Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg flimkien mal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna indirizzaw konferenza tal-aħbarijet flimkien maċ-Chairman Felipe Cosmen fejn ħabbru investiment fis-servizz ta’ tal-linja li ser iwassal għal żieda fil-frekwenzi fuq ċertu rotot tat-trasport pubbliku, kif ukoll għal żieda fil-flotta ta’ karozzi tal-linja.
Il-Ministru Borg spjega kif mal-flotta preżenti ta’ 405 karozza li tipprovdi s-servizz tat-trasport pubbliku, ser ikunu qed jiżdiedu 30 oħra li ser iwasslu għal żieda fil-frekwenzi ta’ ċertu rotot. Flimkien ma’ dawn it-tletin hemm 10 vetturi oħra li ser ikunu qed jissostitiwixxu 10 mill-flotta kurrenti. Il-Ministru Borg saħaq li dawn l-erbgħin vettura li huma aktar effiċjenti u jiġġeneraw inqas emissjonijet, ser iwasslu biex il-Malta Public Transport tkun tista’ iġorr aktar nies. Din iż-żieda fil-vetturi ser tkun qiegħda twassal 4 miljun passiġġier aktar fis-sena jew 11,000 passiġġier kuljum fil-ħinijiet peak. Dan l-investiment ser ifisser ukoll li l-vjaġġi ser jiżdiedu b’66,000 vjaġġ ieħor fis-sena biex din il-flotta l-ġdida ser tkun qed tagħmal 1.17 miljun kilometru aktar matul l-istess sena.
Il-Ministru fakkar kif it-trasport pubbliku huwa mezz alternattiv ta’ kif wieħed jivvjaġġa u għalhekk huwa servizz importanti ħafna f’pajjiżna u jagħmel parti mill-pjan ħolistiku tal-Gvern maħsub biex jindirizza l-isfidi tal-konġestjoni u t-traffiku. Infatti l-Gvern qiegħed jieħu diversi passi biex l-użu tiegħu jiżdied. “Bdejna bir-riforma ta’ dan is-servizz, komplejna bl-inizjattiva tat-trasport pubbliku b’xejn għaż-żgħażagħ u issa ser inkomplu nsaħħu dan kollu b’investiment fir-rotot u f’vetturi ġodda, b’dan tal-aħħar ilaħħaq €9 miljun,” tenna l-Ministru.
Dan is-servizz qed jara żieda qawwija fuq medda ta’ snin bl-2018 tkun sena rekord b’53.5 miljun passiġġier, u l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena diġà jilħqu l-26.5 miljun passiġġier, żieda ta’ 1.5 miljun passiġġier aktar mis-sena l-oħra.
“Għalhekk huwa importanti dak li qed inħabbru illum – dawn in-numri qed juruna li dan il-mezz huwa wieħed imfittex u għalhekk huwa importanti li nkomplu naħdmu sabiex naraw titjib fl-effiċjenza tiegħu għall-benefiċċju ta’ dawk li jagħmlu użu minnu. Nafu li hemm rotot li huma aktar popolari man-nies u għalhekk ser inkunu qed nindirizzaw uħud minn dawn ir-rotot billi nżidu n-numru ta’ vjaġġi li jsiru – xi ħaġa li qabel ma stajniex nagħmluha mingħajr l-investiment neċessarju. Niftakru wkoll li ż-żieda fl-użu ta’ dan il-mezz iwassal biex innaqsu d-dipendenza fuq il-vettura privata,” spjega l-Ministru Borg.
Huwa għalaq billi rringrazzja lill-Malta Public Transport u lil Transport Malta li ħadmu flimkien mal-Gvern biex dan l-iżvilupp pożittiv seta’ jseħħ, filwaqt li rringrazzja wkoll lix-xufiera kollha ta’ tal-linja li ta’ kuljum ikunu fuq it-toroq ta’ pajjiżna biex iwasslu dan is-servizz tant importanti lill-poplu filwaqt li tenna li, “dawk kollha li jużaw dan is-servizz qegħdin jgħinu lill-Gvern fil-ħidma tiegħu favur trasport alternattiv u ta dan nirringrazzjahom.”
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna li kien preżenti għat-tnedija ta’ żieda fir-rotot qal li l-miżuri li neda l-Gvern fit-trasport pubbliku b’xejn għaż-żgħażagħ qegħdin iwasslu sabiex ikun hawn bidla fil-kultura u fil-mentalità dwar it-trasport pubbliku.
“Fil-baġit li ġej ser ikun hemm żieda marġinali fil-Public Service Obligation bil-għan li tagħti għajnuna finanzjarja biex tiżdied il-frekwenza ta’ ċertu rotot li għalkemm mhux profitabbli jaqdu bżonn soċjali biex , it-trasport pubbliku tassew jilħaq il-bżonnijiet ta’ kulħadd.”
Il-Ministru Scicluna fisser kif b’dawn il-miżuri l-Gvern qiegħed jinvesti fil-ġenerazzjonijiet futuri sabiex jagħmlu aktar użu mit-trasport pubbliku li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar kemm f’dak li għandu x’jaqsam man-nefqa fit-trasport u wkoll ma’ tnaqqis ta’ emmissjonijiet ambjentali kkawżati mill-użu tal-vetturi.
Iċ-Chairman tal-Malta Public Transport Felipe Cosmen tkellem fuq kif it-trasport pubbliku dejjem qiegħed jevolvi u li n-nies fil-ġurnata tal-lum għandhom diversi għażliet ta’ kif jistgħu jivvjaġġaw. Huwa saħaq kemm kien importanti li bħala entità jużaw l-esperjenza internazzjonali li għandhom fis-settur tat-trasport biex ikunu jistgħu jadattaw ċerti sistemi għal pajjiż bħal Malta. Cosmen tkellem fuq kemm it-trasport pubbliku jibqa’ wieħed mill-aktar mezzi effiċjenti ta’ kif wieħed jivjaġġa filwaqt li jibqa’ wieħed mill-aħjar mezzi ta’ kif nistgħu nnaqsu l-użu ta’ vetturi privati u għalhekk dan il-mezz isir wieħed li jgħin anke lill-ambjent.
“F’dawn l-aħħar erba’ snin, investejna f’211 vettura tal-linja li huma EURO 6 u llum qed inkomplu ninvestu b’40 karozza tal-linja oħra biex ikollna flotta li hija aktar ġdida, li tniġġes inqas u li għandha aċċessibilità sħiħa,” qal is-Sur Cosmen. “U nilqgħu bis-sħiħ id-deċisjoni tal-Gvern biex inkomplu ntejbu r-rotot bl-investiment li qed nagħmlu, biż-żidied fil-frekwenzi u b’titjib fil-konnettività biex tabilħaqq ikollna servizz aħjar,” qal iċ-Chairman. Huwa għalaq billi rringrazzja lill-ħaddiema kollha għad-dedikazzjoni u l-enerġija li għandhom biex jintlaħqu dawn ir-riżultati importanti, kif ukoll lil dawk kollha li jużaw tal-linja ta’ kuljum biex jivvjaġġaw.
02/08/2019
2 responses to “40 karozza tal-linja ġdida jiżdiedu mal-flotta ”
Can you be more specific about the content of your article? After reading it, I still have some doubts. Hope you can help me.
Your point of view caught my eye and was very interesting. Thanks. I have a question for you.