€50 miljun fi proġetti f’Għawdex


Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna żaru diversi proġetti f’Għawdex, proġetti li jammontaw għal investiment ta’ €50 miljun. Uħud minn dawn il-proġetti qegħdin f’fażi avvanzata, oħrajn tlestew fil-ġimgħat li għaddew, filwaqt li  oħrajn waslu biex jibdew.

“L-iskop ta’ din iż-żjara,” qal il-Ministru għall-Finanzi, “huwa li wieħed jara mill-qrib l-investiment qawwi li qed isir f’Għawdex permezz ta’ fondi mill-vot kapitali tal-Baġit. Il-proġetti li qed isiru permezz ta’ dan l-investiment, qed jikkontribwixxu għat-tisbieħ ta’ Għawdex, kif ukoll għat-tisħieħ tal-ekonomija Għawdxija.”

Il-Ministru Anton Refalo fisser li dawn il-proġetti mhux biss se jtejjbu l-prodott turistiku Għawdxi imma se joħolqu aktar impjiegi f’Għawdex.

Każ tipiku hu l-bini tad-Dar tal-Anzjani f’Għajnsielem li għaddej b’rittmu mgħaġġel. Dan il-proġett b’investiment ta’ €6 miljun mistenni joħloq impjiegi ġodda fil-kura tal-anzjani. Id-dar se jkollha 70 kamra bi twin beds u b’kollox  se tkun tista’ takkommoda 140 anzjan. Fost dawn koppji li fiż-żmien tal-irtirar tagħhom ser ikunu jistgħu jibqgħu jgħixu flimkien minflok jinfirdu kif qed isir illum minħabba li bħalissa m’hemmx istituzzjonijiet li jakkomodaw koppji flimkien.

 

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX U L-MINISTERU GĦALL-FINANZI

 

Titjib infrastrutturali

Il-Ministri raw ukoll ix-xogħol li sar biex inbidlu s-servizzi tul 10 kilometri minn Ħondoq ir-Rummien sa ta’ Ċenċ.  Sar xogħol ta’ kisi ta’ tarmak tul dawn it-toroq li b’kollox swew qrib iż-€2 miljun.

Proġett estensiv ieħor li wasal kważi fi tmienu huwa t-tisbiħ fi Vjal it-8 ta’ Settembru, Misraħ il-Vitorja u z-zuntier quddiem il-Bażilika ta’ Marija Bambina fix-Xagħra. Xogħol li kien jinvolvi pavimentar ġdid, servizzi ġodda, sistema ta’ dawl ġdid, tisbiħ u asfaltar.  Dan  il-proġett ser jiġi jiswa madwar tliet kwarti ta’ miljun ewro.

Nindukraw lill-kumpaniji fil-manifattura

Riċentament il-Gvern ħabbar li se jiġu allokati €16-il miljun fiż-żona Industrijali tax-Xewkija, fis-siti magħrufa bħala l-Ħofra u l-eks MDP.   Dan huwa proġett importanti għal Għawdex li ser joħloq l-possibbilta’ li madwar 25 intrapriżi żgħar u medji (SMEs) ikunu jistgħu joperaw minn dawn iż-żewġ siti.  Sit minnhom ser jakkomoda 15-il kumpanija tal-manifattura jew servizzi tradizzjonali, filwaqt li s-sit l-ieħor maħsub għall-SMEs li huma bbażati fuq servizzi ta’ IT, riċerka u żvilupp.   Dan il-proġett se jkun kofinanzjat mill-Fondi Ewropej.  L-ewwel tenders mal-proġett se jkunu ppubblikati dalwaqt.

 

Proġetti ġodda

Il-Ministru Anton Refalo tenna li l-Ministeru għal Għawdex qed jistenna li fil-ġimgħat li ġejjin joħorġu l-permessi mill-Awtorita’ tal-Ippjanar, sabiex jibda l-bini ta’ Qorti l-ġdid fi Triq Borg Olivier ir-Rabat. Dan il-proġett se jkun qed jinkludi  parkeġġ taħtu biex itaffi l-problema eżistenti fl-inħawi.

B’hekk il-Qorti jiġi rilokat miċ-Ċittadella, f’post iktar konvenjenti u modern. Is-sit identifikat għall-Qorti l-ġdid huwa minflok il-parkeġġ li hemm fuq żewġ livelli bejn Triq Borg Olivier u Triq Ġużeppi Labre’.  Dan il-progett hu smat li jiġi jiswa’ madwar €5 miljun.

Proġett innovattiv ieħor li se jiġi mwettaq b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta huwa l-Mużew t’ Għawdex.  Il-Ministeru għal Għawdex applika għall-Fondi Ewropej għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett ambizzjuż. Il-post li ġie magħżul għal dan il-proġett huwa l-bini li fadal mill-eks Liċeo Ninu Cremona fir-Rabat.  Dan il-bini kien ġie mibni fuq disinn ta’ Joseph G. Huntingford fil-ħamsinijiet u jifforma parti importanti mill-wirt arkitettoniku aktar riċenti ta’ gżiritna.  Il-proġett ser jiswa’ madwar €5 miljun u ser jiġbor fih l-istorja ta’ Għawdex.

Għaddej b’ritmu tajjeb ukoll il-proġett tat-taraġ majestuż li jniffed il-parkeġġ ma’ Pjazza San Franġisk, fir-Rabat. Il-pjan jinkludi lift li jwassal mill-parkeġġ għall-pjazza, sala tal-esebizzjonijiet u tisbiħ tal-Pjazza ta’ San Franġisk.  Dan il-proġett hu meħtieġ biex ineħħi l-periklu li jeżisti bħalissa biex wieħed jasal għall-pjazza mill-parkeġġ bil-mixi. Rigward it-taraġ f’Pjazza San Franġisk bħalissa għaddej xoghol fuq il-kostruzzjoni tal-pedamenti, li hija l-aktar fażi li ser tieħu żmien minħabba li l-bażi hija magħmula mit-tafal. Sadanittant qiegħed isir ix-xogħol fuq it-tender tal-finishing li waslet ukoll fl-aħħar fażijiet tagħha. Dan il-proġett hu maħsub li jiswa mat-€3 miljun u ser itejjeb l-aċċessibbilita’ għall-pjazza San Franġisk fejn jinsab il-Ministeru ta’ Għawdex u ħafna mis-servizzi tal-gvern.

pr161632b

 

Il-Ministri żaru wkoll iċ-Ċittadella. Proġett li ġie inawgurat dan l-aħħar mill-Prim Ministru. Saru diversi  xogħlijiet estensivi u intensivi li twettqu f’dawn l aħħar snin għar-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ din il-ġawhra ta’ Għawdex. Dan il-proġett kien kofinanzjat minn Fondi Ewropej u ġie jiswa’ €14-il miljun.

Anton Refalo tenna l-importanza ta’ dawn il-proġetti li qed isiru taħt din l-amministarazzjoni u li ser joffru  valur miżjud lill-prodott turistiku Għawdxi.  Dawn huma proġetti li ser jagħtu dehra ġdida, isbaħ u aħjar lil Għawdex.

govmt_logo   illum_logo   gozonews   tvm_com_mt-Logo-HI-rRES-SOLID-COLOUR

Wednesday 20th July 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *