaq dan il-pjan. Iżda, biex naljenaw il-poplu minn dan il-pjan viljakk, l-Oppożizzjoni qed jogħġobha tkompli ssawwat u titfa’ t-tajn fuq l-FIAU. Din l-istituzzjoni  dejjem għamlet l-għalmu tagħha biex taqdi dmira u tagħmel ix-xogħol tajjeb. Allura, għal liema raġuni wieħed għandu joskula u jħammeġ ir-reputazzjoni tagħha? Issawwata fuq il-preżunzjoni li m’għamlitx xogħolha fejn tidħol superviżjoni tal-bank Pilatus. Wieħed irid isemmi hawn li d-dinja saret taf li jeżisti dan il-bank, għaliex l-Oppożizzjoni, għal skopijiet ulterjuri, neffħu kemm felħu din l-istorja u tefgħu dell ikrah fuq dan il-bank. Wara l-inkjesta maġisterjali, issa nsiru nafu li l-computers ta’ dan il-bank, dawk li ngħidulhom is-servers, ingħataw lill-aġenziji internazzjonali indipendenti, biex jifluhom u biex jaraw jekk hux minnu dak li kien qed jiġi allegat. Ġew ukoll analizzati s-servers u l-computers tal-aġenti u l-accountants li jaħdmu jew kienu jaħdmu man-Nexia BT. Fl-ebda każ ma nstab li kien hemm xi ħjiel li l-allegazzjonijiet li kienu ilhom jissemmew dwar l-Egrant kien hemm xi verita’ ta’ dawn il-qlajjiet.

Iżda xorta waħda, iffaċċjati bil-veritaˋ li dak li kien qed jingħad tul dawn l-aħħar snin, kien kollu montatura, dawn l-istess persuni, qed ikomplu jallegaw, li l-bank Pilatus hu involut f’ħasil ta’ flus u li l-awtoritajiet responsabbli, għandhom minnufih, twaqqaflu l-liċenzja biex ma jkomplix jopera. Dan kollu bi skop sabiex ikomplu jitfgħu dell ikrah u jkomplu joskulaw u jgħidu li l-FIAU m’għamlitx xogħlha.

Bħala pajjiż, nafu li l-Awtorita’ Bankarja Ewropea (EBA) ġiet Malta, mhux għaliex kienet qed tagħmel xi investigazzjoni internazzjonali fuq Malta jew fuq l-operat tal-bank Pilatus. Xejn minn dan!

L-Awtorita’ Bankarja Ewropea ġiet instigata, minn persuni fosthom l-MEP David Casa, li jagħmlu parti mill-Parlament Ewropew, biex iġġiegħel uffiċċjali mill-Kummissjoni Ewropeja, wara serje ta’ allegazzjonijiet infondati, jinvestigaw speċifikatament lill-FIAU u lill-bank Pilatus. L-Awtorita’ Bankarja Ewropea, ġiet influwenzata u inagħtat impressjoni li Malta hija korrotta u huwa stat mafjuż u ma hemmx osservanza tal-liġijiet u ġiet mitluba speċifikament biex tinżel Malta u tinvestiga lill-FIAU dwar Pilatus Bank. Dan sar sabiex iħammġu r-reputazzjoni tal-Prim Ministru, tal-mara tiegħu u r-reputazzjoni ta’ Malta.

F’sitwazzjoni bħal din, wieħed bilfors jidħollu d-dubju ta’ kemm dawn l-investigazzjonijiet kienu mparzjali u mingħajr pressjoni.

Iffaċċjata b’akkużi serji, l-inqas li wieħed kien jistenna hu li l-FIAU tingħata ċ-ċans li tiddefendi lilha nnifisha, wiċċ imb’wiċċ ma’ min qed jagħmel l-akkuża. Xejn minn dan. L-FIAU ġiet imċaħħda minn dan id-dritt fundamentali. L-Awtorita’ Bankarja Ewropea, ma laqgħetx it-talba li tiddiskuti wiċċ imb’wiċċ mal-FIAU in-nuqqas li seta’ kien hemm, dak li ma ġewx osservati l-proċeduri li bank għandu jieħu biex jassigura li ma jkunx hemm ħasil ta’ flus. Għalhekk irid wieħed jenfasizza li jekk kien hemm nuqqas, wieħed mhux qed jitkellem li l-FIAU ma ħaditx passi kontra xi ħasil ta’ flus li kien qed isir. Xejn minn dan. In-nuqqas kien jitratta fuq proċeduri. U allura għalfejn dik l-għaġġla kollha? Bir-raġun li jidħlu suspetti fuq il-motiv ta’ kif ġraw l-affarijiet.

Nerġa ntenni: in-nuqqas kien fuq proċeduri; proċeduri li jinvolvu xi mili ta’ formoli u dwar miżuri ta’ sanzjonijiet. Altru milli ħasil ta’ flus. Min iħallathom flimkien, ikun qiegħed iqarraq. Qiegħed ifixklek biex inti taħseb li dan huwa ħasil tal-flus. Iżda le, qed jitkellmu dwar proċeduri. Allura, għalhekk jiena tlabt fl-artiklu li ktibt, li wieħed irid jifhem fil-kuntest ta’ dak li jsir.

Dan ifisser li jiena qiegħed nirredikola l-awtorita’? Le xejn minn dan. Li qed nitlob hija ġustizzja ma’ pajjiżna.  Bħal ma talab ġustizzja l-Prim Ministru meta talab lill-Maġistrat, xi ħadd indipendenti u tal-fiduċja ta’ kulħadd, biex jinvestiga u jagħti d-dokumenti. Fil-fatt, qagħdna nistennew bil-paċenzja ħmistax-il xahar sabiex insiru nafu x’inhi l-verita’. Allura, dan il-kuntest huwa l-istess ħaġa għall-FIAU,  fejn aħna nemmnu li għandna nobdu l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, nimxu dwar dawk il-proċeduri, rridu ukoll ġustizzja  u li l-istituzzjonijiet ewropej iħarsu lejn pajjiżna b’mod ġust. Mhux sew li wieħed  jimbuttahom, u jgħid ukoll li aħna ħatja minn qabel issir l-investigazzjoni.

Fil-ħin propizju l-FIAU trid tiddeċċiedi tapellax minn din id-deċiżjoni tal-awtorita’. Imma mhux sew li inti tkompli ssawwat lill-FIAU u tinjora dawn iċ-ċirkostanzi ta’ pressjoni qawwija mill-Parlament Ewropew, ħaġa li hija ċara mill-ittri tagħhom li huma pubbliċi.

Pajjiżna jrid jimxi mal-verita’. Pajjiżna jrid jimxi mas-sewwa. Naħseb dan hu l-messaġġ li il-poplu tagħna fehem, kellu fiduċja u ta fiduċja lill-Gvern anke meta l-affarijiet ma kienux ċari. Naħseb li issa, li l-affarijiet huma ċari, l-poplu se jagħti r-risposta tiegħu ċara wkoll.

l-Orizzont – il-Ġimgħa 3 ta’ Awwissu 2018

,

One response to “Verità u Ġustizzja mal-Isitituzzjonijiet tagħna”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *