Aktar protezzjoni għall-investitur


Il-gvern se jkun qed iwettaq wegħda elettorali oħra permezz tat-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, li se joffri aktar protezzjoni u serħan tal-moħħ għal min jinvesti flusu. Fil-Parlament, il-Gvern diġà ressaq l-ewwel qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jipprovdi għat-twaqqif ta’ dan l-Uffiċċju.

 

JER_7151

 

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmu dwar il-benefiċċji li dan l-Uffiċċju se joffri kemm għall-ekonomija kif ukoll għall-protezzjoni tal-konsumatur.

 

STQARRIJA KONĠUNTA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI U MILL-MINISTERU GĦAD-DJALOGU SOĊJALI, L-AFFARIJIET TAL-KONSUMATUR U L-LIBERTAJIET ĊIVILI

 

L-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji se jkollu l-funzjoni li jinvestiga l-ilmenti ta’ investituri dwar nuqqasijiet minn aġenti jew/u istituzzjonijiet finanzjarji li jkunu joperaw minn Malta u jkunu liċenzjati mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (l-MFSA). Se jkun jista’ jisma’ wkoll każijiet ta’ tilwim bejn investituri u istituzzjonijiet finanzjarji. L-Arbitru se jkollu s-saħħa legali li jagħti sentenzi eżekuttivi, mhux biss rakkomandazzjonijiet.

 

[nggallery id=257]

 

Individwi u l-werrieta tagħhom, kif ukoll negozji żgħar li jħaddmu inqas minn għaxra min-nies, se jkunu eliġibbli biex iressqu lment. Malli tgħaddi l-liġi, l-ilmenti se jkunu jistgħu jintbagħtu lill-Uffiċċju tal-Arbitru sa mhux aktar tard minn sentejn minn meta l-konsumatur ikun induna jew sar jaf bin-nuqqas tal-aġent finanzjarju fil-konfront tiegħu. Dan, iżda, sakemm l-ilment ma jkunx imur aktar lura mill-1 ta’ Jannar 2000 u l-każ ma jkunx preskritt, il-konsumatur se jkollu l-għażla li jiftaħ kawża quddiem il-Qrati tal-Ġustizzja jew inkella quddiem l-Uffiċċju tal-Arbitru. Jekk ikun hemm kawża għaddejja quddiem il-Qrati, l-investitur ikun irid iwaqqagħha biex jiftaħ każ għand l-Uffiċċju tal-Arbitru.

 

Il-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna, qal li l-ħolqien tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji b’saħħa legali għandu jikkontribwixxi għal aktar tkabbir tas-servizzi finanzjarji, għax aktar nies se jkollhom moħħhom mistrieħ biex jinvestu. Aktar ma jkun hemm fiduċja min-naħa tal-konsumatur, akbar hi l-probabilità li dan jidħol għal investimenti finanzjarji.

 

Edward Scicluna qal li l-Arbitru se jkun jista’ jagħti kumpens finanzjarju sa massimu ta’ €250,000 fuq kull ilment għal kull individwu. F’ċirkustanzi fejn l-aġent finanzjarju jkun falla, il-konsumatur se jkun qed jingħata kumpens massimu ta’ €20,000 mill-fond ipprovdut taħt l-Investor Compensation Scheme.

 

Huwa qal li għadda l-abbozz ta’ liġi lill-Oppożizzjoni u lill-Assoċjazzjoni tal-Bankiera, biex jagħtu l-feedback tagħhom. Aktar tard se jingħadda wkoll lis-sħab soċjali.

 

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Libertajiet Ċivili, Helena Dalli, semmiet kif it-twaqqif ta’ dan l-uffiċċju qed iseħħ ftit ġimgħat biss ’il bogħod minn meta se tidħol fis-seħħ id-Direttiva dwar is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim tal-Konsumaturi (Alternative Dispute Resolution) li taqa’ taħt l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (l-MCCAA).

 

Helena Dalli qalet li l-konsumatur issa se jkollu għażla li minflok jiftaħ każ quddiem il-qorti, jista’ jagħmel l-ilment tiegħu fl-Uffiċċju tal-Arbitru tas-Servizzi Finanzjarji fejn se jkollu l-vantaġġ li t-tilwim ikun issetiljat b’mod effettiv lil hinn mill-qorti permezz ta’ entitajiet li joffru soluzzjoni alternattiva għall-ilment u jevitaw ħafna spejjeż żejda. Il-Ministru Dalli enfasizzat l-importanza li l-entitajiet ikunu imparzjali, ġusti, trasparenti u effettivi.

 

newsbook_logo  maltaindependent_logo  iNews_Logo  tvmnews_logo

– Thursday, 28th May, 2015

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *