B’kollox il-Gvern se jkun żamm 8 laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar il-baġit 2015
Dalgħodu saret it-tieni laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali rappreżentati fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESD dwar il-Baġit 2015.
Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Dott. Helena Dalli semmiet kif fil-ġimgħat li għaddew saru bosta preżentazzjonijiet mill-Ministru tal-Finanzi dwar id-dokument ta’qabel il-baġit fost l-oħrajn mal-MEUSAC bl-iskop li jintlaħaq il-pubbliku kollu.
“Kull persuna kellha aċċess biex issemma’ leħinha f’dal-proċess u bħala Gvern impenjati li nkomplu nifirxu dan id-djalogu” qalet il-Ministru Dalli.
[nggallery id=217]
Hija fissret id-dokument ta’qabel il-baġit bħala wieħed mill-aktar importanti u faħħret l-inizjattiva li ttieħdet mill-Ministeru tal-Finanzi li sar proċess ta’ konsultazzjoni f’lokalitajiet differenti.
F’indirizz tal-ftuħ, il-Ministru għall-Finanzi l-Prof. Edward Scicluna semma’ kif il-Gvern irċieva 25 sett ta’ proposti differenti għall-Baġit 2015 minn organizzazzjoni differenti li jinkludu unions, korpi kostitwiti, għaqdiet u assoċjazzjonijiet. B’kollox dawn jammontaw għal aktar minn 300 proposta separata.
Il-Ministru Scicluna laqa’ b’sodisfazzjon il-mod ta’ kif il-proċess ta’ konsultazzjoni qed isir wieħed aktar istituzzjonalizzat fejn ix-xahar ta’ Settembru qed jkun dedikat kollu għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u mal-pubbliku.
B’kollox il-Gvern se jkun organizza 8 laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku, imsieħba soċjali u soċjetà ċivili b’rabta mal-Baġit 2015.
Il-proposti mressqa mill-imsieħba soċjali jiffukaw fuq l-oqsma tas-servizzi soċjali, it-turiżmu, l-edukazzjoni, l-amministrazzjoni pubblika, il-kummerċ, il-qasam tal-impjiegi u dwar Għawdex.
Il-lista sħiħa ta’ organizzazzjonijiet li ssottomettew proposti lill-Gvern dwar il-Baġit 2015 hija kif ġej:
Il-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija
L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA)
L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti Maltin (MHRA)
L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija (GTA)
L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA)
Malta Business Bureau
L-Assoċjazzjoni tal-Importaturi tal-Karozzi
Malta Institute of Management
Kumitat Reġjonali għal Għawdex
BAG Malta
Federazzjoni Maltija Vetturi Antiki
Royal Air Force Association
MSV Life
Il-Konfederazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet tan-Nisa
Action for Breast Cancer Foundation
Il-Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet għall-Persuni b’Diżabilità
L-Assoċjazzjoni għas-Saħħa Mentali (Malta)
Il-Forum Unions Maltin (For.U.M)
Il-General Workers Union (GWU)
Il-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin (CMTU)
Il-Kamra ta’ Entrapriża Żgħar u Medji (GRTU)
Il-Union Ħaddiema Magħqudin
Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija
Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa
Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promo zzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE)
Iċ-Ċhairman tal-MCESD is-Sur John Benċini fisser il-laqgħa tal-lum bħala waħda importanti ħafna fejn l-imsieħba soċjali joħorġu bil-proposti tagħhom.
L-MCESD se jkun qed jerġa’ jiltaqqa’ nhar it-Tnejn fit-3.00 P.M. biex l-imsieħba soċjali jkomplu jiddiskutu l-proposti tagħhom mal-Ministru tal-Finanzi.
– Friday, 3rd October, 2014