Il-Gvern huwa impenjat li jinkoraġġixxi lin-nies biex jinvestu flushom b’modi li jirrendulhom aktar mingħajr ma jidħlu f’riskji żejda. Jemmen ukoll li aktar kumpaniji Maltin għandhom jiġu kkwotati fil-Borża ta’ Malta. Għal dan il-għan, hemm bżonn li f’dan il-qasam ikun hemm aktar edukazzjoni u protezzjoni. Dan qalu l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna waqt id-diskors tal-ftuħ ta’ konferenza organizzata mill-Borża ta’ Malta bit-tema ‘Investor Education: Listen. Learn. Invest.’, maħsuba biex tgħolli l-livell tal-litteriżmu finanzjarju fost l-investituri. Il-konferenza saret is-Sibt, l-24 ta’ Ottubru 2015, fil-lukanda Excelsior, il-Furjana.
Fost il-kwistjonijiet li indirizza l-Ministru Scicluna kien hemm dik tal-intaxxar tad-dividendi skont l-iskeda l-antika. Spjega li din tolqot l-iktar dawk li diġà gawdew mill-qtugħ ta’ dawn l-aħħar tliet snin u li ġie jiswa lill-Gvern madwar €45 miljun fi dħul inqas. Huwa qal li l-Gvern ried li għas-sena d-dieħla l-ewwel jindirizza s-sitwazzjoni ta’ min kien għadu ma bbenefika xejn minn tnaqqis fit-taxxa, imbagħad jgħaddi biex jaqta’ mit-taxxa fuq id-dividendi. “Il-Gvern beħsiebu li din tad-dividends jirranġaha kif għandu jkun,” wiegħed il-Ministru.
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI
Il-Prof. Scicluna ħabbar ukoll li ġimagħtejn oħra se jiġi varat mill-privat prodott tal-pensjonijiet tat-tielet pilastru: “Illum il-ġurnata l-pensjonjiet huma li huma b’riżultat ta’ deċiżjonijiet li setgħu ttieħdu għoxrin sena ilu. Is-sistema trid li l-pensjonijiet jiġu ssupplimentati b’investimenti fi prodotti ta’ pensjonijiet privati b’mod volontarju. Il-Gvern issa għamel il-qafas meħtieġ u s-settur privat wasal biex joħroġ bil-prodott.” Semma’ wkoll il-fatt li qabel l-aħħar tas-sena se tgħaddi mill-Parlament il-liġi dwar l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji. Tkellem dwar kif diversi kienu n-nies li tilfu ħafna flejjes intortament. L-Arbitru se jkun qed iservi ta’ qorti għal dan il-qasam, u se jaqta’ s-sentenzi fi żmien qasir u mingħajr spejjeż kbar għal min jagħżel li jirrikorri quddiemu.
[nggallery id=278]
Il-Ministru saħaq dwar il-ħtieġa ta’ aktar edukazzjoni finanzjarja. Ħafna nies jaħdmu u jbatu ħajjithom kollha biex iġemmgħu u jinvestu flushom u jsibu lil xi ħadd li jpoġġihomlhom f’riskji mhux meħtieġa mingħajr l-għarfien tagħhom. Hemm bżonn ukoll edukazzjoni tal-midja, għax ikun hemm każijiet fejn dawn jagħtu lill-investituri u lill-investituri potenzjali informazzjoni skorretta jew mhux preċiża.
– Saturday, 24th October, 2015