Baġit 2020 – Inkomplu Nikbru Flimkien


“Dan il-Baġit qed jirrispondi għall-bżonnijiet tan-nies, u bil-miżuri li nedejna indirizzajna l-prijoritajiet, speċjalment dawk soċjali u ambjentali.” Dan qalu l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fejn spjega kif ir-reazzjonijiet għall-Baġit 2020 kienu pożittivi ħafna.

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA

U

MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna semma kif minkejja l-isfidi lokali u globali, dan il-Gvern qiegħed jaħdem sabiex jindirizzahom. Tant hu hekk li dan il-Gvern alloka somma rekord ta €80 miljun f’discretionary expenditure fejn bl-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda mhux biss affaċċja l-isfidi li hemm preżenti iżda fl-istess waqt kompla jtejjeb il-kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji:

“Tajna kelma li dawk it-tlettin sena ta’ dejn ma nerġgħux narawhom; in-nies iriduna nkunu ġenerużi ma’ min hu fil-bżonn filwaqt li nżommu l-prudenza,” temm jgħid il-Ministru.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ddeskrieva l-Baġit 2020 bħala wieħed favur il-ġenerazzjonijiet tal-lum u t’għada, favur l-ambjent, favur il-familji, favur il-ħaddiema, favur in-negozju, favur l-istudenti, favur il-pensjonanti, favur Malta. Baġit li jirrifletti s-suċċessi tas-snin li għaddew fl-oqsma tal-ekonomija u finanzi u li se jkompli jsaħħaħ u jwessa’ l-bażi għal aktar suċċessi fil-futur. Huwa baġit li jsaħħaħ dak li sar ilbieraħ u jħejji bażi għal sostenibilità għas-snin li ġejjin.

“Aktar minn hekk dan huwa baġit ta’ serħan il-moħħ. Gvern Laburista wiret sfidi li llum, grazzi għal politika għaqlija, għelibnihom. Spiċċa żmien il-qgħad, spiċċa n-nuqqas ta’ investimenti, l-ekonomija m’għadhiex identifikata ma’ staġnar imma hija waħda vibranti. Spiċċa ż-żmien ta’ mediċini out of stock u llum għandna sistema tas-saħħa mill-aqwa. Spiċċa żmien il-kontijiet għoljin għall-enerġija,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Huwa żied jgħid li ma jfissirx li ma fadalx sfidi. Sfidi li qegħdin magħna u oħrajn li qegħdin narawhom ġejjin, bħalma huma t-tibdil tal-klima, il-kwistjoni tal-kera, il-problemi ta’ nies li jmissu mal-faqar u l-isfida ta’ nuqqas ta’ ħaddiema għax-xogħol li qiegħed jinħoloq fil-pajjiż.

“Hawn serħan il-moħħ li l-Gvern jagħraf u jirrikonoxxi l-isfidi li għandu u jipprepara għalihom. Fejn jirrigwarda tibdil fil-klima wara li ħlisna darba għal dejjem mill-heavy fuel oil tal-power station qegħdin ninċentivaw ix-xiri ta’ karozzi b’emissjonijiet baxxi; stabbilejna żmien li matulu se jkun eliminat l-użu ta’ affarijiet tal-plastik li jintużaw darba u jintremew; se nipprovdu trasport b’xejn lil persuni ta’ 75 sena u aktar li minnha se jibbenefikaw madwar 20,000 ruħ. Fejn tidħol il-kera l-Gvern se jkun qed jibni 1,700 akkomodazzjoni soċjali filwaqt li nkomplu bis-sussidji lil first-time buyers,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Huwa żied jgħid li l-Baġit 2020 qed jindirizza wkoll l-qasam soċjali kif rifless biż-żieda ta’ €7 fil-pensjonijiet; iż-żieda fil-pensjoni lil persuni b’diżabilità għal-livell tal-Paga Minima Nazzjonali kif se tkun ukoll il-pensjoni minima.

“Se nkomplu ndaħħlu fil-Formularju tal-Gvern aktar mediċini b’xejn għall-mard tal-kanċer, tal-prostata, tal-ġilda, HIV u mard rari,” sostna d-Deputat Prim Ministru. Irrefera wkoll għall-kwistjoni tal-prekarjat li bħalma ġiet solvuta fir-rigward ta’ ħaddiema tal-privat li jaħdmu f’postijiet tal-Gvern hekk se tkun solvuta fejn jidħol il-privat.

Tuesday 15th October 2019 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *