Estensjoni tal-moratorju għall-faċilitajiet ta’ kreditu f’ċirkostanzi eċċezzjonali


Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna ħabbar li ż-żmien tal-moratorju għall-faċilitajiet ta’ kreditu f’ċirkostanzi eċċezzjonali ser jiġi estiż għal perjodu ta’ sitt xhur oħra.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U S-SERVIZZI FINANZJARJI

Il-Ministru Scicluna qal li, “il-ħidma tal-gvern ser tibqa’ ffukata sabiex issostni u tagħti nifs lin-nies fin-negozju, lis-self-employed u lill-familji. L-iktar mezz effikaċi, li diġà ġie indirizzat fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, huwa li nindirizzaw kemm is-self tal-passat u kif ukoll self li wieħed jista’ jiġi bżonn ‘l quddiem. U għalhekk bħala gvern fiċ-cirkostanzi preżenti ħsibna li jkun għaqli li dan il-moratarju nestenduh għal perjodu ta’ sitt xhur oħra.”

Il-Ministru Scicluna spjega kif dawk li diġà sselfu u ngħataw moratorju bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u t-30 ta’ Ġunju 2020 u juru li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom ser tibqa’ l-istess, kif stipulat mid-direttiva, jistgħu japplikaw għal estensjoni ta’ perjodu addizzjonali ta’ sitt xhur oħra sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2020. Dan il-perjodu għandu jibda mill-ġurnata ta’ wara t- tmiem tal-ewwel perjodu.

Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji kompla billi qal li applikanti ġodda wkoll ser ikunu eliġibbli li japplikaw għal dan il-moratorju u dan ser jingħata għall-perjodu ta’ sitt xhur.

Il-Ministru Scicluna spjega kif dan huwa parti minn pakkett finanzjarju ikbar. Il-gvern daħal b’garanzija ta’ 90% għal self ġdid li qiegħed hemm għan-negozji sabiex jiffinanzjaw il-working capital tagħhom. Il-gvern ser ikun qed iħallas ukoll l-interessi tal-pagamenti marbuta mas-self għal sentejn. Din il-miżura ser tiswa madwar €40 miljun. Dan minbarra l-miżura ta’ differiment tat-taxxa fuq id-dħul, il-VAT, kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, u dazju u sisa, li kif ġie mħabbar iktar kmieni ġew estiżi għal aktar xhur.

Fit-tieni parti tal-konferenza, l-Ministru Scicluna faħħar il-ħidma tad-dipartiment tad-Dwana ta’ Malta. Il-ministru għamel referenza għal ittra li rċieva mingħand kumpanija internazzjonali, fejn irrimarkat il-mod eċċellenti li bih qed taqbad prodotti li huma foloz. Il-kumpanija innutat l-mod eżemplari ta’ kif qed topera d-Dwana ta’ Malta minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Id-Dipartiment tad-Dwana ta’ Malta rnexxielu jaqbad 35 container ta’ prodotti foloz ta’ din il-kumpanija fi 12-il xahar.

Il-Ministru Scicluna għamel referenza wkoll għal xi kummenti li dehru fuq ċerti mezzi soċjali b’rabta mal-Carousel Fraud fuq il-VAT. Il-Ministru Scicluna qal li pajjiżna huwa wieħed li qiegħed minn ta’ quddiem mill-pajjiżi tal-EuroFisc li qed jorganizza diversi laqgħat biex jiġġieled din l-evażjoni ta’ taxxa fuq skala kbira. Il-Ministru Scicluna ċaħad dak kollu li ġie rrapurtat li f’Malta qed joriġina dan it-tip ta’ frodi anzi enfasizza li f’Malta għandna uffiċjali apposta li qed jaħdmu id f’id ma’ pajjiżi oħra biex naraw li pajjiżna jkun minn ta’ quddiem nett fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-evażjoni tat-taxxa.

Wednesday 1st July 2020

,