Ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa għal kull min jaħdem


Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna ħabbar li għat-tielet sena konsekuttiva, il-Gvern ser ikun qed jagħti ċekk lil kull min jaħdem, kemm fuq bażi full-time u kif ukoll dawk li jaħdmu fuq bażi part-time.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARI

Il-Ministru Scicluna jħabbar li ser jintbgħat ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa għal kull min jaħdem

Din hija waħda mill-miżuri li dan il-Gvern kien ħabbar biex inaqqas il-piż it-taxxa fuq id-dħul, biex jippremja lil min jaħdem.

Il-Ministru Scicluna qal, “Fl-ewwel erba’ snin tal-ewwel leġislazzjoni tagħna, naqqasna r-rati tat-taxxa sena wara l-oħra bħala parti mill-pjan tagħna tal-Making Work Pay. Fl-ewwel tliet snin waqqajna r-rata tat-taxxa fuq id-dħul minn 35 fil-mija għal 25 fil-mija. Fir-raba’ sena erġajna naqqasna r-rata tat-taxxa fuq id-dħul, din id-darba għal faxxa oħra ta’ ħaddiema li kienu jaqgħu taħt ir-rata ta’ 25 fil-mija. Fl-2018 morna pass oltre minn hekk u tajna ċekk lil kull min jaħdem, irrelevanti jekk iħallasx taxxa jew le. Illum, għat-tielet darba, ser nerġgħu nagħtu ċekk lil dawk il-ħaddiema kollha li kienu fl-impjieg matul l-2018. Żammejna kelmtna u qed nagħtu dan it-tax refund anke f’dawn iċ-ċirkostanzi tal-pandemija, fejn id-dħul tal-Gvern huwa inqas milli antiċipajna, sabiex nissalvagwardjaw is-saħħa u l-impjiegi.”

Il-Ministru Scicluna kompla billi qal li l-ammont li ser jitħallas ivarja minn €40 sa massimu ta’ €68, skont id-dħul gross mix-xogħol tal-individwu. Min jaqla’ l-inqas ser ikun qed jirċievi l-akbar ammont f’tax refund u għalhekk din il-miżura mistennija tikkontribwixxi għall-aktar tnaqqis fir-rata ta’ nies f’riskju ta’ faqar f’Malta.

Din il-miżura ser jibbenefikaw minnha 211,887 ħaddiem, u se tiġi tiswa lill-Gvern €11.5 miljun. Dan ifisser li fi tliet snin, b’din il-miżura biss, il-Gvern se jkun ta lura madwar €35 miljun lil dawk kollha li jaħdmu.

Iċ-ċekkijiet ser jibdew jintbgħatu bil-posta minn nhar l-Erbgħa 17 ta’ Ġunju 2020.

Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jċempel fuq in-numru 153, li ser jassisti lill-publiku fuq din il-miżura minn nhar it-Tnejn 22 ta’ Ġunju 2020. ​​

-16/06/2020

,