Malta u l-EBRD jesploraw Opportunitajiet għall-Koperazzjoni dwar proġetti ta’ Żvilupp fin-Nofsinhar u t-Tramuntana tar-Reġjun tal-Mediterran


Malta u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD) qed jesploraw opportunitajiet sabiex jikkoperaw f’operazzjonijiet ta’ żvilupp tal-Bank fin-Nofsinhar u t-Tramuntana tal-Mediterran.

Il-President tal-EBRD Sir Suma Chakrabarti, flimkien ma’ delegazzjoni tal-EBRD, kien f’Malta llum, fuq stedina tal-Ministru għall-Finanzi l-Prof. Edward Scicluna, sabiex jattendi laqgħat ta’ livell għoli ma’ Ministri varji u uffiċjali għolja tas-settur privat Malti.

 

[nggallery id=203]

Malta ilha founding member tal-EBRD mill-bidu tal-bank fl-1991, meta ġie stabilit il-Bank sabiex jassisti t-transizzjoni lejn market economy u d-demokrazija wara l-kollass tal-komuniżmu fl-Ewropa tal-Lvant. Din kienet l-ewwel darba li President tal-EBRD żar Malta.

Wara laqgħa mal-Ministru għall-Finanzi Prof. Edward Scicluna fil-bidu taż-żjara tad-delegazzjoni, Sir Suma ddeskriva lil Malta bħala storja ta’ suċċess ekonomiku, u żied jgħid li pajjiżi oħrajn li huma msieħba fl-EBRD jistgħu jitgħallmu mis-suċċess ta’ Malta.

L-EBRD tinvesti f’35 pajjiżi differenti, mill-Polonja sal-Mongolja, kif ukoll madwar l-Ewropa tal-Lvant, il-Balkani, it-Turkija, il-Kawkasu u l-Asja Ċentrali. Fid-dawl tal-avvenimenti tar-Rebbiegħa Għarbija, l-EBRD estendiet l-attivitajiet tagħha ukoll lejn l-Eġittu, il-Marokk, it-Tuneżija u l-Ġordan.

Il-Libja riċentement saret ukoll shareholder fil-Bank, bil-mira li tibda tirċievi fondi mill-EBRD.

Filwaqt li esprima pjaċir li kien l-ewwel President tal-EBRD li żar Malta, Sir Suma qali li l-EBRD qed jaħdem sabiex jidentifika u jesplora opportunitajiet għal proġetti ta’ żvilupp ma’ imsieħba Maltin, speċjalment fit-Tramuntana tal-Afrika.

Hu nnota li Malta hi speċjalment importanti f’dan ir-rigward, u żied jgħid li l-mira tad-delegazzjoni tal-EBRD kienet li tiffamiljarizza ruħha mal-ambjent finanzjarju u tan-negozju ta’ Malta.
Sir Suma qal li l-EBRD għandha l-intenzjoni li tikkopera ma’ Malta sabiex ikun hemm skambju ta’ kompetenza u esperjenza, u sabiex ikun hemm ukoll identifikazzjoni u kooperazzjoni fuq proġetti ta’ żvilupp fit-Tramuntana tal-Afrika, speċjalment fid-dawl ta’ kif Malta tgawdi minn prossimità, realazzjoni tajba, u esperjenza tan-negozju f’dan ir-reġjun.

Il-Ministru għall-Finanzi l-Prof. Edward Scicluna, li akkumpanja lil Sir Suma għal numru ta’ laqgħat ta’ livell għoli ma’ numru ta’ ministri oħra, inkluż il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr. George Vella u l-Ministru għall-Enerġijja u s-Saħħa Dr. Konrad Mizzi, esprima l-pjaċir tiegħu li seta’ jilqa’ lil Sir Suma f’Malta. Il-Ministru Scicluna laqa’ wkoll l-fatt li l-EBRD qed tiffamiljarizza lilha nnifisha mal-ambjent finanzjarju u tan-negozju Malti.

L-EBRD hi istituzzjoni pubblika, u tinvesti primarjament fis-settur privat filwaqt li tippromwovi l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u medji, issaħħaħ sistemi bankarji u tassisti fl-iżvilupp ta’ oqsma ewlenin tal-infrastruttura. L-EBRD hu wkoll pijunier tal-effiċjenza tal-enerġija, u l-iżvilupp ta’ sors ta’ enerġija sostenibbli.

 

– Wednesday, 16th July, 2014

, ,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *